Friday, 21 December 2018




145.

Ikun fiż-żminijiet li konna nħossu
Kullħadd u d-dinja kollha kontra tagħna
U bqajna m’għamilniex il-pass li kellna
Nagħmlu, jew tlifna t-triq li kellna nimxu.
U bqajna ma ntbaħniex x’hemm wara l-kwinti
Inkella x’jista hemm lil hinn mix-xefaq.
Intom li ridtu tidħlu ġo dil-gaġġa
Għax ridtu serħ il-moħħ malajr intbaħtu
Li b’hekk titbegħedu kontu minn dix-xtajta
Minn fejn qed nimbarkaw l-esploraturi
Ta’ kull xefaq jew quċċata fejn għadu
Ħadd ma rifes. Għax ridtu tgħixu,
Ixxamplati, patrizi dekadenti
Fin-nausea tagħkom stess u fl-affluwenza.

Alfred Grech
21/12/2018

Thursday, 20 December 2018





Dan Tagħna.

Dan tagħna se jibqa’ thewdin ir-ruħ
ta’ ħmar il-lejl li qatt ma stenbaħ
għax ngħidu li se nagħmlu u qatt ma nagħmlu
dak li ngħidu, nixxenqu biex niltaqgħu
taħt is-sigra, taħt il lampa f’tarf it-triq
iżda qatt ma naqbżu ċ-ċint
tal-bitħa tagħna nkella l-ħadid tal-ġnien
ta’ quddiem id-dar li jżommna bħal ħabsin
imgħarrqa fit-thewdin ta’ ruħ mixgħufa
u fl-għamad tal-konfini tal-abbissi li fassalna
aħna stess fit-taqlibiet u l-baħħ jirbombja ta’ moħħna
u nibqgħu ngħidu l’hemm futur qed jistenniena.

Dan tagħna huma biss xewqat moħbija
u magħsura li ngħiduhom lilna nfusna
fil-biża l-hemm xi ħadd li qed jismagħna
għaliex dawn mhumiex xewqat li ttennihom
fid-dawl tax-xemx jew taħt qamar li qed jibki
għalkemm nafu jappartjenu lill kull wieħed
u kull waħda.

Issa xħin nixjieħu nkella nixbgħu
ntennu l-litaniji inti tħobbni
jien inħobbok u mingħajrek ma ngħaddix
nitgħallmu mantri ġodda bl-istess ritmi
u bl-istess rima iżda jidhru aktar friski
għax mhumiex il-ħlejjaq tagħna
iżda huma l-aħħar maskri tal-uċuħ
ta’ nies il qedem imlibbsin is-sorpiżi
u l-istupur tan-nies moderni.

Alfred Grech
20/12/2018

Wednesday, 19 December 2018




Aħna Niktbu l-Istorja.

Aħna niktbu l-istorja
Kull meta ninkinaw
Quddiem l-allat t’olimpu
Bla ma nikkundnnaw,

Il-ħniżrijiet li jagħmlu
Bl-iskuża tal-progress
X’ħin jagħmlu mandra sħiħa
Mhu xejn dan ħlief rigress.

U ħadd m jrid ftit jaħseb
U moħħom ma jużawħx
Li ta’ kull pied li jibnu
Għax l-għada ma jarawħx.

Għall dejjem qed iħarrbtu
Għal għada u għall li ġej
Għall kull ġenerazzjoni
Taħsibħa mhemmx għalfej.

Imqar għad fi gżiritna
Insiru barranin
Bl-influs tal-ħafna razez
Ġejjin, dejjem ġejjin.

Insiru miljunarji
Ftit ftit inbiegħu l-art
X’ser jibqa’ minn pajjiżna
Għajr flus inkella skart?

Alfred Grechj
19/12/2018


Monday, 17 December 2018




F’Jum Sant Ivo.

