Tuesday, 26 December 2017



Ilni Nħossni Hekk.

Ilni ma nħossni hekk imdendel
fil-vakwum ta’ moħħ jegħereq fil kranju mdallam
fil-labirint tal-iqsar ġranet, fil-festa tad-dawl,
fit-twelid mill-ġdid tal-innoċenza
ninħela ta’ kuljum fil-logħoba eċċitanti tal-kotra,
u l-ġiri sabiex ngħix in-narrativa biex ninsa lili nnifsi.
Imma issa f’dan iż-żmien ta’ ħemda u riflessjoni
tqum weħida l-mistoqsija
għaliex bilfors irrid inkejjel is-sħab tas-sema
inkella ngħum fix-xmara tas-silenzji u tal-istorbju
noħloq il-ħrejjef tat-tfulija
u ntenni għall-darb’oħra grajjiet qodma
u nsir jien ukoll attur u wieħed mill-udjenza f’daqqa.
Did-darba ma rridx li nkun jien wieħed minnhom
li jidħqu meta jiġi min iħarref ħrara differenti
jibdew jgħadduh biż-żmien għax din hi t-tajba
u jinsew li l-ħrafa tagħhom trid titwemmen
bħal kull ħrafa oħra.
Le aħna wkoll irridu mmissu s-sema
nitilgħu fuq olimpu
inkella waqt xi xena skonsolanti
jidhrilna l-anġlu ġiegħalina
biex jagħtina l-bxara t-tajba.

Alfred Grech
26/12/2017


No comments:

Post a Comment