Monday, 16 April 2018




Int Sirt Bħaċ-Ċpar.

Inti li sirt bħaċ-ċpar, ma nafx għadekx tiftakar;
Jien għadni ngħix ix-xefaq li ħallejtli.
Xħin sar duħħan il-falliment tal-bieraħ
Erġajt ġejt lura tistaqsini l-għala
U sibt li l-ħtija mhix fl-istilel tagħna,
Il-ħtija tagħna stess għaliex għaddejna
Mill-istess triq; infittxu dak li sibna
Drabi oħra bin-nhar f’mergħat moħbija,
Intennu ta kulljum rużarju wieħed
Fir-rokna li silifna l-anġlu tagħna.

Int trid li tkun bħall-ilma, tibqa’ tgelgel
Fil-kors bla terġa’ lura tan-nixxiegħa;
Jien naħlef li rrid norbtok mhux bis-seħer
U l-ktajjen ta’ dal-faxxinu mentali,
Biex terġa’ ta’ kull darba tistaqsini
X’inhu li jġiegħlek toqgħod hawn tismgħani.

Alfred Grech
16/04/ 2018.


Thursday, 12 April 2018



Provokazzjoni.

Huma bosta li jgħarfu wiċċek
U ħafna jafu ismek
Iżda ruħek għaraftha jiena biss.
Għax inti bħal djamant li jiswa’ ħafna,
tgħodd biss għal dak li jgħożżok.
Jien naħseb fis-skiet tiegħi
U mbagħad insir ribell
Għaliex għal xi raġuni
Jinħema fija dak kollu  li urejtni.
U int issir provokazzjoni
Kull meta tmidd il-pass,
Issir irriverenti kull xħin tiċċaqlaq,
U ssir id-dannazzjoni ta’ kull darba
Li nduq il-frott tas-siġra.
Jien ninsa’ t-togħma tiegħek ta’ kull darba,
Iżda mbagħad inħoss il-ħtieġa
Daqskieku kont id-droga prefertita.

Alfred Grech
12/04/2018

Wednesday, 11 April 2018




Frugħa.

U f’ħajjti sibt il-milja tiegħi
Għaliex insejt li qiegħed ngħix.
Nindiehes mat-tmellis ta’ jdejk assenti
Mas-seħer tiegħek kullimkien
U mill-fwieħa ta’ tifkira saret xewqa.

Hu fix-xaba’ tal-frott li ġibt quddiemi
Li jien sibt il-baħħ ta’ ħwejjġek
U l-għatx għal dik il-ħaġa li mhix tas-soltu.
Iżda, jien li qiegħed ngħix bejn dak li jien
U li nixtieq; bejn dak li noħlom
U dak li jgħix il-ħolma qasira tkun is-sensazzjoni
Tal-miġja tiegħek u tal-bżieżaq tas-sapun
Li jfawwru fuq wiċċ l-ilma.
Kull xħin tintefa’ f’ħoġri
Jien ninfed ħbub għajnejk bil-ħars distratt
Jew nagħmel dik il-qabża li tmur lil hemm.
Insib ruħħi n-naħħa l-oħra
Fl-infinit, fl-etern, fix-xejn qatt ma jinbidel.

Għax xejn ma jista’ jwaqqaf din il-mixja
Sat-tarf li jiġbed lejh kull direzzjoni
Fejn kollox huwa ċar li tista’ tifhmu
Bħal mixi ta’ gelgul tal-ilma ġieri
Lejn l-oċean  idifferenti.
Jien miegħek nerġa’ ngħaddi wkoll
Mill-wied mudlam tat-tentazzjoni
Tqanqil ta’ kull passjoni u tat-tiġrib,
Kull meta tgħaddi minn quddiemi.
Inti tibqa’ tgħid li trid u jiena ngħidlek
Li din hi frugħa tal-frugfħat u xejn ħlief frugħa.

Alfred Grech.
11/04/2018

Monday, 9 April 2018




Lil Carmen.

Ja mara ta’ lejl wieħed,
Għal waqt ma kont ħsibt xejn,
Inkella l-ħajja waqfet. Iżda xħin il-folja taqleb
Qatt ma taf xi tkun se ssib
Jew li hemm tassew l-imħabba.
Kien għad kurrenti wisq
Xħin int itterrompejtni.
U ħsibt li kien it-tmiem xħin tlajna  l-istess tlajja.
Jien li miġnun warajk
Li tiġi mbagħad tfittixni
Issib li kont assenti
Xħin l-aktar kont tinħtieġni.
Imbagħad tinfexx fil-kliem li jien kont għedtlek
Bħal kienu ġugarelli.
Noħoilqu l-ftit bil-ftit filwaqt li ngħixu l-ħajja
U npejjpu l-weraq tal-ħolm tagħna
Xħin nieħdu nifs il-ġewwa.
Xi darba rrid nonfoħlok il-fewġa fuq ħaddejk
U nsemma lilek biss, il-poeżija tiegħi,
Għax kull ma xtaqt kien biss
Li ntenni dak li naf
U ngħidu lilek biss.
Imm’int intlift
Fix-xogħol li kellu jsir.

Alfred Grech
09/04/2018

Sunday, 8 April 2018



Exsultet.

