Ersaq ’l-Hawn.
Ersaq ’l-hawn u għannaqni
ftit
Infettani bil-mard tiegħek
Il-meħla ssuq lilha nfisha
Kulħadd bil-maskar f’wiċċu
Għaddej żbrixx minn ħdej
nis-skiet
Hekk kif tikser il-kantuniera.
Ilpup feroċi l-werrieta
Jaħtfu u jferrxu dak li ġemgħet
In-nemla. L-Avultuni jirgħu
Fuq il-priża ta’ ħaddieħor
U jħajjru ’l-min għandu
biex ibieġħ ħwejjġu u jibqa’
jgħix
Fuq sħaba diġitali.
Hawn bċieċen li jitilgħu
huma wkoll
Fuq il-passarella sabiex
jidhru
Bħal ħaddieħor u
Viva Malta Tagħna
Din l-art mimlija ħalib u
għasel
Dil- bużżieqa ekonomika
Imdendla mal-ħajta li niżġet
Il-brimba. Hekk il-ġejjieni
Fuq dil-blata solitarja
Li ma tittieħed minn ebda
mudell
Tal-friefet il-lejl isoffu u
jerdgħu
Demm ħaddieħor.
Tistaqsinix kif sibna ruħna
Fid-dlam ta din il-mina
Ibku lilekom u lil uliedkom.
Alfred Grech
06/04/2020.
No comments:
Post a Comment