Friday, 19 October 2018


Related image

Kif Inti?

Kif inti? –qaltli-
Jien ukoll ma niflaħx nerfa’
It-toqol tal-baħħ u x-xejn,
Bil-ktajjen ma riġlejja
Li xekklu lilna t-tnejn.

Jien għadni kif kont qabel
-Weġibtha-
Mal-għadu aggressiv,
l-inkomprensjoni, l-għamad
Nissielet impulsiv,
Dil-bestja feroċi li daħlet ġol-imħuħ
Dan l-annimal li qiegħed jiggranfa
jinvadi imkejjen sagri
jisraq dak li mnhux tiegħu
u jaħkem il-merħla lluppjata.

Qaltli: Wegħedni
Li fis-sahra u fit-tnissija
Ta’ min mar jgħix f’ħin ieħor
U mhux issa,
Tibqa’ tiftakartni.

Alfred Grech
Ż19/10/2018


Wednesday, 17 October 2018


Related image

Is-Sens tal-Ħajja.

Xħin tibda tmur għar-ritmu
U lanqas sibt ir-rima,
U tibqa’ ddur u tagħqad
U titlef it-tbissima,

Xħin lanqas biss il-weġgħa
Ma tħoss u xejn mhu f’waqtu
U taħsbek miexi f’ħolma
U xejn ma jkun kif xtaqtu.

Xħin timxi bla ma tħossha
Ir-rifsa xħin titlajja,
Tistaqsi hux qed titlef
Tassew is-sens tal-ħajja.

U taħseb hux f’kull weġgħa
Ewwilla hemmx tifsira,
Fil-forġa n-nar isaffi
U jnessi kull tifkira.

Xħin lanqas tibqa’ temmen,
Li fuqu kont isserraħ,
Li wasslek f’tarf in-niżla,
Mhemm xejn li jista’ jferraħ.

Issir hekk taf il-għala
U din tagħlima kbira:
Mhux int il-ħajja tifhem
Il-Ħajja ttik tifsira.

Alfred Grech
17/10/2018

Monday, 15 October 2018




Jien Stennejtek.

Jien stennejtek u inti bqajt ma ġejtx
mort fil-waqt u mkien li fteħemna.
Int jista’ jkun li ntift fil-weraq idur
maħtuf minn riefnu
fit-triq li t-tnejn terraqna.

Jien stennejtek u int bqajt ma ġejtx
għax jista’ jkun li l-mormoriji tiegħi dejjquk,
għax jista’ jkun li smajt il-melodiji
li daqqejt u dort u reġa’ bdielek.

Jien issa qiegħed hawn
nagħmel dak li ndrajt nagħmel
nibgħat it-tislijiet lil dak li jkun
u nistieden li min jgħaddi.

Alfred Grech
16.10.2018



Image result for staring at the stars

X’Int Tħares?*

Inħares lejn il-kwiekeb
għax qiegħed ġol-gandott
għaliex minn ġol-perjani
jidħol biss
dawl iffiltrat.

Bibien ir-ruħ mitbuqa
quddiem dan il-flaġell
quddiem dan il-massakru
l-aljenazzjoni ta’ dak li jaqbel
u dak li jifunzjona.

Il-qalb imbagħad
għad tmut fir-resħa
għax tidhra mqar
is-swat.

Alfred Grech.
15/10/2018.


*Bi Tweġiba għall-poeżija li ġġib l-istess isem ta’ Goelle Galea.



Sunday, 14 October 2018


Related image
Din l-Arja Ndefinita.

Kull darba li bexxaqna l-persjani
sfidajna  d-dellijiet
bil-velu tal-imgħoddi
biex żgur ma ningħarfux.

Ħlief arja umda
u xita qliela ma nduqux
kul xħin nittawlu barra.

Ir-riħ imewweġ l-imwieġ
tan-nifs li jidħol fina
tal-fwieħa tar-rand u tal-mertqux
tas-sagħtar li jikber f’art imwarrba.

F’din l-għodwa
ta’ għaġeb u stupur
ta’ arja ndefinita
ma qed jiċċaqlaq xejn
fit-trufijiet tal-ħajja.

Alfred Grech
14. 10. 2018.

Thursday, 11 October 2018



Related image
Nixtieq.

Nixtieq li nasal lilhinn minn fejn ħallejtni
maġenb l-assenza tiegħek
nibni mafkar u ninżel għarkubtejja
ngħodd l-iħirsa ta’ bil-lejl
inkella frak il ħġieġ
ta’ wara l-ħabta.
Int tkebbes xrara u titlaq l-hemm
f’dawk il waqtiet ta ġenna eterna.
Jien nibqa’ hawnhekk biex nonfoħ
il-bżieżaq tas-sapun quddiem il bieb ta’ darek
u noqgħod nikkunempla
it-teptip tal-kiekebfl-isfond ta’ sema nnawfragat
fuq skolji diġitali.
Fil- baħħ imbagħad insib it-tweġibiet
li kont nistenna,
imqar jekk tkun intlift
fil-kuriduri twal u dojoq
tar-rutina ta’ kuljum.

Alfred Grech
12/10/2018

Tuesday, 9 October 2018



Related image

Tithonus.


U hekk tista terġa’ tqiegħdni
mal-imbeċilli li ħasbuk ġenju
fuq naħħet il-lemin ta’ fejn ħallejtni
bil-miżien il-ġdid tal-ħaqq
f’din l-era ta’ġustizzja feminili,
jew tibni niċċa ġdida
fejn tikkunserva l-inċens tat-tifkiriet
bil venerazzjoni tal-fwejjaġ infernali
bir-riħa ta’ min jiskonta.
Int tista’ wkoll tinsieni
fin-naħħa tax-xellug tal-lvant iżernaq
inkella tibża’ tersaq lejn in-nar
li qatt ma jnixxef l-għatx
għax taf li wiċċ il-baħar jirrifletti
is-sliem ta’ qamar ħiemed.
Il-mewġ irodd lix-xtajta
il-bews ta’ grigalata
u l-bżieżaq arja li ma felħux
it-toqol tal-abbissi.
Imqar fid-dalm ral-lejl jien nittawwallek
mal kurutiuri twal xħin tippassiġġa
bla direzzjoni
tiskonta l-piena.

Alfred Grech
10/10/2018.