Ħa tifraħ din l-art li xi darba konna ngħidu
li hi l-isbaħ ġawra fil-kuruna tas-sultan,
Għax issa niżlu fuqha bħal isqra
l-għasafar tal-ħtif,li jaħtfu l-ġid bil-ponnijiet
il-ftit li baqgħu jonfħlu l-bżieżaq
tal-ekonomija tas-sapun.
Ħa jifirħu l-Ministri u ta’ madwarhom
li jistgħu jitpaxxew u jiftaħru
li qed jaqdu ’l-alla tal-ħala, taż-żeblieħ għal kull deċenza,
tal-bini bla rażan, u tal-kollox jgħodd imbasta għall-flus,
tal-istravagnaza u tal-affluwenza,
għax issa l-Maltin lanqas għadhom iridu jħammġu jdejjhom,
lanqas iridu jaħsbu b’moħħom u lanqas m’għandhom għalfejn
għax hemm min jaħseb għalihom.
Ħallu t-trombi tas-salvazzjoni
idamdmu, jirrumblaw,  jirbumbjaw
u jifqgħu l-widnejn li  qatt ma semgħu l-ħsejjes tal-muturi,
u jidħlu f’kull rokna fejun tista’ tmur tistrieħ
għall-kwiet jew tikkuntempla;
Ħa jirbumbjaw u jekkeġġjaw il-qawwa tas-sidien il-ġodda,
li jaħtfu, li jħammġu u li jeqirdu
bl-iskuża tal-isvilupp u tal-ekonomija dejjem tikber.
Ifirħu, ħa tifraħ l-art għaliex il-glorja
qed tegħereq ġewwa fiha u qed tħeġġeġ
id-dawl tas-sultan setgħani tagħha.
Ħa jifirħu l-irkejjen kollha
għaliex jagħrfu t-tmiem tad-dwejjaq u tad-dalma.
Ħa tifraħ din l-art, l-omm li tagħtna isimha,
imdawwla kif inhi mid-dawl fuqhani
li ġej minn kredu trijonfanti tal-progress
tal-izvilupp u tar-regolamentazzjoni.
Tiftaħar illi kienet saħansitra minn tal-ewwel
li tibdel liġijiet u taqleb ta’ taħt fuq kull-ordni naturali,
ġerarkiji, troni u dominazzjonijiet,
u tispiċċa biex tibla l-ħmerijiet minn kull fejn jiġu.
Ħalli l-qarnita ta subajjha twal u nviżibbli
tal-kilba, tifga, tnaqqar, issewwes u taħtaf
kul biċċa roqgħa art verġni
fost in-ngħas u t-telqa ta’ poplu lluppjat
aljenta bix-xbiegħat virtwali
aktar milli bin-naqxiet tat-tafal.
Għalhekk għeżież ħbieb, li bħali
tinsabu għarkubjejjkom quddiem il-qawwa u l-glorja
ta’ setgħa moħbija
li tiggranfa u tisloħ u tifga
l-aħħar għeliem tal-ħelsien fid-dieher
sejjħu miegħi s-setgħa ta’ dan l-alla ġdid
li lili għoġbu jgħoddni għalkemm ma jistħoqqlix
fost il-leviti.
Isawwab fiha d-dawl bla dellijiet
tal-illuminazzjoni l-ġdida
ta’ soċjeta’ nkusiva, fejn titneħħa d-distinzjoni,
kull diskriminazzjoni, u kollox livellat
għal xejn mhux xejn u fejn kulħadd
irid jilbes maskra waħda;
Biex jiena wkoll nista’ ngħanni
t-tifħir ta’ din ix-xemgħa.
Amen.

Alfred Grech
08/04/2018.



Wednesday, 4 April 2018




Illum M’Għandix Xi Ngħidlek.

Illum m’għandix xi ngħidlek
Inħossni bal miblugħ
Inħossni bħal bużżieqa
Bla rih, ballun mifqugħ.

Illum irrid ninbidel,
Nintilef fis-sabiħ,
Mhux sewwa li nsir bħalek
U f’moħħi nkun mistrieħ.

Alfred Grech
04/04/2018

Tuesday, 3 April 2018




Stqarrija.

Jien li ma kellix għażla,
Bqajt miexi f’dal-perkors,
Imqarr jekk x’kelli nagħmel,
Kont naf mingħajr diskors.

Jiena li xejn ma kelli,
Bla ġwienaħ stajt intir,
Ma bqajtx marbut ma ħwejjġi
U l-prieċi tal-inxir.

Stajt nimraħ stajt niġġerra,
Nittajjar fuq il-ward,
Imqar xħin giet ix-xita
U bdejt inħoss il-bard.

Stajt nimraħ u stajt neħles
Minn dak li kien ta’ xkiel,
Niddakkar minn kull warda
Mingħajr ma nħalli ħjiel.

Jien li ma kelli xtoqol
Ta’ wirt u ta’ nteress,
Stajt noħlom li nkun ħieles
U fuqi ħadd pussess.

Stajt nogħola ‘l-fuq, nittajjar,
U noqgħola ’l-fuq mis-sħab,
Ukoll stajt nilgħab logħoba,
Ta’ min qatt kien lagħab.

Jien li ma kellix x’nitlef
Stajt nerġa’ mmur mnejn ġejt,
U nerġa’ nibda niġbor,
Kull biċċa mnejn ħallejt.

Jien li ma kellix x’naħbi
Stajt b’wiċċi minn quddiem
Nixlihom u nikxifhom
F’kundanna ta’ bla kliem.

Alfred Grech
03/04/2018