Tuesday, 5 June 2018


Related image


Kull Xħin Inħares Lejk.

Kull xħin inħares lejk fil-forma seduċenti
Infittex biss it-trasfigurazzjoni t’elf ħsieb
Bħal barbaġanni kollha għassa
Għax int taqrali moħħi.

Hemm nies li taħbat magħhom
Għax għażla ma jkunx hemm,
Oħrajn li għaddejjin fuq il-bankina
Għax posthom qatt ma kien fil-karreġġjata.
Oħrajn ta’ħafna għażliet
Li trid bil-fors tiżbalja,
Bħan-nies li bla ma taf għaliex trid taħbat magħhom
Għaliex spiċċaw l-għażliet.

Aħjar immut bil-għatx għal qatra
Jekk x’tixrob hemm il-kalċi li toffrili,
Għaliex jekk nidra ngħix bil-għatx
Għad nista’ ngħix għal dejjem.
L-għatx li qed ngħix fih hu biss
l-abbiss mudlam li fih irrid niddendel,
biex b’hekk inkejjel it-telf tiegħi
mingħajr il-paraguni.
U mbagħad, xħin għad immiss il-qiegħ
Insib li l-qiegħ mank biss kien hemm
Għax kollox sar efimeru, simulat u seduċenti.

Jien ngħix dawn il-waqtiet biex ngħanni
Biex ninbex lili nnifsi u ninbex lix-xemx għaddejja.
Għax issa ġie xi jgħidli li fl-imbix
Hemm it-tweġiba ta’ kull misteru
Inkella l-passatemp ta’ dak li jista’ jkun
Bla biss jissarraf.

Int tilaq u tħallini
U jibqa’ biss it-tifkiriet, il-ħsieb u t-tama li għad tiġi,
Jien nibqa’ hawnhekk migħajr ma nirrisondi
Ċ-ċellulari li jivvibra.

Alfred Grech
05/06/2018.

Sunday, 3 June 2018



Related image

X’Inbidel?

X’imbidel?
imbidlu dawk l-għajnejn li bihom kont inħares.

Inbidlu n-nies li magħhom kont nagħmila,
li lanqas dawn ma kienu qatt biċ-ċiera li tingħaraf

Imbidlet ix-xintilla li kienet tikkargani
biex kull sbieħ il-jum inqum iħares lejn x-xema tixxabbat.

Inbidlet il-ħerqa li biha kont imdorri nagħannqek
u d-dinja ta’ madwari.

Inbidlet kemm il-darba l-fehma
bħalma n-nies tinbidel ta’ kuljum u f’daqqa waħda
bħal meta jitla’ l-ajru.

Inbidel it-tajjeb u l-ħażin u dak li nifhmu bihom,
u kollox ta’ taħt fuq biex lanqas biss jingħaraf għadu.

Jinbidlu ż-żmininiet, , ,
Tinbidel Int . . .
Ninbidel jien , , ,

U x’ma nbidilx?
Ma jinbidilx il bahh ta’ wara l-kwinti,
li minnu ta’ sikwit x’ħin niġi f’tiegħi
inħobb nittawwal,

Alfred Grech
03/08/2018





Related image

Kont Qrib Tiegħek.

Kont qrib tiegħek u tbissimtli,
ma kontx naf li għadu tiegħi.
U xħin lura nerġa’ f’dari
irrid ngħix miegħi innifsi.

Kont sabiħa u seduċenti,
ma kontx naf li lsien ta’ lifa:
Kont saħħartni bi sbuħitek
intbaħt x’int malli ftaħt ħalqek.

Ħarist lejja b’simpatija
sibt, minn wara kont tilgħabni.
Tawwalt idi biex neħilsek
u int weġibt b’daqqiet ta’ ħarta.

Xejn ma jiswa’ l-kliem bħal xmara,
it-tżjin u kif tpoġġiha,
għax bqajt nagħaqad dawra waħdi
f’dan il-limbu tat-tpattija.

Tkun kretin jekk tibda’ temmen
fit-tjubgija ta’ kull ħlejjqa.
Hemm dagħbien li jirrispondi
biss għall-ħażen tal-abbissi,
u fil-wiċċ tal-ilma qiegħed
boċoċ t’arja trasluċenti.

U għahekk ħallini ngħixha
din l-efimera illużżjoni,
b’dan il-mod ħallini naħseb
li qed ngħix aħjar il-ħajja.
Ilsna ġodda trid tagħllimni
sabiex ngħix  mingħajr ma nbati.

Alfred Grech
03/-6/2018

Saturday, 2 June 2018


Image result for aimlessness

U Jiena Noqgħod Hawn Irrid.

U jiena noqgħd hawn irrid
biex nemmen li dit-tbatija kollha,
żeblieħ u qtigħ il-qalb u kull ħsara oħra,
huma meħtieġa sabiex iseħħ is-salvazzjoni.

