Friday, 9 February 2018



Bħal Qamar Int Bla Nikta.

Bħal qamar int bla nikta
Li jitla’ mill-abbissi
Ta xefaq bla tifsira
Għarwiena tifrex l-għera ta’ sbuħitek
Fuq mewġ il-baħar.

Int bħal baħrija li ġġib l-aħbar it-tajba
Inkella bħall-għasfru tal-malawgurju
Iżżommni fuq ix-xwiek
U żżurni kull xħin trid u xħin jiftillek
Iġġorr il-profeziji.

Minn wiċċek rajt tinħasad
Ir-rima tal-imħabba
Bħal kieku xi sorpriża
Stampata mal-ħabbata tal-bieb ta’ barra
U fuq il-ħġieġ tat-tieqa
Joħroġ id-dell tal-agunija.  

Bejn il-palm ta’ jdejk marsusa
Hemm warda li trid twarrad
Bħal meta jien nintilef bejn ħaltejn
Ta’ mistoqsija li qatt ma xtaqt nistaqsi.

Bħal fidil jien nerġa’ ninżel għarkubtejja
Hawn quddiemek
Fuq it-tapit tal-labar u tal-ward
Stordut bil-bjuda tal-ġilda tiegħek.

Alfred Grech.

O9/02/2018

Thursday, 8 February 2018




Inħares Lejk.

Inħares lejk bl-istess għajnejn
Bħal kieku kont tarbija.
Inqum filgħodu nistennik
U nerġa mmur mal-bqija.

Inħares lejk bl-istess ajnejn
Bħal meta l-ewwel darba,
Bħal-leħma li tiġik imnejn
Ma tafx u  taħrab ħarba.

Inħares lejk bl-istess għajnejn
Bis-seħer deludenti,
Bħal warda li qatt ma titbiel
Bqajt friska u sorprendenti.

Inħares lejk bl-istess għajnejn
Bħal meta nħares f’mera
Li taqleb il-polarita’
Tas-sewwa li jintwera.

Alfred Grech

07/02/2018

Tuesday, 6 February 2018



M’Jiniex Dak Li Qed Tara.

M’jiniex dak il-waħdieni li qed tara
U lanqas ma jien dak li tkellmu fuqi
Għax dawk ma jafu xejn u lanqas inti
Ma qiegħda tara sewwa. Għax inbidel
Il-kopjun, inbidlu wkoll l-atturi,
U jekk tistsaqsi lili jien min jiena
Miniex żgur dak li taħseb li qed tara.
U dak li tara lili qiegħed nagħmel
Hu biss ix-xeneġġjat f’dan it-teatru
Li sibtni qed ġo fih bla ġejt mistoqsi.
Għalhekk, jekk trid xi darba toqrob lejja
Trid l-isfel tħares f’dan il-bir bla ħerża
U jekk ssib li l- qiegħ ma wiċċek jaħbat
Malajr tintebaħ. Dak li qed tarani
Nagħmel, dak, mhux jiena, u ma nafx lanqas
Min jista’ jkun li qed jimpusturani,
Jagħmilha attaparsi li kont jiena-
l-attur li f’żaqqa waħda nesa l-parti tiegħu.

Alfred Grech
10-01-2012


Monday, 5 February 2018



F’Dal-Ġranet Mitbiela.

F’dal-ġranet mitbiela ta’ xitwa mitwija
Tħares għalxejn fuq wiċċ żernieq iżernaq
Biex tiraq ftit tad-dija.
Għodosna wisq fil-ħmieġ u l-iskwallur
Ta’ devozzjoni mhix imnebbħa
Biex nintebħu li hemm barra hemm dinja oħra
Fir-rifuġju tal-midinbin li jmur jinħeba
Taħt sema zvinturat li jiżvanixxi wara x-xefaq.
Is-sentinelli tar-ronda u tal-ħolm ikrah
Bħal Ħuna l-Kbir jogħdsuna f’ħalq l-abbissi
Tax-xejn li bħal kull ħaġa sar jiġġebbed.
Irridu nqumu minn dan-ngħas li jġorrna miegħu
Li jġorrna mal-kurrenti ta’ kulljum fuq friex imħarbat;
In-nagħas ta’ ferrovija fuq binarji
Ma jwasslu għal imkien, u lanqas tiġi lura.
Jien issa nibda nfittex illi naħrab
U ma nkunx hemm xħin tergħu issejjħuli
Biex lanqas inkun xhud ta’ li jiġri,
Infittex is-serħan alluċinanti
Fid-duħħan ta’ narrattiva li tistordi.
Jien bqajtx hawnhekk fil-ksieħ ta’ lejl u xitwa efimera
Waqt li l-oħrajn mitlufa fil-bankett
Għax kienu jgeddsu u mingħalihom daħlu l-ġenna.
Il-ġenna qiegħeda hawnhekk
Xħin tagħmel xewqa.

Alfred Grech

05/02/2018

Sunday, 4 February 2018



136.
Jien naf li qatt ma tista’ tiġi miegħi
għalkemm se tibqa’ hawnhekk ittambar f’moħħi:
is-seħer qatt ma kien kif qed toħolmu
kull meta xxidd il-maskra ta’ ħaddieħor.
Inkella billi rkibt il-ferrovija
u mingħalik b’daqshekk fewwaħt il fewġa.
Il-ħofra li ħallielek kif timliha,
bid-dmugħ tal-kukkudrilli u tar-rimorsi?
Biex attaparsi tagħmel bħal ma jagħmlu
u mingħalik b’daqshekk qrobt lejn il-ġenna.
Il-ħin għaddej u qatt ma ġġibu lura
għax tkun qed tmur kontrik u f’dak li temmen
tkun toħloq simulakru fejn tistaħba
imbagħad tintebaħ f’waqt kemm kont imqarrqa.

Alfred Grech
04/02/2018

Thursday, 1 February 2018



Dan Jista’ Jkun Jum Ieħor.

U dan jista’ jkun jum ieħor
Fejn xejn ma jiġri
U jinżel is-siparju fuq it-toqol ta’ qalb imnikkta
Imxebba, mxekkla u mnaqqra mill-użura
Ta’ kull ferita.
Dan jista’ jkun jum ieħor
Fejn ma titgħallem xejn
Fejn jerġa’ jinżel l-istar tal-amneżija
Tal-parassiti li jgħixu minn fuq min qed jitħabat.
Da jista’ jkun jum ieħor
Fejn tintebaħ li għadek fil-kanal
Fuq il-bninarji primordjasli li fuqhom konna tlaqna
U jwasslu f’tarf ix-xfer.

Alfred Grech
01/02/2018






Xejn Mhu Għal dejjem.

Biex nislet l-għerf tal-inċertezzi,
Fid-dell dubjuż ta’ kull akkuża
Tifsira nagħti lil din ħajjti
U ngħix biex naqbad ma kull skuża.

Paraliżżat ma kull dilemmi
Fewġiet il-mewt fuq wiċċ imnikket,
F’żernieq li tfixkel l-għada mistħi
Bil-ħoss tal-mewġ tal-blat imnikket.

Bħal vagabond għad dawl tal-kwiekeb
Tixxejjer minn fuq warda għall-oħra,
Kemm tista’ ddum mingħajr ma tixba
U tibda tfittex serħ band’oħra.

F’dan l-univers xejn mhu għal dejjem
Ma sbieħ kul għoda tibda ssellem.
Għabra fl-għajnejn għax xejn ma jibqa’
Mill-firmament li qed jitkellem.

Alfred Grech

31/01/2018