Sunday, 26 August 2018


Image result for moon contempating itself

U Issa Rrid Nibda’ Nifhem.

U issa rrid nibda nifhem
għaliex int qatt m’għandek il-ħin
u r-ritmi tiegħek jgħaġġlu wisq
biex nista’ nlaħħaq miegħek,
ondati ta’ mewġiet li qatt ma jaslu
sax-xatt tal-art fejn hemm il-blat
inkella r-ramel jistennihom.

Jien xtaqt inħares lejk
bħal meta l-qamar kwinta jħares l-isfel
lejn baħar iċċassat
jikkuntempla r-rifless tiegħu
imewweġ fit-tamiet li jogħsfru.

Minflok ikolli biss nitwekka
bil-frak ta’ kwiekeb mgħaddba
u nħares lejn eklissi ta’ qamar imdagħdagħ
inkella nżul ix-xema
ta’ mħabba li għaddiet
għax saret silġa.

Int missek taf biżżejjed
biex ma tilludinix
jew ħalli lili nidħaq bija nnifsi
filwaqt li naf li qed innaqqas
mill-għażliet li fadal.

Alfred Grech
26/08/2018

Friday, 24 August 2018


Image result for sisyphus

L-Isfida ta’ Sisifu.

Kullħadd imwaħħal hawn
Mal-ftit li dawk ħallewlna
Din hija l-art li nafu
U d-dinja li għaddewlna.

Ma nillargawex minn hawn
’qas nafu x’hemm bil-ħniena
Lilhinn miċ-ċpar tal-baħħ,
X’hemm moħbi jistenniena.

Irridu nibqgħu hawn
Kemm wieħed u kemm l-ieħor,
Hawn drajna u hawn qiegħdin
U ma nafux mod ieħor.

Ikun biss it-twemmin
Għax fieragħ kemm hu fieragħ
Iżommna nittamaw
Li llum aħjar mill-bieraħ

Fuq l-għolja tal-allat
Naħilfu mbgaħd l-isfida
Li nibqgħu ma nobdux
U din tkun ħajja ġdida.

Alfred Grech
24/08/2018

Thursday, 23 August 2018


Image result for titans myths

Bħal Meta x-Xlokk.

Bħal meta x-xlokk ifarfar iċ-ċpar tiegħu fuq il-qċaċet
U n-nida tfixkel lil kull minn irid javvanza
Huma t-truf ta’ xuxtek,
Il-kuda li tħallili ma  kull kelma
Li toħroġ minn xofftejk.

Għax nibda ma narax lil hinn
Minn fejn  il-qaws iwassal
Biex b’hekk sirt il-ħalliel
Li ġejt infittxek qalb il-folla.

Bil-ħeffa tal-għasafar dik mixjietek,
Li għandha minn qawwi li jitmewweġ
U jokrob mingħajr biss ma jaf il-għala,
Bħal meta fisfidaħ tweżieq il gruwa
Li tgħid li ġejja x-xitwa  u ttir ma sħabha
Bil-ħsejjes ta riġment,
Jinġarru mal-kurrenti ta’ filgħodu.

Int bħalitrid li tkompli fejn ħallejna
U tobdi lill-allat  bla ma tistaqsi,
Għax kontra dak  li s-sħab u l-kwiekeb jiknes
Ftit stajt tisfida.

Alfrerd Grech
23/08/2018


Tuesday, 21 August 2018


Image result for at the end of oneìs life

L-Aħħar Waqtiet.

L-aħħar waqtiet
huma tqal għal fuq l-istonku,
għax inti tkun emmint
li dan mhu xejn għajr taraġ li titilgħu
u ma kull tarġa tiskopri s-sewwa
inkella sewwa ġdid jekk mhux is-sewwa kollu,
u tibqa’ tiela’ ’l-fuq sa tasal sal-quċċata
mnejn tista tara kollox u tara x-xefaq.
Imbagħad tinteba f’daqqa waħda
li mhi quċċata xejn
għax tkun wasalt fit-tarf,
fit-tarf tal-preċipizzju.

Alfred Grech.
21/08/2018

Image result for proteus mythology

Għaliex Qed Tistaqsini?

Għaliex qed tistaqsini w’qajtx fil-muta?
Int taf li kull tant żmien jien irrid niskot
u nagħmel bħal bebbuxu
nidħol ġo kamarti,
għaliex il-baħar imkurlat
jimlieli għajnejja bix-xrar tal-kwiekeb
u ħsibijieti biċ-ċpar tal-illużżjoni.

Għaliex qed tistaqsini x’inhi l-biċċa?
met’inti daqsi taqra
il-passi ta’ quddiemna
u l-melodija li daqqejna waqt iż-żifna
li kienet frott tas-seher
ta’ lejla ta’ bla qamar u bla kwiekeb.

Alfred Grecvh
20/08/2018

Monday, 20 August 2018

Image result for starry starry night

Għaliex Qed Tistaqsini?

Għaliex qed tistaqsini w’qajtx fil-muta?
Int taf li kull tant żmien jien irrid niskot
u nagħmel bħal bebbuxu
nidħol ġo kamarti,
għaliex il-baħar imkurlat
jimlieli għajnejja bix-xrar tal-kwiekeb
u ħsibijieti biċ-ċpar tal-illużżjoni.

Għaliex qed tistaqsini x’inhi l-biċċa?
met’inti daqsi taqra
il-passi ta’ quddiemna
u l-melodija li daqqejna waqt iż-żifna
li kienet frott tas-seher
ta’ lejla ta’ bla qamar u bla kwiekeb.

Alfred Grecvh

20/08/2018

Wednesday, 15 August 2018



Image result for PERSEPHONE

PERSEFONE.

Taħt nisġet ix-xoqqa żebbuġija
il-kliem jintilef
imtaffi minn spettaklu
ta’ min jgħid li huwa bin ix-xemx.

Iż-żiffa toqtol kull tama
li xi darba tarani miegħek
fuq gradilja u xofftejk
tilfu l-ħajra tat-tbissima.

Għajnejk ifittxu toroq ġodda
ta’ kif ifissru ruhħom
minghaħjr diskors,
mitlufin f’mirage
ta’ deset l-enimmi.
Tistaqsi għal qatr’ilma
minn bir in-nixfa.
Jien għandi l-ilma tal-ħajja -
kont tgħidli –
Imbagħad fil-ħolm stħajjiltni
l-oasi tiegħek
u bdejt tħobbni.

Mhux l-għafsa tiegħek qed tweġġani
u mhux difrejk
Iżda l-ħars battal ta’ bir bla qiegħ
li hemm f’għajnejk
u l-ksieħ ineżorabbli
tad-dellijiet li ma kellhomx
xaqq dawl warajhom.

Alfed Grech
15.08.2018