Monday, 17 December 2018




F’Jum Sant Ivo.

Jien dak li nerġa’ niġi nfittex
dir-roqgħa art fis-skiet u l-ħemda
fejn jikber il-ħaxix u x-xemx għad tasal
il-bogħod mit-tinġiż tal-arja
fejn ma nismax il ħsejjes  tar-rombli jqarrmċu tal-magni.
Għiduli fejn hu dan l-imkien?
Jien inkun l-aħħar wieħed li nitbekka
il-ħerba ta Ġerusalemm
f’din l-art ħanina li tnixxi l-ħalib u l-għasel
li tfarrket mill-barbari maltin
sabiex minn dan il-bini kollu li jinbena
m’għadx jibqa imqar ġebla fuq oħra.
Imbagħad ma jiswa’ xejn
li bħal groqqa għad trid tiġi
u terġa’ tiġbor il-flieles tagħħa.
Imbagħad għad niġi hawn
xħin ninżel minn ġos-sħab
u nimraħ f’dad-deżert uman
ta’ bla qalb u ta’ bla ruħ
il-ħabs li ħolqu l-istess maltin minn jeddhom,
ma’ dawk li s-sewwa jaħarbuħ
u jgħixu ġol-bużżieqa tas-sapun
tal-ekonomija dejjem tikber
għajjiena le xebgħana
mitluqina għalina nfusna
għax ma baqax fejn għad nimirħu
għajr l-oqsam artifiċjali
tal-iskrin u tat-tastiera.

Alfred Grech
17/12/2018

Friday, 14 December 2018


 Related image
Lethe.

Biex dħalna f’din nixxiegħa
mal-bżieżaq qed itiru,
jew raxx ta’ mewġ il-baħar
jinfaqgħu malli jsiru.

Biex dħalna f’fin ix-xmara,
u mxejna mal-kurrent,
nixobu l-istess l-ilma.
jew  nirtu s-sentimenti.

U kbirna u ssaħħaħna,
u sirna rġiel u nisa
ftit, ftit, immaturajna
u ġrejna wkoll fil-wisa.’

U sirna bla ma nafu,
dak kollu li llum aħna,
fuq bastiment vaganti
li rkibna bla ma ntbaħna.

Alfred Grech
15/12/2018.




144.

Nimxuha din it-triq mingħajr ma nħarsu
Lejn kull naħħa u bl-għamad fuq għajnejna
Għaliex kull fejn se tħares hemm medusa
Bil-vleġġa tagħha ssamrek u ssir ġebel.
Minn dan il-wied tad-dmugħ irridu ngħaddu
Mingħajr werrej li juri fejn trid tasal,
Għaliex sal-lum kull min it-trieq uriena
Għallatna, jew daħħalna ġewwa żenqa.
Irridu nitilgħuha din it-telgħa;
Telgħin mingħajr sejħiet traxxendentali
Mingżajr l-ispirazzjoni ta’ xi anġlu
Inkella qaddisin jipproteġuna.
Għax bqajna ma nafux sal-lum fejn huma
Il-mogħodijiet li jwasslu għat-tnissija.

Wednesday, 12 December 2018


Image result for victoria Gozo Christmas

Avvent.

Illum terraqt it-toroq dojoq tiegħek
ja belt mimlija tifkiriet taċ-ċokon tiegħi,
tal-innoċenza li taf biss -sewwa ħieni
fil-miġja tal-milied u fid-dlam tax-xitwa.

Illum imxejt fit-toroq dojoq tal-mandraġġi
fejn hemm ihufu l-anġli tal-imgħoddi,
 il qalb ittrapjantata fl-iskeletri
qawmien mill-ġdid, avvent is-sena kollha.
is-seħer li jien rajt f’għajnejn ħaddieħor.
Izda xejn mhu jiġri
stupefatt mid-dawl ipetpet
tal-kwiekeb imdendla mat-twieqi
u tat-toroq battala mill-imħabba
lejn xulxin taħt il-mantell
tal-iħirsa tal-imgħoddi.
L-ebda leħen ma jwassal is-seħer
inkella jwieġeb għas-sejħa ġewwinija
għajr dak li jqanqal it-tifkira tal-imgħoddi
jew l-ħsejjes ta’l-ispots pubbliċitarji
ifixklu l-għanjiet tal-Milied.