U jiena noqgħd hawn irrid
 akkolta ubbidjenti
nerfa’ s-salib, inġorr ix-xema
u nimxi wara l-purċizzjoni tal-fidilii
li jobdu l-liġi u jħallsu t-taxxi
u  jemmenu bla jaraw,
sabiex inkun tassew jien ċittadin tas-saltna.

U jiena noqgħod hawn irrid
nilqa’ għall kull tħaġġir u l-vleġeġ tal fortuna,
u nemmen li dan kollu jgħin
sabiex isseħħ is-saltna.

U jiena noqgħod hawn irrid. . . .

Alfred Grech
02/06/2018.



Friday, 1 June 2018

Image result for woman disappearing in the mist


Tiftakarnix.

Tiftakarnix dak l-anġlu ta’ bla ġwienaħ li jixxabbat mal-pilastri,
li xaba’ jistenna u bejn disfatti u dak il wiċċ ta- kull filgħaxija qed jistenna
sakemm tintefa’ x-xema biexi x-xewqa timmatura
u filgħodu lill-xulxin insellmu.

Tiftakarnix ta’ kull filgħodu ħiereġ niġri nikkumbatti l-fama odjuża
li kull darba nasal tard
u lanqas biss insib il-ħin biex insellimlek.
Ftakarni jekk trid
bħal dak l-għasfur itir u jmur il kontra
ta’ fejn tkun sejjra l-qtajja
għax qatt ma seta’ jsib il-bejta li wennsithu.

Kien hemm sbuħija affaxxinanti fil-muta tiegħek
kull mata nistaqsik xinhu li qed jdejjqek
u għalik il-kliem kien sar biss tpartit bil-waħda għal waħda.

Jien kont dejjem miexi fl-għada
waqt li llum kien biss il-wegħeda
tal-mewġ li kien iħabbat ma sidirna u ġej kontrima
mingħajr ma javża, mingħajr stedina.

Imbagħad komplejna l-vjaġġ li kien vjaġġ wieħed
il-bogħod minn xulxin u f’direzzjoni kuntrarja
fix-xewqat li qatt ma twettqu
fil-miri li qatt ma seħħu.

Tiftakarnix il-falliment ta’ loġika li qatt ma fihmt
u qatt ma ħaddant mal-bċejjeċ imxerrdin madwarna,
għax int bil-mod il-mod bdejt tisparixxi u toqrob lejn ix-xefaq
imdawwra b’ħafna ċpar li bil-mod il-mod kien beda jostrok.

Alfred Grech
01/06/2018

Thursday, 31 May 2018


Related image

Jien Għadni Nistennik.

Jien għadni nistennik li tiġi
riekba ż-żiemel tal ġwienaħ bajdan
tintilef ġewwa s-sħab ta’ xi tifkira.
Stħajjilt li smajt il-għana fgat li ġej minn wara l-kwinti
imbagħad il bikja solitarja ta’ lupu mġewwaħ.
Tibqax iddur u tfittex fuq ix-xefaq
lil hinn mix xefaq hemm il-baħħ
hemm biss il-preċipizzju,
għax għad tispiċċa teħel fit-tajn t’għadira mdardra.
Il-ferħ ta’ ġenn li jtik  
ikun il-mess tal-kordi
ġewwa sidrek minn dak li ħabbek.
Lili ma ħallejtli ebda munita li tissaraf
fuq din l-art.
Forsi għad issir tad-deheb f’xi pajjjiż ieħor.

Alfred Grech
31/05/2018



Image result for ephemeral woman

Inti Li Ta’ Kull Darba.

Inti li ta’ kull darba tistaqsini,
Int ma jonqsok xejn għajr it-tmellisa
Li tħalli l-marka tagħha għal dejjem.
Int taf sew li dak li lilna t-tnejn irid jgħaqadna
Ikollu s-sens ta’ telf u sens  tal-biża,
U dak li lilna t-tnejn iżommna minn xulxin imbiegħeda
Velenu  nixorbuh kull  filgħaxija
Sabiex ninsew li għada xorta jisbaħ.

Int sirt taf bħali
Li din il-logħoba tal-imħabba
Hija wiegħda li żżomm ħajja
Fuq il-ħjut li tħit il brimba,
Hi biss akrobazija aljenanti
Biex nagħmlu bħalma jagħmel qed ħaddieħor
Biex inżomm l-fjamma ħajja.
U jiena kont ekwilibrista sa mill-bidu
Li nogħoġob lil kull naħħa tal-udjenza
Int ridt li tkun fit-tarf tal-mina u hemm se tibqa’.

Irrid inżomm idejk waqt li qed naqdef
U ħafna drabi jkun in-nuqqas tiegħek
Li jġiegħelni nimla l-baħħ fl-abbissi ta’ ruħi.

Alfred Grech
31/05/2018