Tuesday, 31 January 2017


Kemm Hu Sabiħ.

Kemm hu sabiħ li jkollok il-jum kollu,
Biex tista’ ddur u timraħ f’oqsma kbar,
Ta dan il-wileġ fejn m’hemm xejn xi jżommok
Jew jimbuttak biex terġa’ lura d-dar.

Mal-qtar tax-xita, r-raxx tal-baħar mielaħ
F’għajnejja l-beraq ta’ kull ħsieb spuntat,
Li jrid jimmarkara u min fejn jagħaddi jqanqal
Sa minn għeruqu,s-sewwa pprogrammat.

Kemm hu sabiħ mingħajr appuntamenti
Il-ħajja saret qisha teatrin
M’hemm ħadd iżomm il-qlib tal-ilma ġieri
Nistħajjlek tgħidli: qum! għax sar il-ħin.

Alfred Grech

31/01/2017

Monday, 30 January 2017



111.

Xħin nibda’ nemmen li dil-ħajja bandla
Bejn dak li lest li nagħmel b’qalbi kollha
U dak li ma rridtx nagħmel iżda jkolli
Għajnejja ngħalaq, nagħmlu kontra qalbi.
Xħin nibda nara l-ġenn li hawn madwari
Kullħadd mifxul isegwi l-alla tiegħu
U dak li kont emmint il-bieraħ sfratta
u nqaleb ta’ taħt fuq għaliex kif jgħidu
l-istorja għad mill-ġdid tinkiteb terġa.
U dak li ħsibt li kien s-sewwa aħħari
Kien biss tagħlim qadim skond il-burdata
Fix-xena li tispikka kienet dari.
Xħin noqgħod ħiemed ngħarrex hawn madwari . . .
Nitħajjar nibda’ nfittex ħolm band’oħra.

Alfred Grech

30/01/2017

Sunday, 29 January 2017




Sensazzjoni.
Fittixt li naqbad is-sensazzjinijiet mgħoddija
Iżda issa jien ukoll sirt tal-imgħoddi
U għalhekk fallejt.
Is-sensazzjonijiet inbidlu fin-nostalġija.
Ix-xemx li tfeġġ minn bejn is-sħab
Iddawwal dawn l-inħawi. Jien inħossni
Li qiegħed fuq il-palk għad-dawl tar-rifleturi
Bil-ħarsa ta’kullħadd imsammra fuqi.
Ma nara xejn ħlief ċpar, iċ-ċpar tal-ajru tiela’
Bejn sema u art u sema u baħar ma jibqa’ xejn jingħażel.
Imbagħad, fil-kjaroskur ta’ temp ma jafx x’irid taf tidher il-qawsalla.
Hemm min ukoll ried irikkibni,
’Mma jiena ppreferejt li nħoss is-sensazzjoni.

Alfred Grech

29/01/2017

Saturday, 28 January 2017



110.

“When we don’t know where life is taking us we are never lost”. -  Paulo Coelho, “The Spy” p.68.

Int mara ta’ bla wiċċ u ta’ bla sura,
Li taf xi nħoss, li taf xewqati taqta’,
Xi prezz kont lesta tħallas biex jien ngħidlek
Li jiena tiegħek biss, li m’hemmx ħadd ieħor?
Int li kont lesta toqgħod hawn tistenna
Eternita’ biex tara fejn trid tasal,
Xi prezz kont lesta tħallas biex tkun ċerta
Li jien ma ninbidilx? Li dak li wiegħedtek
Kien l-eliżir li jagħmel il-mirakli?
Xi prezz hu tajjeb? Ebda prezz ma ħaqqni!
Hu biss il-jien li jrid isib il-milja tiegħu
Għax waħdu ma joqgħodx f’dina l-eżistenza
Tax-xejn u l-baħħ, mal-unita’ li jiena
Ma baqgħalix lil min nindirizzaha.

Alfred Grech
28/01/2017


Friday, 27 January 2017



Irrid Nintilef.

