Wednesday, 23 August 2017



Sibilla.

Fejn inti ja sibilla tal-misteri,
Li tiġi kull xġin trid mingħajr ma tħabbat
Fid-dlam tal-isqaqien, f’widnejja ssefsef
L-għejbien tad-dellijiet ġo ħoġor l-għabex.
Fejn int? Għax xħin infittxek tmur tistaħba
U toqgħod tilgħab miegħi mistoħbija,
Sakemm jien stess nintebaħ li fid-dalma
Hemm mewġ li ma jmewwiġx u hemm il-ħemda.
Jien naf insibek tilgħab qalb il-friegħi,
Mat-ton taż-żiffa riħ f’nofs dan il-wileġ
Imjassar fl-għera mqaċċta li taf tiżra’
Busbies, ħaxix ħażin, malinkonija.
U ma jkun ġara xejn jekk lanqas nasal
Sal-ogħla xifer mnejn intawwal ħarsti
Fuq xefaq jgħib fid-dlam ta sema jnewwaħ
Innu ta’ skiet li jidwi fl-għabex minsi.
Jien nistaqsik hux dan is-sehem li wiegħdtni
U ma niddubitax li għad xi darba
Int tgħidli: ħlejt iż-żmien! imm’ibqa’ fittex,
Sakemm issib l-għanjiet fi ktieb il-ġrajja.

Alfred Grech

23/08/2017

No comments:

Post a Comment