Wednesday, 15 March 2017



Sic Transit Gloria Mundi.

Hekk u hekk biss stajt ngħixha din il-ħajja,
Hekk u hekk biss għad jgħaddu dal-mumenti
Tal-awrei, ta’ raġġi trasluċenti
Imdawwra ma dawk kollha l-esaltati.
Hekk tgħaddi l-ewforija ta’ dil-ħajja,
Dal-bżieżaq tas-sapun jinfaqgħu f’wiċċek,
Inkella li jitilgħu fuq wiċċ l-ilma.
Imbagħad immorru norqdu fil-misteri
Għax naħsbu li se jibqgħu jiftakruna
Meteori li jħallu ċikatriċi
Fuq wiċċ il-qamar sajjem, desolanti.
U jien li nibqa’ hawnhekk nagħnnilek għanja
Fil-ħarba esuberanti ta’ dil-ħajja,
Bit-tama li hemm int x’imkien tismagħni
Imqar jekk bħali għadek bla risposta.
Jien naf li sirt għalik bħal barometru
Biex tkejjel il-burdati konfliġġenti,
Kull meta tħossok bħali li qed tegħreq.
Hekk biss tarah għaddej il-ħin fuq mewġa
Għal-dejjem kull mument intransiġenti.
Hekk biss huma l-waqtiet tal-ewforija
Li jiena ta’ kulljum mingħajrek ngħaddi.

Alfred Grech

15/03/2017

Tuesday, 14 March 2017




118.

M’għadekx tagħtini dehxa wara l-oħra,
Kull meta fuq din l-art tal-innoċenza,
Bħal xita traxxax fuq il-bjut li jibku
Idejk tiftagħom, tħaddan l-ewforija.
M’għadekx taħsadni bħalma taħsad berqa
Fl-iljieli twal mudlana u solitarji,
Kull meta nibda naħseb li ser naqbad
Il-vjaġġ it-twil, fis-skiet, fl-indifferenza.
Jien qatt ma stajt nitgħallem triq għal għandek,
Għax triqti kienet dik fejn int kont sejjra,
U meta sibt li wqaft mill-mixi tiegħek
Hemmhek kien tarf it-triq, u t-tnejn weħidna,.
Nixtarru hawn f’dax-xatt fejn qatt ma konna
Il-frak tal-kwiekek jaqgħu, waħda waħda.

Alfred Grech

14/03/2017

Monday, 13 March 2017



It-Tieqa Tad-Dwejra – It-Tieni Lament.

Dan lament ieħor għalik ikona mqaddsa
Li tixgħed tmiem iż-żmien li konna nafu
Li telqet minn quddiemna u għebet
Bħalma jgħibu l-għasafar li jittajru
Biex aħna nibqgħu hawn itturfnati,
Inħabbtu fuq sidirna bħalma l-mewġ itturnfat
Iħabbat fuq il-blat indifferenti;
Nittewbu l-bżieżaq arja ta’ li nafu
Miblugħa bl-apparenzi li qe jgħibu
Ta’ dak li aħna xhieda tiegħu
Kull ħaġa tieħu r-ruħ u tieħu l-forma
U bħalek tisparixxi
Fil-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma.

U kienu l-ħafna dawk li bkewk
Li riedu jirxuxtawk, jibnuk mill-ġdid
Mill-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma terġa’ titla’
Bħal xeneġġjat li jerġa’ jiġri b’lura.

Għaliex irridu ngħixu lkoll dal jasar
Tal-moħħ li ma jaħsibx, tal-ikoni,
Tat-tgħewdin tal-massa li trid temmen
Ġwejjdin għaliex għalina hemm min jaħseb
U nagħmlu li jgħidulna
F’dil-ħajja li kull waqt li ngħixu tieqaf
Kull darba li noħorġu minn ġol moħba.

Fil-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma jegħerqu l-apparenzi
Jegħerqu l-ikoni, għax xejn ma jibqa’ għal dejjem.

Alfred Grech

13/03/2017

Sunday, 12 March 2017



Qaddis Mill-Ġdid Insir.

Arani kemm jien ħieles
u nimraħ bħal farfett
intir minn warda għall-oħra
tingħaqad għad f’bukkett.

Irrid induq kull warda,
u nghannaq kull blanzun
u ngħannaq is-sbuħija
li nsib kull fejn tkun.

Irrid induq kull warda
kull warda tal-bellus
u nirgħa ġewwa x-xagħri
u x-xewk li rrid inbus.

U mela f’dan il-jasar
li nkun jien tiegħek biss?
Irrid jien ngħanni l-ħajja
u mmut inkiss. inkiss.

