Wednesday, 30 November 2016



Min jaf?

Min jaf lil kieku ’llejla flok ħallejtni waħdi nterraq
Ġejt hawn fuq din ir-roqgħa art ħawlija,
Biex miegħi toqgħod tagħżel waħda waħda,
Kull sillaba, kull kelma
Ta’ din il-poeżija,
Tal-għanja li irrid ngħanni
Din l-għanja l’għadu ħadd ma sama’.
Għax muta, għax qatt ma nkitbet.
Din l-għanja li jgħanniha, għannej mirgħux,
Ta’ troubadour imġarrab, mistħi,
Li m’għandha l-ebda diwi minn tal-pjazez
Tal-kummerċ ħieles,
Fl-ispazji tal-vetrini alluċinanti
Fejn jieqfu jew jimirħu nisa foloz
Jew illuppjati.
Min jaf li kieku ġejt itterraq miegħi
F’dil-lejla ta’ bla qamar
F’dal wileġ ta’ bla ħsejjes,
Subajk imissu l-kordi tal-kuxxjenza
Kontx inti wkoll mill-ġdid tqum u tistembaħ
Mal-imbieħ tal-klieb disorjentati
Mall-ħsejjes dissonanti?

Jekk trid, għadek fil-ħin li tista’ tiġi.
Jekk għandek tiġi, ejja w iddumx
Għaliex malajr issib li l-ħemda nkisret.
Jekk tiġi jiena nidwi l-għana tiegħek
Jekk tiġi, jiena niżfen żifna miegħek
U ninża wkoll kull libsa trasluċenti,

Niftakar meta kont ġarrejtni
Mal kolp ta’ baħar tiegħek. . .


Alfred Grech.
30/12/2016


Tuesday, 29 November 2016



Fejn Int Ja Kewkba.

Fejn int jakewkba tal-punent f’dil-lejla ta’ bla qamar,
Il-beraq biss mingħajr ir-ragħad idawwlu t-toroq.
Fejn int illum f’das-sema desolanti
Mgħobbija b’dawk id-dħaħen taħsibhom
Sħab, iżda li jgħattu wkoll dak kollu li hu tajjeb.
Inħbejt ewwilla, jew qiegħeda tistħi,
Għax taf li li d-dawl qadim jist’issa qras jew sar artifiċjali.
It-tokki tal-qanpiena jdoqqu tal-imwiet
Fakkruni f’dak iż-żmien tal-innoċenza,
Tal-estasi, ta’ meta kont tassew interraq miegħek
Imsaħħar b’dak li nara u b’dak li nemmen
B’dak kollu li kont nixtieq,
U nħalli f’idejn qawwa barranija
Li tista’ tagħmek kollox.
Inħbejt ja kewkba tal-punent?
Iżda llum li t-toroq qed jiżżejnu għal festa tal-Milied
Ma tħossx ir-resħa rqiqa tad-dawl artifiċjali,
Tal-foresti ta’ nies mgħottija bil-borra affluwenti?
U xħin ma tkunx qrib tiegħi żommli jdejja
Ma mmurx fil-ħofra naqa’.
Inti terġa’ tiġi bħal sirena riekba mewġa
U jiena ġewwa fija merġa’ mkebbes is-seħer ta’ xi darba . . .
Ja kewekba tal-Punent.

Alfred Grech
29/11/2016


Sunday, 27 November 2016



Nistembħu t-tnejn li Aħna.

Nistembħu t-tnejn filgħodu
Infittxu ’l-min qed ħdejna,
Għalxejn idejna ‘nmattru
Fil jum li lanqas bdejna.

Għalxejn il-lożor ngħafsu
Tal-ħolm fil-lejl l’għaddejna,
It-tort ta’ ħadd mhu minna,
Inwaħħlu f’min qed ħdejna.

It-tort hu tal-istilel,
Tal-anġli li laqqawna,
Ta’ min qed l-eqreb tagħna
Ta’ dawk li llum jafdawna.

It-tort hu tal-istilel,
Li lanqas taf fejn huma,
Trid tbexkel ftit il-karti
Li lanqas taf liem’huma.

Nittajjru bħall-għasafar,
Nittajjru fuq il-wilġa,
Jekk tersaq ħafna lejja
Ninħallu t-tnejn bħal silġa.

Alfred Grech

27/11/2016

Saturday, 26 November 2016



Neħħejt il-Barrikati.

