X’int Tagħmel Raġel Waħdek?
X’int tagħmel
raġel waħdek.
Imdejjaq u
ħosbien,
Imdawwar b’hafna
nsetti
Ser jieklok
id-dubbien.
X’int tagħmel
raġel waħdek,
Mismut u tħares
fiss,
Intbaħt li
ż-żmien qed jagħfas
U xjaħt inkiss
inkiss?
U sibt li
l-għasfur għosfor
Xħin ftaħt idejk
fl-imrar,
Il-bejta kienet
tajjret,
l-għasfur kien
tar u mar.
X’int tagħmel
raġel waħdek
F’dal-lejl mudlam
u mqit,
Jaqaw ser tgħodd
il-kwiekeb
U tkejjel
l-infinit?
Intbaħt li x’xoqqa
f’moxta
Tiġik u ma terġax?
Iż-żmien trid
treġġa’ lura
‘mma lura ma
jerġax.
X’int tagħmel
raġel waħdek
Fuq xifer dan
l-irdum,
Qed taħseb x’jiġi
wara
Dil-ħolma li se
ddum?
Jiena l-poeta t’għada,
Nistqarr fuq dak
li rajt,
Nistenna li se
nara
Kitbieti fuq
il-ħajt.
Jiena l-poeta t’għada,
Nixtarr u ngħożż
iż-żmien,
Id-dellijiet li
jgħaddu
l-ilwien ta’
kullimkien.
U nisraq
mill-qawsalla,
Kull lewn li
jagħmel sens,
Biex nerġa’
npinġi dinja
Tal-ħlewwa, serħ
u wens.
Il-bogħod mill
ġlied u l-gwerer,
Mibgħeda jew
tnassis,
Il-kruha
tat-tpattija,
Skonġura jew
tqasqis.
Alfred Grech.
03/08/2017
No comments:
Post a Comment