Monday, 6 February 2017



Dan Hu Traġitt.

Dan hu traġitt fid-dlam minn ponta s’oħra,
Jew taraġ illi nżiltu kemm il-darba,
Dan huwa vjaġġ li jiena qatt m’għamiltu
Dan hu diskors ta’ min ried jaħrab ħarba.

Għad jgħaddi ż-żmien u jibqa’ biss tifkira
Ta’ dan l-uġigħ, il-qtigħ il-qalb u s-saħna
Ta’ dak il-ħin fid-dell tas-simulakru,
Biex forsi nsiru nafu żgur min aħna.

Min aħna ma nafux! x’għallmuna nafu,
X’għallmuna biex fin-niċċa nsibu postna,
Għall-ordni nobdu qisna nagħaġ fil-merħla,
Ninġarru mill-kurrent kull min ġie fostna.

Alfred Grech

06/02/2017

Sunday, 5 February 2017



Għalhekk Dil-qalb Ma Tista’ Tħobb Qatt Aktar.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għaliex iġġorr it-toqol tal-valiġġi
Ta’ vjaġġatur li kull ma jmur jitbiegħed
Mill-ħsejjes ta’ kulljum imprevedibbli.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għax għadha ġġorr l-imgħoddi fuq spallejjha
Għax l-imħabbiet ta’ qabel kienu vojta,
Għax dak li deher sabih u trasparenti
Ftit wara deher li ma kien xejn ħlief żlieġa.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għaliex il-biża kbir li tista’ tfalli,
U tidħol fil-binarji tar-rutina
Li tifga l-ġenju, u s-seħer tas-sorpriża.

Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Inħarqet kemm il-darba fuq gradilja
U kienet kemm il-darba hi stess il-vittma
Ta’ twemminha. tal-ħares stess li ħolqot.


Għalhekk dil-qalb ma tista’ tħobb qatt aktar,
Għaliex l-aljenazzjoni qed tnessiha,
Għaliex m'obdietx is-sejħa tas-sibilla,
Għaliex l-għannej infexx fil-melodija
Biex jisma’ s-skiet tal-infinit u l-ħemda.


Alfred Grech
05/02/2017


Saturday, 4 February 2017



Għax Jista’ Jkun.

Għax jista’ jkun li ħadt għalik xħin tlaqt bla ma sellimtlek,
Inkella għax ma żammejtyx l-appuntament li kellna.
Kun af li dħalt fis-saltna tas-silenzji,
Fejn post ma hemm għal ħadd, ħlief għal min jaħfer.
Int sirt dik l-emozzjoni li mank tħossha,
Li dak li jkun irid bil fors juriha,
Bħal meta tmur xi funeral u s-sogħoba li tkun qed turi
Mhuwiex tassew li tkun qed tħossha.
U jista’ jkun li hekk aħjar,
Għax jekk ma tafx fejn inti sejra,
Tintilef ma tistax.
Bħal dik id-dagħjjsa ta’ bla qlugħ u ta’ bla mqadef.
In-nawfragat ikun ser jagħmel xi skoperta.
Waqt li kont miexi f’dawn it-toroq intriganti
Ħassejt mill-ġdid ir-riħa tat-tfulija
Jidhirli wkoll x’imkien bdejt nisma’ leħnek
U ntbaħt li l-innoċenza qiegħeda tħares
Mill-kwadru ta’ kull tieqa.
Staqsejtni jien x’qed nagħmel!
Jien mhu qed nagħmel xejn li hu ta’ fejda,
Xtaqt nagħmel dak l’għalih mhux ser nitħallas,
Għax issa l-waqt. Għax issa kull ma għandi.

Alfred Grech

04/02/2017

Friday, 3 February 2017



Twelidna Lkoll Ilsiera.

Twelidna lkoll ilsiera
U nieħdu ħafna żmien
Sabiex ix-xibka nqattgħu
Li ddawwar kullimkien.

Ix-xibka tifrex ħafna
U b’morsa tal-ħadid,
Ixxekkel moħħ kull wieħed
U tobdi bla ma trid.

Biex toħroġ minn ġo morsa
Ta’ ħafna liġijiet,
Tat-taxxi u tal-morali,
U ħafna ħmerijiet.

