Monday, 13 August 2018


Image result for eternity

U Taf LI Din Mhix l-Aħħar Darba.

Ma dil-gomma li tiġġebbed
noqorbu lejn xulxin
Imbgħad nitbiegħd.
Hekk hi l-eternita’
Illum irridek jiena
Trid għada lili.
Fuq dan iċ-ċirku tond li qatt ma jaqta’
l-eternita’
nitbiegħdu minn xulxinu
u nerġgħu niġu
fuq bandla tiela’ u nieżla
għall-irdoss.
Illum irbaħtlek jien,
Tirbaħli għada
U ngħid li ma rridekx
Meta naf tajjeb, li żmien bi żmien
Tarani għad ma ġenbek
Iżd’inti ma tkunx trid,
U taft li din mhix l-aħħar darba.

Alfred Grech
13/08/2019

Sunday, 12 August 2018



Related image
Il-Mostru Ma Nkunx Jien.

Infern dal-wara nofsinhar t’ awwissu.
Min għajnejk jiżżerżaq dmugħ
li mhux ta’ San Lawrenz
U jien trasfugurat.

Iż-żiffa sħuna trid twassalli
ix-xrar tax-xenqa tiegħek
u n-nar li jixwi fuq il-gradilji.

Imqar jekk int daqshekk il-bogħod
li ma tkejjlux,
ma tagħmel xejn ħażin
jekk għad tissogra.
Jjekk tfittex hux din hija l-verita’
inkella hux tixxiebaħ,
jekk jien jiniex tassew,
inkella fissazzjoni
ta’ min xtaq jasal l-għada
mingħajr ma jisbaħ.

Jekk tibża li tisfida l-mostru
Il-mostru ma nkunx jien
tkun int li bżajt
minnek innifsek.

Alfred Grech
12.08.2018


Saturday, 11 August 2018

Image result for San Lawrenz



Raħal.

Jien ġejt hawn biex nagħmel bejta
Ġejt infittex ftit mistrieħ
Mill-għajjat tal-folla mġenna
Fost il-ħemda, għall-erwieħ.

Iżda dawk jiżdiedu baqgħu,
Baqgħu jibnu kullimkien,
Jingumbraw, iħarbtu, jkissru,
Jiżverġnaw kull fejn kien kien.

Dawk t’hawnhekk ħwejjiġhom biegħu,
Għax imsieken ma basrux,
Illi żmien bi żmien għad niġu
Geġwiġija bħal bebbux.

U dawk ġew, dawn komplew jibnu
Biex ma baqa’ l-ebda kenn,
Min dar-raħal kwiet u ħiemed
Sar teatru mimli ġenn.

Alfred Grech
11/08/2018

Friday, 10 August 2018


Related image


Jien Kont F’Għajnejk.

Jien kont f’għajnejk u int kont tħares lejja,
Kien hemm il-bogħod bejnietna
Distanza ta bla truf.

Jien ħsibt li ġrejtha kollha,
Xħin qtajt in-nifs
Sibt lilek qed tfissidni.

Kien hemm il-baħar jaqsam ta’ bejnietna
Iżd’int waqajt mis-sema u ġejt ġo ħoġri
Imbagħad xħin sar il-ħin
Jien bżajt li mhux qiegħdin niftehemu.
Għalkemm it-tnejn imdawwra madwar mejda
Nixorbu l-kapuċċin.
Jien  stajt nissinkronizza l-arloġġ tiegħi
Mal-ħin tiegħek.
Iżd’inti bdejt tibissem
Jew kont ġa taf x’ser ngħidlek
Inkella,
Li terġa’ tkun darb’oħra.

Alfred Grech
10/08/2018

Thursday, 9 August 2018


Image result for the eyes are the mirror of the soul

Ridtek Tħares Ftit f’Għajnejja.

Ridtek tħares ftit f’għajnejja
Ridtek tħares ftit fl-abbiss
Jew tistaqsi l- mistoqsija
U taqrani kif imiss.

Ridtek tħares ftit f’għajnejja
Ridt nistaqsi jien min jien,
Bdejt inħoss is-sħana tiegħek
Kollox reġa’ għal li kien.

Ridt inħossni biċċa minnek,
Ridt nintilef fl-univers,
U ridt ngħum fil-baħar tiegħek
Ridt inħossni ftit divers.

Jiena deherli li ħassejtek
Issefsifli fil-widnejn;
Kont imnebbaħ, kollox sewwa,
Xħin ħassejtni bejn ħaltejn.

Ridt ninġarr mar-rima tiegħek,
Ja sibilla, fejn tmur int;
U ridt nisma’ x’tista’ tgħidli
Sforz il-heġġa, sforz l-istint.

Ridt inħares fija nnifsi
Jekk hux din il-verita’;
Jew inkella hemmx xi maskra
Biha nsib l-identita’.

Alfred Grech
09/08/2018

Tuesday, 7 August 2018

Image result for gaia and uranus


Jien Xtaqt Inħares lejk.

Jien xtaqt in+ħres lejk
kif int qed tħares lejja.
Iżd’int bqajt twelled it-titani
u jien żvinat mort niġri
ninħeba wara x-xefaq.
Xtaqt ngħajjat ngħidlek titlaq
iżd’int bqajt tħares fiss f’għajnejja.
Ġejt hawn niltaqa’ miegħek
biex neħles mill-magħmul li kelli fuqi,
is-saħta li tidwi baqgħet dejjem ġo widnejja.
Dan hu l-biża’
dan huwa dak li jħoss
min joħlom ħolma kera
u jqum xħin it-twerwir
ma jkunx jifilħu iżjed.
Iżda’ jien la nista’ nqum
u lanqas niflaħ aktar.
Jien nibqa’ hawnhekk
fi ħdan l-eternita’
biex ngħodd ir-ramel ta’ dix-xtajta.

Alfred Grech
07/08/2018

Thursday, 2 August 2018


Image result for if you stare into the abyss


Imqar Tarani Fir-Rifless.

Żommni ftit ieħor ħdejk
għandi mnejn nistordi
inqar l-għaraq ta’ ġbini
issa kesaħ,
u nista’ noqgħod hawn
nistaħba taħt l-iskomdu
ta’ li ma jagħmilx sens.
Imqar l-għanja trid teħel
u l-kliem ma jfisser xejn.
L-għammieq hu tqil u fond
fond iktar milli ħsibtu.
L-għammieq ma jwasslek għal imkien.
Hemm l-għanja tas-seħer li trid toħroġ
l-għanja taż-żernieq
li tbiddel il-burdata.
Jekk ngħidlek: Erġa ttawwal
fl-abbissi ta’ bla qiegħ,
tobdini?
Imqar tarani fir-rifless.

Alfred Grech
02/08/2018