Wednesday, 18 January 2017



Jien Niġi Biex Nitkellem Miegħek.

Jien niġi biex nitkellem miegħek
Biex nara kemm u fond
Dan l-oċean li fih webbiltni nsalpa,
Mingħajr ma naf fejn trid twassalni
Bid-dawl t’għajnejk, bid-daħka ta’ fuq wiċċek,
Jekk mhux fuq dak l-iskoll
Fejn darba nnawfragajna.

Jien niġi biex nitpaxxa bil-ġmiel tiegħek
Li huwa balzmu għar-ruħ itturmentata
Li huwa l-illużżjoni tal-misteri
Li ssor ġo fik, li xi waqtiet tikxifli
B’kull daqqa t’għajn jew mossa seduċenti.

Int għadek qatt ma ntbaħt li jiena
Bħal meta nkun inħares minn ġo tromba
U mingħalija lmaħt xi kewkba ġdida
Li ma tkun xejn din għajr titwiba mqansħa
Fil-ħoġor t’univers lil jisma’ kollox,
Jaqralna ħsibijietna  jperriċhomna,
Biex għad xi ħadd xi darba jagħmel wegħeda
Li tkun taħżiża li timmarka.

Alfred Grech

18/01/2017

No comments:

Post a Comment