Klawsura.
Ma nħalli ‘l-ħadd
hawn jidħol
U jirfes f’dil-klawsura,
Jittawwal fis-skiet
tiegħi
U jdur u
jerġa’ lura.
Imm’int tkun
l-eċċezzjoni
Li sibtek
hawn quddiemi
Ridt taqsam
dal-bogħod kollu
U tfittex
hawn minn kmieni.
Inġegħelek terġa’
lura,
Ma wiċċek
bieb insabbat?
“Mma naf li
hawn se tibqa’
Biex terġa’
tibda tħabbat.
Għalik din
avventura
Trid tidħol
fis-skiet tiegħi,
U tikxef kull
misteru
U s-seħer li
nġorr miegħi.
Għalek
il-bieb niftaħlek
Nistiednek tidħol
ġewwa
U toqgħod
tikkuntempla
Xi jfisser
sewwa sewwa.
Niftaħlek
kemm niftaħlek
Tittawal mhux
ġo fija,
Tkun tħares
lejk innifsek,
Tingħażel ftit
mill-bqija.
Alfred Grech
14.12.2017
No comments:
Post a Comment