Monday, 5 November 2018




140

Aħna li saħansitra bħall-profeti
Bassarna dak li llum kulħadd qed jara,
Inħażżu saqaf ġdid f’kappelli qodma
Virtu’ li minnha ħarġu ħafna vizzji,
Il-qirda tas-sabiħ u dak li nafu,
Li flokom iffullaw il-mostri mxajtna;
Aħna li sibna ruħna ngħixu f’qatra
Li darba kienet ċara u traparenti
Li minnha stajt tittawwal qisek b’lenti
Tiffoka biex tiċċara li hu sewwa;
Aħna li qed nibku u qed nitniegħdu
Niftakri ż-żminijiet u nirriflettu
Dak li ma kienx, li hu, li seta’ ġara
F’dan l-olokawst ta qirda ta’ bla ħniena.

Alred Grech
05/11/2018

Sunday, 4 November 2018




Spekulaturi.

Dawn huma vittmi  stess tal-ftahir taghhom
li jtajjru minn fejn jgħaddu biss duħħan
dawn huma l-marjunetti ta’ bla ħabel
li jiżfnu ż-żifna tqila b’pass kajman.

Profeti dawn li għad iridu jħabbru
ġejjieni jfewwaħ mimli ward u żgħar
iħarbtu fejn jaraw b’tifsila ġdida
mutur li jibqa’ jkisser lejl u nhar.

Dawn huma r-rispettabbli tal-vanġelu
li jgħabbu qatet tqal fuq dahar in-nies,
Ma jiswa’ xejn li ngawwdu l-pajżaġġ tagħna
Għax huma jibqgħu jagħmlu flus bla qies.

Alfred Grech
04/11/2018



Saturday, 3 November 2018


Related image

L-Infinit.

Mal-gawwi li jisseqqer
u jgħasses l-ilmijiet
u jnaqqas bil-krib tiegħu
il-baħħ tas-solitudni
il-bogħod bejn mewġa’ u oħra,
hekk int u jien noqgħodu hawn nissemmgħu
għall-għana tad-denfil
mhux biex innaqqsu l-bogħod li hemm bejnietna,
Iżda, biex nifhmu aħjar l-għanjiet ta’ nżul ix-xemx
u t-tpespis minn taħt l-ilsien
tal-kwiekeb illi jdawwlu
kull lejla ta’ bla qamar.
Fid-dlam tal-lejl ma nara xejn
noħlom biss lilek
kull meta tersaq lejja
inħossni noqrob kull ma jmur
lejn l-infinit
l’aktar issa,
li drajt ngħixu ta’ kuljum.

Alfred Grech
03/11/2018.

Friday, 2 November 2018



Image result for digital slavery
Dan Hu Jasar.

Dan hu l-jasar li tipposa
jew tiftaħar b’ħafna lwien
l’għandek xogħol isserraħ rasek,
jew li tilbes l-aqwa lbies
ittimbrati għax jiswew.

Dan hu l-jasar ta’ min jaħseb
illi qiegħed fuq l-oħrajn
jew li għandu ħafna x’jonfoq
kemm irid u fil-kapriċċ.

Dan hu l-jasar ta’ min jaħseb
li ħaddieħor hemm għalih
jew li jemmen lil xi ħares
hekk se jżommu fuq saqajħ.

Dan hu l-jasar ta’ min b’moħħu
ma jridx jaħseb, jibla’ biss,
ta’ min lanqas jieħu nagħsa
jew li żgur ma jqumx ta spiss.

Dan hu l-jasar. . . .il-jasar tal-lum.

Alfred Grech
02/11/2108



Thursday, 1 November 2018


Image result for innocent games

Le Jien Miniex Imdorri.

Le jien miniex imdorri
li nkun fotografat,
Inkella noqgħod nisma’
li fuqi qed jingħad.

Imdorri niġri waħdi,
fuq xtajta jew fuq sur,
indur mal-plajja kollha
biex nara kif immur.

Nittajjar u bla ġwienaħ
jew nixref fuq xi rdum,
duħħan is-sensazzjoni
jew l-għabra ta’ kuljum.

Kull meta tiġi ħdejja
Imwieżnek fuq l-idejn,
nistaqrrlek l’int sabiħa
tistaqsinix għalfejn.

U noqgħod miegħek nilgħab
bħal meta konna żghar
il-logħob tal-innoċenti
li jderri mqar lill-kbar.

Alfred Grech
01/11/2018.

Tuesday, 30 October 2018


Image result for solitary lamp in a lane

Il-Lejla Ma Ġejt Xejn.

U nibqgħu nittamaw li għad xi darba
lnsibu jiena u int l-imkien u l-waqt.
f’xi lejl ta’ skiet bla qamar u bla kwiekeb
ninfexxu nħarsu t-tnejn f’għajnejun xulxin.

Iżd’inti mhux lakemm tiftiehm miegħek,
inkella taqbdek f’wegħeda u tgħid xi trid,
fittixtek fl-isqaqien tar-raħal kollu,
jew taħt id-dawl inemnem tal-fanal.

F’dil-lejla ta’ bla kwiekeb u bla qamar,
stħajjiltek li trid tkebbes il-fuklar,
hawnhekk iltqajna t-tnejn għal-kemm il-darba,
illum id-dawl fuq wiċċek qed jisfar.

Ħassejtni bħallikieku kont xi għama
ifittex il qawsalli qalb ir-raxx,
il-lejla ma ġejt xejn u xejn ma ġara,
u bqajt ma kebbistlix imqar musbieħ.

Alfred Grech
31/10/2018

Saturday, 27 October 2018




Ninxteħtu Bilqiegħda.

Ninxteħtu bilqiegħda fuq l-għatbet il-bieb miftuħ tal-inċertezzi,
ta xemx li qatt ma tinżel wara x-xefaq għax jiltewa
u nimxi ma xulxin fpellegrinaġġ li jrid jgħaddina minn bieb għall-ieħor
tferfer ġwenħajtk bħall-anġli tas-smewwiet
bejn ibħra u sema li ma jiltaqgħu qatt.
Bħal l-pendlu mbagħad indur jien fuqi nnifsu biex
nurik li d-dinja tassew tonda.
Jien għad niltaqa’ miegħek  max-xatba ta’ lilhinn
għaliex il linja li tifrida hija l-linja
ta’dak li jidher u dak li ma jidhrix
isserraħ fuq l-ixfar iktar il-bogħod minn kull konfini
li jħawwad il-ġejjieni
biex jerġa’ mbagħad jistrieħ fuq xtut indifferent
bħal meta wieħed joħlom it-tifkririet inkella l-biża’
ta’ dak li jista’ jiġri.
Id-dell li nħallu jiena u int ikun id-dell rifless mal-ħitana tal-infinit
u mfisser biss bis-sillabi mislufa
minn kull kelma mistħajjla
fit-tifkiriet tal-bieraħ
u tħabbir ta’ dak li jista jiġri.

Alfred Grech
27/10/2018