Saturday, 31 December 2016



Telqet Sena Oħra.

Qatt daqs dis-siegħa
Ma bdejt inħoss
Kemm huwa fieragħ
Tiġbor u tross.

Telqet sen’oħra
Ma baqa’ xejn
Minn dak li għedna
Kollu għalxejn.

Xjaħna sen’oħra,
Għadna l-istess,
Nagħmlu l-iżbalji,
L-ebda  progress.

Għadna noħlmu
Li jkun aħjar
Għada ,bħal bieraħ
Li ma u tar.

Hekk dir-rutina,
Ngħixu kulljum
Xejn ma jinbidel
Xejn mhu se jdum.

Alfred Grech
31/12/2016


Friday, 30 December 2016



Din Hija s-Sinfonija.

Din hija s-sinfonija
Li ssegwi l-aħħar att,
Xħin jinżel is-siparju,
U bħalha ma smajt qatt.

It-tmiem ta’ din is-sena,
It-tarf ta’ dal-perkors,
Fost ħafna ġigġifogu
U merħba waqt dal-għors.

Iċ-ċiklu jkun inħela,
Is-saħħa tkun infniet,
Fi nżul ix-xemx inemnem
Tal-jum ix-xema ntfiet.

Bid-daqq tat-trombi u l-għana
Dan l-għabex tal-allat,
Il-ġamar tal-ħuġġieġa
M’għadux illuminat.

Kull xħin niltaqa’ miegħek,
Niltaqa’ miegħi stess,
Kull xħin nitkellem miegħek
Għalxejn, m’għamiltx progress.

Jien sirt is-sinfonia,
Ta’ dak li qatt ma kien,
Tindaqq fi tmien is-sena
Għax wasal issa ż-żmien.

Alfred Grech
30/21/2016


Thursday, 29 December 2016



XI.

Erġ’ejja qabel jasal tmiem id-dinja
Bid-daqq tat-trombi madawwar kollok dija;
Bejn il-ħażin u t-tajjeb aqta’ linja,
Biss lili niċċa għamilli ’l bogħod mill-bqija.

Erġ’ejja, għaliex ħakmitni s-sensazzjoni
Li jiena posti sewwa qatt ma sibtu;
U għext sal-lum bil-ħseib u l-konvinzjoni
Li l-karru li ridt nirkeb qatt ma rkibtu.

Erġ’ejja, ħalli għal darb’oħra tiftaħ
Bibien il-ħabs ta’ ruħi, tirxuxtani
Minn qabar qtigħ il-qalb, u tgħinni nirbaħ
Dak kollu li ’l bogħod minnek jimbuttani.

Erġ’ejja, u did-darba flok tissallab,
Ħafifa għamilha għal min ikun jittallab.

Alfred Grech

29/09/2011

Wednesday, 28 December 2016




Fid-Dell Evanexxenti.

Fid-dell evanexxenti ta’ dir-ruh mitlufa
tixref biss l-apparenza; is-similitudni
ta’ dak kollu li xi darba kien jixxiebaħ.
Ejja saħħara tal-millenji,
ħalli xuxtek titliegħeb ma riħ fuqan
li jingħi salt ġagulatorji ta’ rwieħ minsija,
fid-dell ta’ trasparenza li qatt ma tidher.
Werżaq kemm trid id-dwejjaq ta’ jum ieħor,
il bikja tal-mewġiet li jmorru u jiġu,
li jmellsu ta’ kulljum max-xtajta tieghek.
Int tista’ tqajjem riefnu ħalli jiknes
il-ħmerijiet li ta’ bil-fors ikollok tisma’,
u tqajjem maltempata illi tqaċċat
l-antenni minn għeruqhom,
u hekk ma tħalli ‘l-ħadd bi kwietu.
Din tkun il-karba tiegħi li trid togħla
’l-fuq mis-sħab, lejn sema’ li f’dawn l-inħawi
ma jqanqal ebda faraġ.