Biex tibda taħseb b’moħħok,
U tagħmel affarik,
Tgħidx kemm trid taħraq andar,
U l-għejja tagħmel bik.

Biex tibda taħseb b’moħħok,
Tkun taf il-verita’,
Ma tkunx il-perċezzjoni
Li ttik is-sigurta’.

Ta’ kliem imqit u żibel,
Tgħajjir u tfih ta’ tajn,
Il-wirt ta’ min jaħkimna,
Biex nagħmlu bħall-oħrajn.

Sakemm għad hemm il-ħajja,
U għadna mal-ħajjin,
Ħa nidhru nagħmlu bħalhom
Ħa nibqgħu magħfusin.

Alfred Grech
03/02/2017




Il-Lejla Rġajt Ma Ġejtx Infittxek.

Il-Lejla rġajt ma ġejtx infittxek
Taħt il-fanal tal-katuniera,
Fid-daħla tal-isqaq mudlam
Li jagħti għal ġol baħħ ta’ ruh qed tfittex
Il-bandla tagħha.

Il-lejla ma ssammajtx għaż-żiffa għaddejja
Minn taħt it-tieqa tħabbar l-agunija,
Iż-żiffa ġejja, ġejja u qatt ma tasal;
Għaliex għalkemm għal ftit,
Sbuħitek tibqa’ għall dejjem.

Il-lejla jien stajt qbadt ma waħda ġdida,
U qagħadt ninnamra magħhha bla ma nindem,
Mingħajr biss ma tintebaħ fejn kont qiegħed.
Għax inti minn għalik li qiegħed hawn
Li noqgħod nistenniek taħt din it-tieqa.
Imm’issa naf li f’ħin jew f’ieħor int tintebaħ
Li dan mhuwiex ħlief ħabs ta’ ruh marida.
Min fejn xi daba rridu t-tnejn noħorġu.
U dak ikun iż-żmien li inti l-inqas
Tkun tistennieni. . .
Imbagħad tkun dik tassew il-melodija
Li rrid ngħannilek.

Alfred Grech

03/02/2017 

Thursday, 2 February 2017



Mhuwiex Għax Ma Nħobbokx.

Mhuwiex għax ma nħobbok, li rġajt ġejt lura,
Mhuwiex għaliex b’għemilek ħadt għalija,
Iżd’hu għaliex hekk f’daqqa waħda ntbaħt li konna
Dieħlin it-tnejn bħal ferrovija ġewwa mina,
Jew sqaq mudlam li fih jien kont il-darba,
Weħilna fil-binarju
Tal-ħajja ta’ kuljum u tar-rutina.

M’hemm xejn daqshekk li huwa soffokanti
Għalija, kull xħin nintebaħ, illi għada
Se nerġa’ nqum filgħodu u nerġa’ nagħmel
Kull pass l’għamilt illum l-għamilt il-bieraħ.

U x’minn daqqiet, nixtieq il-faraġ tiegħek
Migħajr ma mmissek.

Alfred Grech

02/0202017

Wednesday, 1 February 2017



Jekk Din Mijiex Ħlief Passeġġjata.

Jekk din mhijiex ħlief passeġġjata
Dan jista’ jkun il-vjaġġ tan-nostalġia,
Jekk mhuwa xejn ma jimpurtax
Inkun qed ngħaddi ż-żmien bħal ħafna drabi.
Inkun qtajt il-biljett biex nibqa’ barra.
Dan hu pajżaġġ idilliku fi ħrafa
Li nafu sew u fiħ trabbejt sa mit-tfulija.
Din hi veduta li tgħallimt u li għajnejja
Jistrieħu fuqha.
It-tqanqiliet taż-żiffa mill-grigal
Iqajjmu freneżija,
Nixtieq nibgħatlek bewsa fuq kull mewġa
Imm’inti tibqa’ hemm bla ma tifhimni.
Dal-ħsejjes huma ħsejjes li tant drajthom
Tal-qniepen qed isejjħu lill-fidili.
U jekk qed tistqsini jien min jiena.
Ma jiena xejn, irrid li noqgħod hawn bi kwieti . . .

Imbagħad bdiet nieżla x-xita u sfratta kollox.

Alfred Grech

31/01/2016