Jien dak li nerġa’ niġi nfittex
dir-roqgħa art fis-skiet u l-ħemda
fejn jikber il-ħaxix u x-xemx għad tasal
il-bogħod mit-tinġiż tal-arja
fejn ma nismax il ħsejjes  tar-rombli jqarrmċu tal-magni.
Għiduli fejn hu dan l-imkien?
Jien inkun l-aħħar wieħed li nitbekka
il-ħerba ta Ġerusalemm
f’din l-art ħanina li tnixxi l-ħalib u l-għasel
li tfarrket mill-barbari maltin
sabiex minn dan il-bini kollu li jinbena
m’għadx jibqa imqar ġebla fuq oħra.
Imbagħad ma jiswa’ xejn
li bħal groqqa għad trid tiġi
u terġa’ tiġbor il-flieles tagħħa.
Imbagħad għad niġi hawn
xħin ninżel minn ġos-sħab
u nimraħ f’dad-deżert uman
ta’ bla qalb u ta’ bla ruħ
il-ħabs li ħolqu l-istess maltin minn jeddhom,
ma’ dawk li s-sewwa jaħarbuħ
u jgħixu ġol-bużżieqa tas-sapun
tal-ekonomija dejjem tikber
għajjiena le xebgħana
mitluqina għalina nfusna
għax ma baqax fejn għad nimirħu
għajr l-oqsam artifiċjali
tal-iskrin u tat-tastiera.

Alfred Grech
17/12/2018

Friday, 14 December 2018


 Related image
Lethe.

Biex dħalna f’din nixxiegħa
mal-bżieżaq qed itiru,
jew raxx ta’ mewġ il-baħar
jinfaqgħu malli jsiru.

Biex dħalna f’fin ix-xmara,
u mxejna mal-kurrent,
nixobu l-istess l-ilma.
jew  nirtu s-sentimenti.

U kbirna u ssaħħaħna,
u sirna rġiel u nisa
ftit, ftit, immaturajna
u ġrejna wkoll fil-wisa.’

U sirna bla ma nafu,
dak kollu li llum aħna,
fuq bastiment vaganti
li rkibna bla ma ntbaħna.

Alfred Grech
15/12/2018.




144.

Nimxuha din it-triq mingħajr ma nħarsu
Lejn kull naħħa u bl-għamad fuq għajnejna
Għaliex kull fejn se tħares hemm medusa
Bil-vleġġa tagħha ssamrek u ssir ġebel.
Minn dan il-wied tad-dmugħ irridu ngħaddu
Mingħajr werrej li juri fejn trid tasal,
Għaliex sal-lum kull min it-trieq uriena
Għallatna, jew daħħalna ġewwa żenqa.
Irridu nitilgħuha din it-telgħa;
Telgħin mingħajr sejħiet traxxendentali
Mingżajr l-ispirazzjoni ta’ xi anġlu
Inkella qaddisin jipproteġuna.
Għax bqajna ma nafux sal-lum fejn huma
Il-mogħodijiet li jwasslu għat-tnissija.

Wednesday, 12 December 2018


Image result for victoria Gozo Christmas

Avvent.

Illum terraqt it-toroq dojoq tiegħek
ja belt mimlija tifkiriet taċ-ċokon tiegħi,
tal-innoċenza li taf biss -sewwa ħieni
fil-miġja tal-milied u fid-dlam tax-xitwa.

Illum imxejt fit-toroq dojoq tal-mandraġġi
fejn hemm ihufu l-anġli tal-imgħoddi,
 il qalb ittrapjantata fl-iskeletri
qawmien mill-ġdid, avvent is-sena kollha.
is-seħer li jien rajt f’għajnejn ħaddieħor.
Izda xejn mhu jiġri
stupefatt mid-dawl ipetpet
tal-kwiekeb imdendla mat-twieqi
u tat-toroq battala mill-imħabba
lejn xulxin taħt il-mantell
tal-iħirsa tal-imgħoddi.
L-ebda leħen ma jwassal is-seħer
inkella jwieġeb għas-sejħa ġewwinija
għajr dak li jqanqal it-tifkira tal-imgħoddi
jew l-ħsejjes ta’l-ispots pubbliċitarji
ifixklu l-għanjiet tal-Milied.

Hawnhekk it-toroq fit-tellieqa ma xulxin
bħan nisa f’xi konkors ta’ sbuħija
min minnhom jiddandan l-aktar
min minnhom jiġi l-ewwel.

Alfred Grech
12/12/2018