Tista’ wkoll, jekk trid, taħsel bid-dmugħ tiegħek din l-art ħawlija
bħal meta jaħsel id-dulluvju li jġorr miegħu
il ħmieġ li s’issa nġemgħa,
kull qafas li jassarna;
għaliex fil-jasar issa nsibu t-triq tal-hena.

Alfred Grech.

28/12/2016 

Tuesday, 27 December 2016



Inżel Ja Dalma.

Inżel ja dalma lejlija ħa tnissi l-ennui
Jinqela’ ġewwa taġen il-ħin moħli,
Ifraħ ja qamar mistħi għax m’għadekx
Tkebbes ġewwa fija l-ġamar tal-ħuġġieġa
F’nofs kamp taħt sema ndifferenti.
Ifraħ, għaliex is-skiet ta’ din il-lejla
Jifdi d-dwejjaq u l-uġiħ inċidentali,
U int ja poeżija, ejja kemm trid
Busni, igdimni aħraqni għax jiena
Ngħix ġo din id-dinja, nawfragat
Fil-baħar infinit tal-ħela tiegħek.

Ejja u iktibli b’ilsna tan-nar fuq sidri
Tatwaġġ ta’ dak li huwa xieraq
Biex inkun naf hux qed nistordi
Inkella qed niġġennen.
Jew naħseb l’għad niltaqgħu
Biex tgħidli x’ikun dak li jafu biss il-kwiekeb.

Inżel ja dalma lejlija
Għax xħin inkun fil-beraħ
Jiżdiedu dawk l-ilsna tan-nar
Ġo fuklar imġemmed bir-rimorsi
Mas-serħan li tfittex lejla twila
Biex jiswieli f’dak kollu li rrid niftakar
L-għada.

Alfred Grech.

27/12/2016

Monday, 26 December 2016



Baħħari Jien.

Baħħari jien li nbaħħar lejn ix-xefaq,
mid-dawl għad-dlam, mill-għama erġajt ġejt nara,
mill ħajja għal mewt u mbagħad mill-mewt għall ħajja,
bħalma jgħaddu l-jiem taż-żmien ineżorabbli.
Jiena ngħaddi mill ksieħ tal-borra nieżla
għas-sħana ta’ xemx tisreġ f’nofs awwissu.
Ukoll minn ħsieb għall-ieħor bla nintebaħ,
u minn waqtiet ta’ ferħ għal dawk ta’ dwejjaq.

Int trid tkun dik li tgħid li l-waqt hu issa
u jiena rrid inħalli għal darb’oħra.
Fl-intensita’ ta’ qawwa sovrumana
inħares lejja stess sabiex ningħaraf,
bħas-sibilla li qatt ma fixklet waħda.

Hemmhekk issir il qabża li tinkwadra,
iċ-ċaqliqa bejn l-hawn u fejn tintilef.
Iċ-ċikli li bħall-għajru ‘mprevedibbli
imbagħad trid tibqa’ tgħid li trid tifhimni.

Alfred Grech

26/12/2016

Sunday, 25 December 2016





Il-Lejla Għalxejn. 

L-antenna parabolika dawwartha,
Dawwartha l-lejla wkoll f’kull direzzjoni.
Fejn kont stat bqajt, għalxejn ġejt hawn nistenna,
Għar-rdoss ta’ dan it-tempju alluċinanti
Bħala dak l-evanġelista li ried jikteb
Rakkont ma jitwemminx mingħajr ma jikteb.

Il-lejla għalxejn tlajt ngħarrex fuq it-torri
Bit-tama li tolqotni l-fewġa tiegħek
Bil ħmura dawra mejt trasfiguranti
Ta’ xemx li tmur tinħeba wara x-xefaq.

U għalxejn fis-skiet u l-ħemda li nxett fihom
Biex ma taħrabli l-ebda leħħa tiegħek,
Nistenna bqajt, namrat li baqa’ jħobbha
Liż-żingara li taf idejħ taqralu.

Il-lejla wkoll stħajjiltek ġejja liebsa
Mantell ħamra biex tgħatti l-għera tiegħek.

Il-lejla wkoll għarrixt għal xi xintilla
Ta’ dik il kewkba li m’għadiex tibbrilla.

Alfred Grech

25/12/2016