Saturday, 20 April 2019

Related image

Ħassejtni Sew.


Ħassejtni sew matul il-vjaġġ
Li qatt m’għażilt għalija.
Ħassejtni sew għax sibtni fiħ
U bqajt ninġarr mal-bqija.

Għax kont bħal qoxra ma-kurrent
U sibtni wkoll ġo nassa,
Kont qed ninġarr mingħajr ma naf
Mitluf  il-wens tal-massa.

Wasalna mbagħad sa tarf l-irdum
Tispiċċa dis-sekwenza,
Ma ħafna oħrajn ma tbiegħdu qatt
U ta’ ftit esperjenza.

Nistasqu wara dan x’ikun
U l-għan ta dit-tkaxkira
Mbagħad tassew ma jibqa’ xejn
U lanqas biss tifkira.

Alfred Grech

20/04/2019

Friday, 19 April 2019



Related image
Illum Stennejtha.

Hi għada ma sabitx it-triq,
it-triq għal għandi,
Tilfitha t-triq illum imqar jekk jiena
ħaffift kemm stajt u sirt eħfef minn qabel.
Tilfitha t-triq inkella għamiltielha
itqal u itwal minn qatt qabel.
Distratt immur niġġerra wara l-friefet
l-ilwien mistħajjla seħer il-qawsalla
jew bżiezaq tas-sapun jinfaqgħu fl-arja,
għax nifs irrid, ftit nifs! inkella nifga’
biex neħles minn kull xkiel tal-klawstrofobja
mill msejjes indannati tal inġenji,
mid-dħaħen infernali tal-vetturi,
ġot-toroq u sqaqien ta’ roqgħa mħarbta,
mill-kotra aljentata li ’ssa belgħet
il-loppju tal-progress u ġid bla rażan,
tal-affluenza u l-ħatfa tal-miljuni,
ta’ ġens bla ruħ li tilef lilu nnifsu,
ta’ numru ta’ bla wiċċ u nies virtwali.

Illum stennejtha tiġi,
illum erġajt fittixt ir-ritmi tagħha
ir-ritmi tiegħi stess, ir-ritmi qodma
il-ħsejjes primordjali li jfakkruni
fil-mewġ li jaf jintona wkoll kull għanja
li tiġi u tmur, tinbidel bla ma taqta’.

Illum erġajt irbatt il-krikk
żammejt il-fren  sabiex inserraħ ftit
dil-qalb għajjiena,
biex nerġa’ nieħu n-nifs
u niġbor ftit tas-saħħa.

Illum fittixt is-skiet li xtaqet hi
għax kienet hi li qaltli
li waqt ta’ skiet hu l-waqt tagħha
u taf titfaċċa ħin bla waqt. . .
u dak il-waqt ikun għal-dejjem.

ALFRED GRECH
Il-Ġimgħa l-Kbira.
19/04/2019





Related image

146.

Imm’issa naf! xi ħaġa qed tifridna,
Mhuwiex iż-żmien u lanqas id-distanza,
Sigħat kont ngħaddi nikkuntempla lilek,
Bħal min f’lejla sajfija ta’ bla qamar
Iħares lejn il-kwiekeb u jistenna
li jara xi sinjal. isib tweġiba.
Int is-serenita’ għal min jitħawwad,
Is-skiet u l-ħemda ta’ min huwa mgħaddab,
Baħar imqalleb jien li ’l-blat isawwat,
U inti l-fanal li turi li da’qt naslu.
Issa li ma nbaħbiex li ż-żmien kien għadda,
Li l-aħħar xarabank diġa’ tlifniha,
Jien nistaqsik tassew hux hawn ridt tiġi,
Jew kienet din għalik xi avventura.

Alfred Grech
19/04/2019.

Thursday, 18 April 2019


Related image

Usa Mill-Beraħ.

Usa mill-beraħ ta’ quddiemek
din is-sensazzjoni li ma tgħarafx
bejn holm u dak li hu tassew.

Imm’inti xortik tajba
għaliex b’difejk ċarratt
u għamilti iċ-ċikatriċi
li sfugrat wiċċ l-eternita,
għalkemm minn dawn l-inħawi
tidher xi ħaġa virtwali,
efimera bħan-nar li jaħraq
u ġġib fix-xejn l-aqwa ikoni
u monumenti ta’ tifkira.
Sakemm itemmu ż-żminijiet
u ngħidu li dak kien riħ
u issa kkalma.

Alfred Grech
18/04/2019,

Wednesday, 17 April 2019


Related image

Demgħa.

Xi jkun id-diwi ta’ ħoss l-immensita’
ta’ qatra oħra iċċaqlaq wiċċ l-eternita’
fil-firmament imdennes?
Ikunu l-imwejġiet żgħar li lanqas jidhru
tul il-wisa’ tal-infinit.

Kull demgħa li ġġelben
ma tmiss l-ebda korda
ma ttteni ebda leħen
jivvibra fis-skiet tal-armonija.

X’imkien ġo dan il baħħ hemm imħażżeż
dak kollu li ridt ngħidlek
u qatt ma sibt il-kliem.

X’imkien f’dal-baħħ
titwieled kewkba ġdida li tqawwi qalb l-għannej
li safa mutu.

Imqar jekk id-dmugħ tiegħi ma jiswa’ għalxejn
x’imkien fid-dlam tal-beraħ ta’ bla tmien
hemm int li qed tismgħani.
Id-dmugħ iġelben iqanqal terrimot
u jibgħat mewġ jitriegħed
sa ma jasal sax-xtut tiegħek.

Alfred Grech
17/04/2019

Tuesday, 16 April 2019


Image result for tfajla tohlomx

Barrikati #

Barrikati u swar għoljin issib
xħin tagħmel l-ewwel passi biex tgħeleb
l-għanqbut u d-duħħan tal-uragana
li jgħatti musbieħ il-lejl
li tkun qed tfittex.

Siparji sħaħ ta’ biża u qtigħ il-qalb
ta’ dak li aħna
jiddiżorjentawna għal-kollox
u jgħattu x-xewqat ħielsa
ta’ qlub illum imwerwra.

Jekk tistaqsini hawnhekk x’qed nagħmel
ma nafx inwieġeb,
għax bħalek ferħ ta’ ġenn
l-imħabba nisslet fiha,
fl-imħabba ma ssibx kenn.

Tgħid għad nimlew il bir bla qiegħ
li sibna x’ħin tlifna l-innoċenza?

Tgħid għad inħaddnek miegħi
u nkunu t-tnejn qalb waħda
u nibda nemmen fik
u nħares lejk
bħalkieku qed inħares ġewwa mera?

Alfred Grech
16.04.2019

#B’apoloġija lil Rużar Briffa l-awtur ta “Tfajla Toħlomx”

Monday, 15 April 2019


Related image

Notre Dame De Paris.

Titfixkel xħin tinqabad fil-qawwa tan-nirien
trid ma temminx dak li qed tara.
Titkebbeb fl-ilużżjoni ta’ kuljum
u f’ħoġor l-aljenazzjoni.
Xħin jitfarrku l-ikoni
u dak li drajna bih
jinħass il-mejt tad-diżorjentazzjoni
u ngħidu x’waħda din
dan tarf iż-żmimijiet!
Iżda l-poplu inebrijat jistenna l-miraklu
li jiġri ta’ kulljum.
Tibżax għad nibnu Ġerusalem mill-ġdid
is-sumulakru tas-simulat.

Alfred Grech,
15/04/2019.