Min qal li jrid jintrabat
u jidħol ġol-infern,
il ħabs tas-sikkatura
jindifen għall-etern.

Arani ser inrabbi
par ġwienaħ biex intir
u ngħola ’l-fuq fis-sema
qaddis mill-ġdid insir.

Alfred Grech

12/03/2017

Saturday, 11 March 2017



Tinħeba Wara l-Kwinti.

Kull meta moħħi mlejt
Li l-ħajja mhux kif ħsibtha,
Li din hi ferrovija
Li jiena qatt ma rkibtha;

Għax minghalija ħsibt
Li Venere kont inti,
Fantażma li kont naf
Tinħeba wara l-kwinti.

Għax meta kont għajjien,
Il-qtar tad-dwejjaq qrasu,
U qatt ma ħadt raġun,
Kulħadd kien dabbar rasu.

Tiġġieled, mhemmx fuqiex,
Ribelli ta’ bla skuża,
Jekk tkun prosekutur
Lil min trid int takkuża?

U ngħaddu minn kull triq,
U nfittex fejn ninħeba,
U nidħol ġo kull għar
Biex noħroġ fin bla tebgħa.

Alfred Grech

11/03/2017

Friday, 10 March 2017



Għax Bħali Ħsib Li Hawn Ser Tibqa’ Għal Dejjem.

Għax bħali ħsibt li hawn ser tibqa’ għal dejjem,
Mhux aħna t-tnejn li konna sibna ruħna,
Inħarsu wiċċ imb’wiċċ bħal qisu f’mera,
Fl-għadajjar ta’ xulxin saqjna nbillu,
Għadajjar l’issa saru baħar wieħed,
Nistaqsu lilna nfusna x’qed infittxu:
Hix din il-verita’ li lilna tħennen
Inkella kienet ħolma li ħlomniha;
Jekk dan hux ingranaġġ t’arloġġ inaqqqar
Il-mod kif nafu nifhmu dit-traġedja.
U jkun għalxejn li nduru d-dawra kollha
Biex bħal ninsew li din mhijiex ħlief ħolma,
U ħloqna wkoll ikoni għal żmien il-bidla,
Tal-waħx li m’għadux hawn.

                                    Jien qed nistenna
Li nilmħek għad titfaċċa ħabta u sabta
Minn wara l-kantuniera ta’ dil-bajja.

Għax bħali ħsibt li hawn ser tibqa’ għal dejjem,
U ntbaħt li meta kont iżżommli jdejja
Jien ma kontx hemm, int ma kontx hawn. Faċċata
Stajt kont int ta’ dil-munita, bin-naħħa
L-oħra tagħħha,  l-oskur tal-ħażen tiegħi.

Alfred Grech

10/03/2017

Lament Wara t-Telfa tat-Tieqa tad-Dwejra.
Offensiva dil-ħajja , dil-ħajja laċeranti
tal- ikoni li jaqgħu, jisparixxu u jħalluna
bil-ġerħa tad-nuqqas mikxufa beraħ.

Hawnhekk tintebaħ bil-kobor tad-desert tar-ruħ
li tikrob sabiex toqgħod il bogħod min-nies tad-dinja,
il-bogħod mill-ħsieb li jibqa’ jirraġuna,
il-bogħod mill-kobba mħabbla tat-traġedji.

Hawnhekk fejn kollox ħemda u lanqas biss trid taħseb
għaliex il-ġerħa fonda wisq biex tista’ dderri,
u kull waqt hu twil eternita’.

Hawnhekk tixtarr is-skiet tal-għelt tal-bieraħ,
imdendel mal-ħitan fejn hemm il-beraħ
fuq il-ġwienaħ tal-ħolm il-fantasija,
fejn hemm inewwaħ il-gawwi
li kontra r-riħ, iġiegħelek taħseb fis-saħta ta’ kulljum.

Hawnhekk fejn il-ħemda tegħreq fil-gideb tal-imgħoddi,
fejn il-ġejjieni huwa l-mod li bih tiftakar.

Hawnhekk tkun taf il-kliem li qatt ma smajtu, li dejjem bżajt tlissen,
sorpriż li din mhijiex oasi
filwaqt li l-ħemda qed ftit ftit tifgalek ħajjtek.

Hawnhekk fejn tara biss tbissima mgħawwġa
li taħbi d-dmugħ tad-dwejjaq f’sekwenza ta’ xeneġġjat
li rajna kemm il-darba.

Hawnhekk il-melodija tippersisti fil-ħemda li tiċċaqlaq,
li tiġi wara kliem imqanqal ta’ bla tifsira.

Alfred Grech.
10/03/2017