Sunday, 28 January 2018




X’inkunu Ngħidu.

X’inkunu ngħidu xħin niltaqgħu int u jiena
fin-nofs ta’ nhari li qattajna
mingħajr għajnejna qatt jiltaqgħu.
Jien inħossni niexef, moħli u mormi.
Għax aħna m’aħna xejn
waqtiet jew bżiezaq t’arja mal-kurrenti.
Jien nerġa’ niġi ħdejk biex nieħu s-saħħa
u nerġa’ nibda’ nagħmel bħal ħaddieħor
u terġa ttini x-xenqa ta’ tfuliti.
Irrid insib l-għeruq tas-siġra tiegħi
biex nerda mill-ħamrija s-suqu primordjali
u nfittex ġo l-għenieqed qed ixenxlu
l-għanja mill-ġdid.
Xi drabi mbagħad inkun nixtieq
intir fuq ġwienaħ l-isqra
biex naħtaf ix-xintilli solitarji
tas-sħab mutu mberfel fix-xemx,
Inkella ngħum u negħreq
fil-baħar ta’ ħin li lanqas jgħaddi.
Irrid ningħalaq f’kull taghannieqa li tagħtini
u naħseb li dal waqt se jibqa’ għal dejjem.

Alfred Grech

28/01/2018

Saturday, 27 January 2018



Jien Xtaqt.

Jien xtaqt kont ġurnalista
–attaparsi-
Intir fuq mewġ iġorr
Il-ħelsien tal-espressjoni.
Inkun fuq xi tribuna
Ħa nagħti xi ħastig aħrax
Għal kull abbuż sesswali,
Jew fuq xi pedestal
Nikkundanna xi pedofelu,
Inkella xi politiku
Sabiex ninnormalilzza
Dak li normali mhux
Jew inħares b’lenti waħda
Dak li mhux l-istess.
Hawnhekk kulħadd prosekutur minbarra wieħed:
Min hu bla ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla.

Alfred Grech

27/01/2018

Thursday, 25 January 2018




M’Aħniex Flimkien.

M’aħniex flimkien għax ta’ kull darba
Jien nibda biex nistaqsi: hawn x’ġejt nagħmel.
U int ittenni l-mistoqsija
Li jien m’għandix tweġiba għaliha:
Għaliex sejjaħtli?
Illum stenbaħt b’din il-burdata
U b’ruħ ta’ pellegrin.
Qiegħdin hawnhekk għax ma ntbaħniex
U ma konniex inkunu hekk jekk mhux tort ta’ l-imgħoddi.
Għax konna nħobbu d-dell tar-riflessjoni
U għax insejna t-tnejn mnejn konna tlaqna.
Iżd’issa f’din l-arja tar-riħ isfel,
Jien sibtni ngħum mal-ħut il-kbar
U int qed tittawwalli mill-fanal
Ta’ fuq l-iskolji.

Alfred Grech.
25/01/2018


Monday, 22 January 2018



XLV.

Ma jdumx biex jaqbad dan in-nar tat-tiben
U mbagħad xħin jaqbad xejn ma jagħmel sħana.
Hekk hi xewqati lejk, lanqas tiżtiżen.
Aktar ma  jgħaddi ż-żmien jien qed nistagħna.

Għalhekk minn ħarset dawn in-nies aħbini,
Tikketta jwaħħlu  mhux la kemm tneħħija.
Jistħuk b’ħarsithom, minn warajk għaddini,
U b’hekk għall-ġenb inwarrbu kull stmerrija.

Aħbini wkoll minn dawk tal-unifirmi,
Minn dawk li sabu ruħhom fuq tribuna
Għax dawk taħsibom jerfgħu pis enormi,
U l-passi tagħhom tqal bħal ta’ fekruna.

Imm’aktar hu meħtieġ malajr taħbini,
Minn dik il-mera li kif jien turini.

Alfred Grech

09/01/2012

Saturday, 20 January 2018




Xejn Aktar Ma Tkun Tiswa’.

Xejna aktar ma tkun tiswa’ din ix-xniegħa,
Tellieqa biex tinqara fl-ewwel paġna
Tiżżewwaq u tinbidel ma kull siegħa
Skond min kapaċi l-aktar jitfa’ xrara.
Biex aħna nsiru dejjem it-telliefa,
Għax din tellieqa li qatt mhu ser nirbħu
Għax jirbħu l-qaddisin ta’ wara l-kwinti
U jirbħu n-nisa tagħhom, dawk li jservu:
Tellieqa din ta’ min jaf jgħix il-gidba.
Għaliex qatt mhu se jitla’ ż-żejt f’wiċċ l-ilma,
Itambru kemm itambru l-ġurnalisti,
Profeti tal-qlajjiet u l-malafami
Mal-bċieċen li jibilgħu li jisimgħu.
Din hi tellieqa ġdida ta’ min jonfoħ
Duħħan, eklissi u bżar f’għajnejn min jara,
Minflok il-bżieżaq arja u sensazzjoni
Bħal kif l-ekonomija dejjem tikber
Bħal xi bużżieqa qatt mhu ser tinfaqa’.
Din hi tellieqa ta’ min jgħajjat l-aktar,
Ħanġra ta’ ljun li jwerwer il-foresti;
Li ġġiegħel lil-kullħadd f’qoxortu jidħol
U jaqra t-taħżiżiet ma ħajt ta’ ċirku.
Din hi aħbar li tiswa’ biss ġurnata,
Għax għada jaġġornawna b’aħbar ikbar.

Alfred Grech

20/01/2018

Friday, 19 January 2018



Ejj’għidli Kif Se Nkomplu.

Ejj’Għidli kif se nkomplu,
Id f’id fguq dan ix-xifer,
Ejj’għidli kif se nkomplu
Mingħajr ma niksru difer.

Ejj’għidli kif wasalna
Biex dorna l-kanruniera,
Imdawwra bis-seksieka
Minn wara kull purtiera.

Ejj’għidli kif se nkomplu,
Il-bogħod mill-illużżjoni,
Nimxuha din il-mixja
U naslu f’konklużjoni.

Ejj’għidli ‘mma ddumx ħafna,
Għax hawn bdiet dieħla l-għajja,
Għax hawn id-dawl qed jikfes
U tlift is-sens tal-ħajja.

Alfred Grech
19/01/2018



Thursday, 18 January 2018



Fittixni.

Fittixni bla ma tibża’
Fitixni bla dewmien
Jien qatt mhu se nintilef
Imqar jekk jgħaddi ż-żmien.

Fittixni qalb il-kwiekeb,
Fid-dalma ta’ bil-lejl
Taħt qamar qed jitbissem
Fil-wisa’ ta’ bla kejl.

Fin-noti musikali,
Fittixni kullimkien,
Fittixni fil-baħħ t’għada
Fli hu jew seta’ kien.

Fittixni u erġa’ fittex,
Fil-baħar qed ifur,
Fil-baħħ ta’ fik innifsek
Hemmhekk se ssibni żgur.

Alfred Grech
18/01/2018