Wednesday, 17 June 2020


Startups commit suicide daily - Paul Mbua - Medium

Ridt Neħles Minni Nnifsi.

Il-ħarsa mudlama f’għajnejk
Serqet il-ħemda ta’ dik id-dinja
Li konna drajna .
L-ilwien ilellxu f’daqaqa waħda
Tniġġsu u lanqas biss ridt naf
X’għandek xi tgħid.
F’daqqa waħda sirt naf
Li għandek x’tirrakkonta
Li ma kont tiegħi qatt
Iżda l-aktar ħsieb li qed ikiddni
Hu dak li naf x’kont qiegħda taħseb
Li taf kull pass li jmiss
U kull mossa li se nagħmel.
Imbagħad tbiddel it-tbissima fuq xofftejk
Fid-dawl tal-fanal
Li jixgħel sotteran ix-xili.
Jien xtaqt inneħħi jdejk minn fuq għajnejk
Biex nilmaħ l-allat suwed
Kull xħin tintilef
Iżda kull ma ġara kien
Li ġġarrfu ħitan is-swar
U jien għalaqt għajnejja
U nsejt li ridt neħles
Minn kull ma kelli
Ridt neħles minni nnifsi.

Alfred Grech
17/06/2020.

Monday, 15 June 2020


Why We Are Different - Mercury Group Consulting

Issa Taf.

Għalkemm għolejna ma kull mewġa
Spiċċajta xorta waħda fuq l-iskolji.
Imqar jekk ninsabu l-bogħod tar-rifletturi
U dak kollu li hu moda
F’għajnejjna jidher biss
Dak li ħaddieħor lanqas jara.
Taf li ma tista’qatt tkun bħal ħaddieħor
U dak il-gelgul li qabel kien inixxi
Issa sar biss il-qtar
Li kull filgħodu jibtrebaħ
Mill-gravita’ ma tlugħ ix-xemx.
Issa taf għax nisma’ għanjiet
Li ħadd ma jrid jisma’
U nikteb poeżija
Li ħadd ma jrid jaqra
Hekk li fil-baħar tal-multitidni
Int sir tħobb lil min malajr jingħaraf.

Alfred Grech
15/06/2020.


Saturday, 13 June 2020

Our Universe is a Simulation - Vinay Kanigicherla - Medium


Għax Kollox Attaparsi.

Lanqas il-leħen m’għadu joħroġ
Ħieles u ferrieħi
Bħal ilma ġieri li jnixxi
Fil-kanali tas-saqwi
Illum qed ngħumi ġewwa baħar imdardar
Ikkalzrati fid-dawl u fil-konkrit.
Lanqas ir-riħa tal-qronfol u tal-ġiżimin
M’għada tinxtamm
Fil-ġonna deżolati ta’ din il-plajja
Fejn jirgħu l-għasafar tal-ħtif
U jimxu l-misruqin ta’ mingħajr djar.
Xejn, kollox ilellex fl-ilwien artifiċjali
Fid-dħaħen efimerali
U fis-swied imdennes
Ta’ għamliet tridimensjonali.
Ħajjithom mhix itwal minn tal-ward
Li jiftaħ filgħodu u jagħlaq
Fin nżul ix-xemx sajfija.
Għax kollox attaparsi.

Alfred Grech
13/06/20202.

Friday, 12 June 2020


If you call me i will help you to find inner peace with each part ...


Fittixni

Fittixni f’xi żiffa li tkun għaddejja tmelles
Il-mewġ tal-baħar li m’għandiex mill-
Ħafna wegħdi tal-bnedmin
Jew f’xi twerżieqa ta’ vjolin skurdat
Jew f’xi nota nieqsa ta’ xi sinfonija
Li qatt ma nkitbet.
Jien ridt inkellmek
U ngħidlek ħafna ħwejjeġ
Iżda mbagħad bqajt waħdi nitħasseb
Fuq dak li stajt intenni.
U meta sewwasew sejjaħtli
Żlaqt fuq kull żurżieqa li żżerżaqna fuqha
U sibtni qed nitbandal fuq il-bandli
Ta’ tfulitna.
U jekk xi darba għad niltaqgħu
Issejjaħlix iżda aħseb fuq dawk il-waqtiet
Li qatt m’għaddew bejnietna.

Alfred Grech
12/06/2020


Thursday, 11 June 2020


Learn How to Draw an Angel with Sword (Angels) Step by Step ...

Vjaġġ Bla Mira.

Vjaġġ bla mira l-mixja tagħna
Fit-toroq battala ta’ dawn l-inħawi
F’dil-gżira li tilfet suritha
U ġismha ma jingħarafx
Għax imbiegħet fis-suq tar-regħjba maltin.
X’jagħtik is-saħħa li tiġġieled
l-assurduita’ li tisfidak
id-dwejjaq l-uġih, l-inċertezza
jekk mhux il-ħmerijiet u l-fissazzjonijiet?
Tista’ wkoll tindarab bis=-ejf tal-anġlu
F’jum il-fejqan mill-pesta
Iżda r-ruħ tistrieħ fil-waqa’
Tal-imkabbrin u dawk li jaħtfu
U fl-għabex tal-allat.
Nixtieq li kont ħrafa li ttenniha
Kull filgħaxija
Mingħajr tagħlima.

Alfred Grech.
11/06/2020.


Tuesday, 9 June 2020



The desperation of Penelope Painting by Sibila Doré | Artmajeur
Kull Filgħodu.

U kull filgħodu rridu nġorru l-valiġġi
Li ġarrejan l-bieraħ u t-toqol
Minflok jonqos qed jiżdied.
Kulljum nitqawwew
Bi sbieħ il-jum fulġenti
Ta’ xemx li terġa’ tqum mill-ilmijiet.
U kull fil-għodu nqumu ntennu l-istess mantra
Bir-ritornell li għada jista’ jkun aħjar
U xi minn daqqiet naħbu l-ġenb
Mudlam tal-qamar
Naħbuħ imqar minnha nfusna
U l-għaliex ma nifhmu qatt.
Tgħallimna daż-żmien kollu
Inżommu fil-wiċċ
Ninġarru mal-kurrenti
Dan ma jfissirx
Li l-ħajja ta’ min jgħixha.
U x’ħajja din?
Penelope toftoq dak li tinseġ.

Alfred Grech
08/06/2020.

Monday, 8 June 2020


Why Did You Leave Me? | Sad Piano RnB Beat Instrumental - YouTube

Fej’ Tmur

Fej’ tmur għidli xħin titlaq ?
Ma tħalli ebda rima
Xejn ma jibqa’ minnek
U tmur mingħajr tislima.

Qatt ħsibt x’iħoss min tkun ħallejt warajk,
Id-diwi f’qiegħ l-immensita’
Il-ġerħa li tistona
Tirbombja l-baħħ mitluf fi ħdan l- eternita’?

Jien ħsibt li tibqa’ tieħu n-nifs
Imqar jekk ħadd mhu qed jarak
Għax l-arja li kont tibla’
Żgur kienet qed tifgak.

Għalhekk issa taħseb
fejn tmur se ssib tqanqila
l-infern kien qiegħed hawn
u saħħtek ħlejt ma kull taħbila.

Jien imbagħad nibqa’ għaddej
B’rasi ’l-fuq u bl-għeltijiet
Minn nofs il-misraħ tal- qaddisin
Niżfen mal-ħsibijiet.

Alfred Grech
08/06/2020.