Neħħejt il-barrikati
U bdejt inwaqqa’ s-swar,
Imlejt il-ġonna tiegħi
Bil-fwieħa tal-madwar.

Għaxzdan hu bħal velenu
Li nixrob ta’ kulljum;
Ħitan li jduru miegħi
Jogħlew u jsiru rdum.

Ħitan jissoffokawni,
Bħal xkiel li jżommni l-bogħod,
Mil-leħen ta’ġo fija,
Il-leħen li jirtogħod.

U inti li ħbatt miegħi
Għax taf, ma ġara xejn,
Intbaħt li nbidel kollox,
Tistaqsi: Dan minn fejn?

Inbidel kif inbidel,
Kull ħaġa tul iż-żmien
Ma jibqa’ xejn bħal qabel,
Ma jibqa’ xejn fejn kien.

Tinbidel ir-raġuni
Jinbidel it-twemmin
U wara ftit tistaqsi,
U jien inżomm ma min?

U xejn ma jiġri wara
Li kieku m’hemmx il-ħin
Imdendel jibqa’ kollox
U l-kontra ta’ xulxin.

Alfred Grech

26/11/2016

Friday, 25 November 2016



Marsusin.

Marsusin fihom infushom
Oqbra mkaħħlla
Niċeċ battala.
Jekk isselmilhom jaħsbu ħażin.
Jekk tibqa’ għaddej tkun l-ikbar raġel,
M’hemmx kunfidenzi.
Għaliex il-barrikati jibnuhom huma
Kif imdorrija, bil-mod kif jaħsbu.
Il-fruntiera huma tagħhom
U jiena sal-lum għadni ma nafx
Ma nifhimhomx
Ma nagħrafhomx,
Ma naqdihomx
Jew ma nsibhomx.

Marsusin fihom infushom
Għalxejn tberrħilhom qalbek
F’dal-ħabs uman, f’dal gaġeġ inviżibbli
Immanifatturat
Mill-injoranza.
Dawm ħsibijiet li jgħaddu minn moħħi
Sa meta nasal ħdejk
Imbagħad jinbidel kollox.
Għax l-emozzjoni bħal poeżija
Iddum għal-ftit.

Magħluqin u marsusin fihom infushom
U m’hemm xejn li jistgħu jagħmlu
Għax midrubin u feruti.

Alfred Grech

25/11/2016

Thursday, 24 November 2016



Int Tgħid.

Int tgħid li m’hawn xejn aktar,
M’hawn xejn, dil-ħajja biss.
Fejn kont int qabel sebaħ
U d-dawl ġie nkiss inkiss?

Int tgħid din illużżjoni
Għax kollox taru mar.
Fejn huma ta’ qabilna
Fil-baħħ xħin il-ħin sar.

Jien bħalek ngħid; xejn  aktar.
Kejjilna tul is-snin,
Il-kejl kien kollu tagħna
Bil-metri, magħdudin.

Bużżieqa li tintefaħ
U ma tinfaqa’ qatt.
Iż-żmien xi darba beda
Xi darba jrid jinħatt.

Jekk f’dal kalejdoskopju
Mużajk iddisnjat,
Jien żġiea ma li jmorru;
Id-dinja fejn spiċċat?

Int tgħid li m’hawn xejn aktar
Xħin tlaqt ma baqa’ xejn
Nispiċċa wkoll nistaqsi
Dan kollu kien għalfejn?

Alfred Grech

24/11/2016


Int Tgħid.

Int tgħid li m’hawn xejn aktar,
M’hawn xejn, dil-ħajja biss.
Fejn kont int qabel sebaħ
U d-dawl ġie nkiss inkiss?

Int tgħid din illużżjoni
Għax kollox taru mar.
Fejn huma ta’ qabilna
Fil-baħħ xħin il-ħin sar.

Jien bħalek ngħid; xejn  aktar.
Kejjilna tul is-snin,
Il-kejl kien kollu tagħna
Bil-metri, magħdudin.

Bużżieqa li tintefaħ
U ma tinfaqa’ qatt.
Iż-żmien xi darba beda
Xi darba jrid jinħatt.

Jekk f’dal kalejdoskopju
Mużajk iddisnjat,
Jien żġiea ma li jmorru;
Id-dinja fejn spiċċat?

Int tgħid li m’hawn xejn aktar
Xħin tlaqt ma baqa’ xejn
Nispiċċa wkoll nistaqsi
Dan kollu kien għalfejn?

Alfred Grech

24/11/2016