Tuesday, 9 October 2018




Jinqabdu Jgħidu l-Ħmerijiet.

Jinqabdu jgħidu l-ħmeijiet
u lanqas xejn ma ġara,
ma jixbaħ xejn lil-verita’
u m’għandu xejn mis-sewwa.
Bil-qassisin jimmolestaw
għax tagħhom hija s-saltna
lit-tfal iż-żgħar u kull ma jmur
jinkixfu aktar skandli.
Bla biża’ xejn għax approvat
dal bini qed ifixkel
kull pjanta studjat jew strutturat
u kontra kull raġuni.
tal-kapijiet li jitneħħew
minħabba li jitfixklu,
tal-vittma li titħallas trid
għal kull vendikazzjoni,
ta’ niex m’għandhomx fejn jistkennew
inkella tal-vettura
parkeġġ ma ssibx, mhemmx x’tagħmel taf
u ħadd ma jrid jitkellem.
Taf l’issa dan għonq ta’ flixkun
Ma tafx minn fejn se tgħaddi
Nitkellmu biss waqt xi diskors
ta’ ġurnalista brava
li mxiet fit-tul ma waqfet qatt
u saret kummissarju.
Għax arroganti dal-poter
ser nimxu bi protesta,
u mixja mxejt favur il-ħaqq
imqar favur is-sewwa,
għax xejn minn dan ma kien tassew
aħbarijiet mirquma.

Alfred Grech
09/10/2018

Monday, 8 October 2018




138.

Int jista’ jkun ukoll li reġa bdielek,
Jew ridt narak mill-ġdid biex nerġa nġedded
It-tifkiriet li jisfidaw kull sens ta’ storja
U nerġew nirxuxtaw vulkan li raqad.
Int lanqas terġa tħares fiss f’għajnejjja
Filwaqt l’għafastli jdejja bħal fi tnalja,
Tbissimt u qatt ma ċħadtha l-mistoqsija
Quddiemna t-tnejn mingħajr ma staqsejniha.
Imbagħad ma nafx għaliex mintix tintebaħ
Li dak li għadu jorbtok ma ħaddieħor
Mhu xejn għajr sens ta’ lealta’ jew ħtija
Lejn min għalik eroj kien waqt l-isfida.
U għalhekk nerħilek jien il-ħabel kollu
Biex tibda tidwi l-baħħ li hemm ġo fija.

Alfred Grech
08/10/2018

Sunday, 7 October 2018


Image result for woman silouette

Surtek

Surtek Imnaqqxa ġewwa fija
il kliem jitilfu kull tifsira
biżżejjed daqqa t’għajn biex nemmen,
tislima, biex ninfed id-dell tiegħek.

Alfred Grech
07/10/2018

Thursday, 4 October 2018




Ejja Hawnhekk.

Ejja hawnhekk bil-qiegħada ħdejja
fuq kantun taħt diż-żebbuġa
nitbekkew agħar mill-ilsiera
hawn maġembna l-ilmijiet tax-xmajjar tax-xtut tagħna
ix-xtut ta’ Babilonja.
Nitbekkew l-iżverġnar ta’ dawn il-gżejjer
lil dan il-ġens mistifkat
traxxinat f’dil-mixja alluċinanti
lil dal-poplu lluppjat mhedi jgħasses
il-lussu efimeru ta’ tiġieġa tbid
il-bajd tad-deheb.

Ejja hawnhekk  ħa nibdew nagħmlu
bħax xadini, la naraw u la isimgħu, xejn ma nghidu
biex nixxabbtu u niskalaw il-grattaċjeli
jew nixxabbtu mal-ħitan tal-muta eterna
jew mas-siġar li jitqaċċtu
biex inwesgħu aktar toroq jew biex nibdu torri iehor
jew biex nagħmlu aktar wisa’ lil vetturi
li jiżdiedu ta’ kulljum,  jimblukkaw, jiġġammajaw
mas-sewwieqa kkundannati li qed jisħtu kull mument
li qed jobsqu telf ta’ sabar fil-blasfemi tas-sedil.

Ejja nagħmluha ta’ bankiera u nislifu l-flus bl-addoċċ
sabiex nibdu Malta ġdida jew nisselfu
biex noħolqu arja oħra ta’ progress u ta’ suq ħieles
jew kummerċ bl-immunita’
bil-munita diġitali
bl-osessjoni jew tellieqa biex inbiegħu
arja ta’ fuq il-bjut jew duħħan ta’ fuq il pjanti
spazju ġdid, spazju virtwali. . . .

Inti li bħali toħlom il-kwiekeb
u l-qamar li jongħos iċċassat
fuq sema mnikket għax darbuħ il krejnijiet.

Alfred Grech
05/10/2018

Wednesday, 3 October 2018


Image result for man and woman looking at each other

LXVI

U xħin is-seħer mar erġajna ltqajna.
Għax sirna bħall-oħrajn bilkemm nitħamlu
U ġrejna ħafna għalxejn, fejn konna bqajna
Inħarsu lejn xulxin, ma nafx x’ser nagħmlu.

Jien kont saħħar għalik u int għalija
Kont kewkba fis-smewwiet, li terħi x-xuxa,
Jien tlift is-seħer, inti tlif id-dija,
Fi qlubna t-tnejn m’għadniex fil fond minquxa.

Jien kont ir-riħ għalik, int kont il-baħar,
It-tnejn qanqalna riefnu u ġejna f’tagħna
U x’ġara mbagħad jien ftit li xejn niftakar,
Int xbajt iddur u jiena w’qaft mill-għana.

Imm’issa qagħad ir-riħ u l-ajru tbiegħed
U r-riħa bdiet tinxtamma tal-ilma qiegħed.

Alfred Grech
14/06/2013

Tuesday, 2 October 2018


Image result for a flight into the inifnite.

Titjira Fl-Infinit.

Mixja oħra din tal-moħħ,
titjira fl-infinit,
bil-friefet ġol-istonku.

Il-ħin ilissen il-waqtiet
imnaqqxa fil-granit
senswalita’ li tidher
f’għajnejn ħaddieħor.

Jien xtaqt li nkun għalik
dak l’inti qatt ma tinsa,
u inti għażilt lili
għax jien għalik
dak kollu li baqgħalek.

Jekk għad niltaqgħu
fil-ħajja li għad tiġi
nitbissmu lil xulxin
mingħajr ma naf il-għala.

Alfred Grech.
02/10/2018

Monday, 1 October 2018



Related image
Għaliex Le!.

Tiġi, tiġi waħedha u għall-għarrieda
u ma tiġix xħin tkun imdejjaq
u tibqa’ biex tħabbatlek fuq it-tieqa
daqqiet ta’ armonija ċelestjali
u inti tkompli mal-battuti
ittektek fuq tastiera inkella tikteb
bli jiġi f‘idejk.

U xħin tneħħilek  l-għamad minn għajjha
tgħidlek: Int mintix is-sieħeb tiegħi,
u int tweġibha:  mhux int sejjaħtli!
U hi tgħidlek li ma tafx.
Imbagħad tħarsilha fiss f’għajnejja
u tgħidilha: Ejja nkomplu,
u hi twieġbek: Għaliex le!.

Alfred Grech
01/10.2019