Friday, 22 February 2019





Għax Issa Għalija Int il-Baħar.

Għalxejn tażżarda tmur aktar lilhemm
Jekk int mintix kapaċi toqgħod.
Għalxejn tisfida lix-xitan li hemm ġo fiha
Jekk imbagħad mintix kapaċi tirkbu.
Jekk tgħid li hu tassew,
Ħabibek hu minn qatt ma gideb
Habibek hu min jemmnek
U jifhem kull ma tgħidlu
Ħabibek huwa jkien.
Imbagħad xħin tibda titgħallem tagħżel
Il-karfa mil-qamħa
Ikun wasal iż-żmien lil titlaq tiġri.
Imbagħad jekk trid tassew li toqgħod ħdejja
Ejja malajr u taħlix żmien
Issir iż-żmien li fadal
Biex aħna t-tnejn noqgġod hawn
Fis-skiet ta’ nżul ix-xemx
Nikkuntemplaw il- baħar ħiemed
Għax issa għalija inti l-baħar.

Alfred Grech
22.02,2019

Wednesday, 20 February 2019






U Meta Trid Ċempilli Waħda.

Dak li  hemm bejnietna kien qisu fuq vagun
il-ferrovija waqfet x’imkien
jew daħlet ġo xi sqaq.

Jien kont inħossni nbennen
u ma joqosni xejn
Iżda f’dan il-jum ta’ nofs Frar
nixtieqek qiegħeda ħdejja
ħa nagħnnqek waħda.

Insellimlek ja mara ta’ sbuħija
ta’ ħila aktar minni
Il-lejl qed joqrob sew bħal anġlu miexi ħafi
u l-ħajja tibqa’ għaddejja bħal karusel
li marlu l-ħabel.

Ma nisa’ qatt il waqt xħin int ma ġejt qatt lura
u l-baħar ta’ ġo fik kien, u għadu mqalleb
mill-bqija kollu storja.
u jista’ jkun li dan hu dmugħ
li għad irid iġelben,
u din hi xita li trid traxxax
fuq xeni tal-addiju li qatt ma kien.
Ismek jibqa’ jidwi
fin-nostalġiji tal-ġejjieni.

U jekk għad trid tkun taf
jien xorta għadni mħawwad
u sal-lum ma nafx x’irid.

Meta triq ċempilli waħda.

Alfred Grech
20.02.2019





Fuq Xofftejk it-Togħoma tal-Qabar

Int taħseb li mhemm xejn il-bogħod
mix-xefaq ta’ quddiemek
li lħaqt it-truf,
u li ma tista qatt titbegħed aktar.
Iżda kull darba li jżernaq
Nitilgħu tarġa’ oħra
F’din l-iskalapża li twassal
‘l-fuq mis-sħab.
Is-sensazzjonijiet u t-telfien tas-sensi
Ma jkunux dawk li nsibu fil-ġiri ta’kuljum
Iżda fl-ibgħat truf fejn qatt ma nistgħu naslu.

Deherli li-ħassejt il-mewt
xħin għaddejt subgħajja minn ġo xagħrek
u fuq xofftejk it-togħoma tal-qabar.

Alfred Grech
20/02/2019

Tuesday, 19 February 2019





Ma Kien Għad Fadal Xejn.

Jien niġri magħkom fit-tellieqa
Fuq il-karru tax-xewqat u tal-waqtiet
Biex għad xi darba nilħaq
Il-ħolm li ma ħlomt qatt
Iżda qalbi għada tagħmel il-ħsejjes
Tal-folla irrabjata.

Jien niġri magħom f’dit-tellieqa
Ta ħafna kliem
li la għandu bidu u lanqas tmiem
Noħlom il-ħolm li jibqa’ għal dejjem.
Il-ħolm li jippersisti
Imqar xħin jieqaf darba għal dejjem
iż-żmien.
Jien għandi x-xewqat tagħkom
U nitla’ l-istess taraġ tal-artal
Mingħajr ir-rit u l-protokol
taż-żmien li għadda
taż-żmien li ħadd ma jista’ jwaqqaf
u noffri lili nnifsi ħaruf tas-sagrifiċċju.

