Iżda’Aħjar Li Ma Ltqajniex.
Izd’aħjar li ma ltqajniex. . .
Kelli f’moħħi li niltaqgħu
Biex turini kemm taf tilbes,
Biex turini kif tħossha mara
Meqjusa ta’ sultana.
Kelli f’moħħi li niltaqgħu
Biex tħallini nkebbes dak il-bosk li jrid jinħaraq,
Il-munzell ħuxlief
Jistenna lil min ikebbsu.
Kelli f’moħħi li niltaqgħu,
Iżda kienet tkun oħra
Minn dawk ix-xeni teatrali
Ta’ reċtar spontanju
Kull meta ma nsibux
Il-vizzju li jnessina
Il-loppju li jraqqadna
Biex naħarbu l-mistoqsija.
Kelli f’moħħi li niltaqgħu . . .
Iżd’aħjar li ma ltqajniex.
Alfred Grech
02/01/2017
No comments:
Post a Comment