Monday, 9 January 2017



Il-Bieraħ Kont Narak Tassew Sabiħa.

Il-bieraħ kont narak tassew sabiħa,
Illum m’għadnix. Sirt bħal ħaddieħor.
Il-bieraħ int għalija kont misteru
Illum m’għadekx, għax drajtek.
Il-bieraħ deherli li kont naf x’irrid mingħandek
Illum ma nafx daħalli d-dubju.
Il-bieraħ kont bdejt nemmen li kont tgħidli
Illum m’għadnix għax forsi nbdilt.
Bqajna hawnhewkk it-tnejn li aħna
Fuq xatt il-parodija,
Għax nafu li jekk nagħmlu xi pass falz
Nitilfu kollox.

Alfred Grech
09/01/2017

Saturday, 7 January 2017



XII.

Dawk li twemminhom ma jinħtieġx id-difna
Iserrħu l-art mill-ġabra ta’ kull biċċa,
Tal-Ħajja u mewt, u mewt u ħajja ż-żifna
Kulħadd f’tad-dellijiet is-saltna spiċċa.

Għalhekk kull mafkar kif ukoll kull qabar,
Hu biss tifkira għal min f’dil-ħajja baqa’;
Jistrieħu dawk li llum qiegħedin fis-sabar,
Ma jiġri xejn jekk l-art u s-sema’ taqa’.

Mill-fdal, sisien tal-arkeoloġija,
Tal-eqdem żminijiet nitgħallmu l-ġrajja,
Tinbena fuqhom ħafna teorija,
B’hekk sirna nafu kif imxiet il-ħajja.

Li kieku dawk li ġew m’emmnux f’ħajja’oħra
Kitbet l-imgħddi kien ikun xort’oħra.

Alfred Grech

02/10/2011

Friday, 6 January 2017



Jekk Trid Tieqaf Tistaqsi.

Jekk trid tistaqsi tieqaf
Jekk lili ma tafnix,
Minn bejn is-sħab tittawwal,
U bqajt ma tgħarafnix.

Hekk trid issir taf lili,
Mhux trossni ġo kexxun,
U l-għelm li twaħħal fuqu,
Ikun kull kif ikun.

Miniex oġġett li tmissu,
Inkella li tpinġih,
Li tagħġnu qisu tafal
U tagħmel li trid bih.

La mmur u lanqas niġi,
La qiegħed hawn ‘qas hemm,
U tista’ tpoġġi sebgħek
U tħossni ma naf kemm.

Jien lanqas kont il-bieraħ,
U għada ma tafnix,
Jekk ftaħt għajnejk tistaqsi,
Jekk rajtni m’għaraftnix.

Lil hinn minn dak li tara,
Jew dak li jista’ jkun,
It-toqol ta’ kull ħtija
Mingħajr ma tkun mgħejjun.

Lil hinn mill-biża’ t’għada
U l-għadab tal-ħelsien,
Jekk tfittex ftit is-sewwa,
Issibni kullimkien.

Alfred Grech

06/01/2017

Thursday, 5 January 2017



105.


Min jaf, min jaf jekk jibda’ jgħid il-gawwi
Li jirgħa fuq il-mewġ ta’ baħar delli;
Min jaf jekk jista’ jiftaħ ħalqu ċ-ċinju
U jgħid kif kien it-temp tal-ewwel safra.
Min jaf ix-xemx fil-kjaroskur ta’ lejla
Kif tislet minn tal-jum ix-xrar ta’ tama,
Kemm dubbji, kemm stennija u ħolm li ntefaq
Fuq dahar ix-xorti tilgħab dil-partita.
Jispiċċa kollox, kollox jerġa’ jibda’,
Fuq din il-ġostra li tissejjaħ ħajja,
Bħal meta taqa’ l-borra u d-dalma tinżel,
U għada terġa’ titla’ x-xemx timbotta,
U terġa’ tagħti spinta ’l-dil partita
Biex terġa’ ddur darb’oħra mal-arena.

Alfred Grech

05/01/2017

Wednesday, 4 January 2017



Għad Inqumu.

Idilliku dan ngħas li nqumu minn,
U ma jkollniex iċ-ċpar ta’ fuq għajnejna,
Ix-xkiel li bih xekkluna mbagħad liġġmuna
Bil-qtar tar-ruh li trid tisfida l-beraħ,
Bibien is-sotterran u l-ħabs tal-moffa.

Ma jkunx l-irqad li jnissi l-fewġa friska,
Il-kamla li qed tgerrem bla tintebaħ,
Ma jkunx in-ngħas li għad irid ibiegħedna
Bil-ftit il-ftit miż-żelqa li niżolqu
Ġol-kjażmu tal-abbiss li qed jimmarka
Deklin ineżorabbli fl-apataija.

Ikun biss xħin dan moħħna jatrofizza,
Ġisimna bla ma nafu li sar mummja
Li ruħna trid tistejqer u trid toħroġ
Mill-gradi u ma tistax għax l-anqas ġisem
M’għandha. Imbagħad? Imbagħad ikun tard wisq.

Alfred Grech

04/01/2017

Tuesday, 3 January 2017




Imm’Aħjar Ma Niltaqgħux.

Imm’aħjar ma niltaqgħux
Għaliex ninqabdu f’xi ħolma żbaljata
U jaqbdu magħana ix-xakalli
U jaqgħu l-kwiekeb mis-sema.
Ikun aħjar li t-tnejn li aħna
Nibqgħu moħbijin fil-bosk fejn hemm moħbija
Dawk tal-vista qasira
U nibqgħu mingħalina qed indommu
Il-ħajja ta’ kuljum.
Ikun aħjar li nibqgħu mitlufin
Fir-rassa ta’ dil-merħla qed tfittex
Lill-alla tal-inkredulita’,
Fejn la hemm ferħ u lanqas niket
Fejn ma nżidu xejn mal-korollarju
Ta’ ġrajja ġa mitkuba.
Mingħajr ma naqsmu xejn mid-dwejjaq ta’ xulxin
Biex għada jkollna l-premju li wegħeduna.
Għax f’din in-nassa jiena waqajt
Bħalma waqgħu dawk ta’ qabli;
Nitlaq jien, ħaddieħor floki.

Imm’aħjar ma niltaqgħux
Għaliex jekk tassew iseħħ das-seħer
Din għad tista tkun il-ħrafa.

Alfred Grech

03/01/2017

Monday, 2 January 2017


Iżda’Aħjar Li Ma Ltqajniex.

Izd’aħjar li ma ltqajniex. . .
Kelli f’moħħi li niltaqgħu
Biex turini kemm taf tilbes,
Biex turini kif tħossha mara
Meqjusa ta’ sultana.

Kelli f’moħħi li niltaqgħu
Biex tħallini nkebbes dak il-bosk li jrid jinħaraq,
Il-munzell ħuxlief
Jistenna lil min ikebbsu.

Kelli f’moħħi li niltaqgħu,
Iżda kienet tkun oħra
Minn dawk ix-xeni teatrali
Ta’ reċtar spontanju
Kull meta ma nsibux
Il-vizzju li jnessina
Il-loppju li jraqqadna
Biex naħarbu l-mistoqsija.

Kelli f’moħħi li niltaqgħu . . .
Iżd’aħjar li ma ltqajniex.

Alfred Grech

02/01/2017