Irrid nintilef f’dawk l-ispazji alluċinanti ta’ negozji strabiljanti
Niċċassa lejn xebbiet u nisa veri
Li jinfdu l-ħġieġ bil ħars għarwien t’għajnejhom.

Irrid nintilef fid-desert ta’ li ma nafx
Kull xħin niltaqa’ miegħek u ma nafx x’ser nibda ngħidlek
Ja mara ta’ sbuħija eterna.
Fil-kjaroskur ta’ dak li rrid, ta’ li ma rridx,
Xħin ngħidlek għall darb’oħra kemm inħobbok.

Irrid nintilef fl-oċean bla qiegħ u bla konfini,
Ta ruh li għad trid tinfed is-siparju,
U tmiss it-tufijiet inkandexxenti ta’ li ma kienx
Jew ta’ li seta’,
Tiela’ u nieżel ma kull mewġa ritmika
Tan-nifs ta’ sidrek
Mal-bandla ta’ li rrid u li ma rridx.
Ħa noqgħod hawn bi kwieti u waħdi nilħaq
L-għarfien aħħari.

Fil-baħar ta’ bla tmiem ta’ din l-imħabba
Inħossni negħereq.

Irrid nintilef f’dan il-bnazzi li jinfirex f’ħarstek ċara
Fil-ħlewwa tal-ilwien ta’ kull qawsalla
Li tilma’ fuq ħaddejk.

M’hemm xejn ħażin li nkunu t-tnejn senswali
Imqar jekk hemm ħaddieħor qed jarana.

Alfred Grech.

27/01/206

Thursday, 26 January 2017



Opportunity Knocks Once.

Xi minn daqqiet il-biża,
Xi minn daqqiet il-ġenn,
Tiskappa minn quddiemek
U ħadd għalik ma jħenn.

Ukoll tkun il-kburija
Biex l-opportunita’
Tal-ħolma ta’ ħajjitna
Tlifniha għall-kumdita’.

Għaliex ma tkunx qed tafda
Lix-xorti u t-talent,
Tiġik ix-xoqqa f’moxta,
Tintelaq mal-kurrent.

Għax tkun l-intuwizzjoni
Ma tieħu qatt raġun,
M’hemmx lok għall-attenzjoni
Li tibdel kull staġun.

Għax Alla mhux jaqbadna
U jġorrna mill-idejn
Lejn xi destinazzjoni,
Jurina biss minn fejn.

Imm’aħna rridu naħtfu
U nkunu bħal strument,
Li jiġi għall-għarrieda,
F’kull waqt u f’kull mument.

Alfred Grech

26/01/2017

Wednesday, 25 January 2017



Indifferenza.

Imqarr li naf li jien twelidt taħt kewkba feġġa,
Fi żmien ħażin u xejn ma jista’ jsir
Biex dan jissewwa.

Imqarr li għall-li ġej hemm min jiftakar
Li jien ma kontx il-vittma ta’ li ġara
‘Mma kelli l-ħila noħroġ minn dal-jasar
Li fih jinsab kullħadd u nħallas prezzu.

Kull meta nwieġeb “iva” għal din is-sejjħa
Ma nafx jiniex żbaljat jew viżjonarju
Għax ruħi qisha sit arkeoloġiku
Fejn jinżlu jħaffru.
U jekk tistaqsi bdiltx il-ħsieb, it-ton, l-istrateġija,
Jien nibqa’ ma nweġibx.

Jien naf li kont ilsir tat-trasparenza,
Passjoni, tqanqiliet jew entużjażmu,
Mistħija, qtiegħ il-qalb ukoll kburija,
Ta’ tradimenti, dwejjaq u rġulija.

Imm’ issa nerġa’ mmur nintefa’
Fix-xmara tifkiriet li tiġri b’lura.
It-tifkiriet imbagħad li jirxuxtaw
Xitana qalil – l-indifferenza.

Alfred Grech.

25/01/2017.