Jien bħalkom qed ninġarr minn dal-kurrenti
Ta’ żminijiet li ftit tista’ tifhimhom
U nfittex id-diskors li bih tifhmuni
F’rambaġġ ta’ dinja rrumblata
Fejn lanqas hemm għalfejn tifhem kull kelma
Għax kollox aljenat fit-tifsir tiegħu
U kollox jista’ jfisser differenti minn dak li taħseb.
Għax minn dak kollu li tgħallimna
Ma kien għad fadal xejn.

Alfred Grech
19/02/2019

Monday, 18 February 2019




Sadanittant.

Sadanittant biex jgħaddi l-ħin
Jien nibqa’ naħseb fuqek.

Ma jiswa’ xejn li jgħaddi l-ħin
Li jiena u int inqattgħu ggranfati ma xuxlin
Nitkellmu fuq kull ħaġa li tiġina f’moħħna
Għax din tellieqa għal dak li jmissek tagħmel
U tibqa’ ma tagħmlux.

Ma jiswa’ xejn il-ferħ ta’ ġenn li xi kultant inħossu
F’din it-traġedja jew kummiedja
Fil-baħħ u x-xejn ta’ li jagħmilna.

Ma jiswa’ xejn li timmirali
Il-kliem kollu biex tferini
Għax inviżibbli t-tarka tiegħi
U msaħħra ħajjti.

Ma jiswa’ xejn li tgħid li tħobbni
Għax naf li għada sejra tirkeb
l-ewwel karru li jiġik jew li jaqbillek
biex iwasslek fejn trid tmur.

Xejn ma jiswa’ ftit mistieħ u ftit tas-skiet
F’din l-oasi li rawwamna
Jiena u int għal ftit tal-ħin
Għax wara ftit int reġa’ bdielek
Għaliex akbar mill-maħfra u s-sens ta’ ħtija
U akbar mill-imħabba
Hemm it-tpattija.

Alfred Grech
18/02/2019



Sunday, 17 February 2019




Meta L-Baħar Jofroħ.

Meta l-baħar jofroħu r-riħ idur,
tkun waslet mewġa kbira li trid tkaxkar
u ġġorr magħha dak kollu li nafuh,
dak kollu li tgħallimna,
dak kollu li bnejna u li hu sabiħ,
dak kollu li ħsibna li xi darba kien is-sewwa.

Meta l-baħar jofroħ u r-riħ idur,
tkun ġejja maltempata li ġġorr magħha
it-toroq ta’ din l-art u l-bini tagħha,
sabiex minflok jittella’ bini ġdid
fejn kull sular
ikun it-togħma ta’ Ġnien il-Għeden
u flok it-taraħ kif nafuh
ikollna axxensur li jwassal sas-smewwiet.
Imqar jekk is-smewwiet mank għadhom jidhru
jew issa sibna li wara x-xefaq
hemm sema isbaħ minn dak li qed jgħattina.

Alfred Grech
17.02.2019

Saturday, 16 February 2019




Funeral.

Dan huwa funeral ta’ mewt li diġa’ tħabbret
Din hija nvażjoni tal-ftit art li kien għad fadal
Dan hu għaġeb tal-għeġubijiet li ħadd mhu qed jistħajjlu
Dan huwa għaġeb illi ħadd ma jrid jitkellem dwarhu
għax kullħadd irrassejat,
kulħadd jgħidlek li mhemm xejn x’tagħmel.
Din hi saħta li ġiet fuqna għaliex m’hemmx fuq min nistrieħu
Din hi saħħta li ġiet fuqna għaliex mhawnx min imexxina
Din hi saħħta għax kullħadd qed jidhaq bina
Din hija saħħta, iva saħħta
li ġibniha aħna b’idejna
Għaliex blajna din il-ħrafa sabiex hija jaljenawna
Għaliex blajna din il-ħrafa u dak kollu li bellghulna
Għax kulħadd qed mans bi kwietu jara biss kif ipappiha
Għaliex issa saħansitra mqar xtraw bi flusna moħħna
biex spiċċajna ngħidu bħalhom
Għax neħħewla l-barrikati u neħħewlna kull difiża
u hekk sirna biċċa minnhom.

Alfred Grech
16/02/2019