Hawnhekk it-toroq fit-tellieqa ma xulxin
bħan nisa f’xi konkors ta’ sbuħija
min minnhom jiddandan l-aktar
min minnhom jiġi l-ewwel.

Alfred Grech
12/12/2018


Related image

Għax Jiġri ta’ Kull Darba.

Għax jiġri ta’ kull darba
Nistaqsi lili stess:
Għaliex jien fejn kont għadni
Bla nagħmel ftit progress.

Għaliex inħabbat wiċċi
Ma sitwazzjonijiet
Li drabi oħra fihom
Sibt ruħi b’ħafna kwiet.

U d-dwejjaq kbar jaqbduni
Inħoss li ma mxejt xejn
Hawnhekk kont drabi ohra
Dort dawra mejt, għalfejn?

U nerġa’ fejn kont qabel
Għax għadni ma tgħallimtx
Dak li ma rridx nitgħallem
U moħħi ma ħaddimtx.

Alfred Grech
12/12/2018

Tuesday, 11 December 2018




Fis-Saltna tas-Sireni.

Hemmhekk fejn is-serafini
Jgħajjtu u jwieġbu lil xulxin:
Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej ta' l-eżerċti.
L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu."
U bl-għajjat tagħhom is-sisien ta' l-għetiebi
Theżżu, u t-tempju ntela’ bid-duħħan.
Hemmekk fejn idoqqu t-trumbetti tal-progress
Il-kerubin bix-xabla tan-nirien
Biex ma jħallux lil min jidħol
Fil-ġnien tal-Għeden.
Hemmekk fejn mhemmx post għal min hu bħalna.
Hemmhekk sieħbi tibda l-mixja
Twila li twassal għal imkien
Li twassal għall-eklissi
Ta’ xemx li għadda żmienha.
Hemmhekk fejn tara l-qtajja tal-anġli u tal-arkanġli
Tal-ġilda sewda u xagħarhom isfar.
Jien għad inkun miflok Orfew
Iben alla żgħir mingħajr il-lira
Bit-tweġibiet glorjużi ta’ ħsejjes melodjużi.
F’din l-art ħelwa l-omm li tagħtna isimha
Bla tebgħa u bla dnubiet
Żverġnata għalxejn u għal kemm il-darba
Fis-saltna tal-iżvilupp u tas-sireni.

Alfrerd Grech
11/12/2018

Monday, 10 December 2018


Image result for saturnalia

Saturnalia.

Bħal meta nhar ta ħadd mad-daqq tat-tnabar
Jinġabru f’xi ħażin bex jgħiu tagħhom,
U l-kbir jiftaħar b’rixu u li m’hawnx bħala
l-ekononija tagħna, għax dejjem tikber.

Bħal meta Hesperos isir Lucifru
Il-kewkba ta’ filgħodu tiġi żżurna,
Fuq l-għolja tal-allat il-fjakkolata
Inċapċpu u ngħollu jdejjna lejn is-sema.

Dan hu tbexbix ta' żmien qatt ma kien bħalu,
Dak tal-ħabbar idoqq fil-bieb tal-ġenna,
Taħt patroċinju kewki ta’ xemx ġdida
Jingħaqad ma li hemm purifikati.

Jien nirkeb żiemel ġdid jew dahar ta’ barri,
Nistenna li xi darba għad iċedi
Bħal meta fuq it-tron imil Saturnu
Bix-xettru falz tax-xemx u l-qamar.

Jien għd inkun ma dawk li qatgħu qalbhom
Kewkba oħra li waqgħet u saret elf mitt biċċa.

Alfred Grech
10/12/2018