31 ta’ Marzu.
Doċli, mansa u tissubixxi
Id-daqqiet tal-frosta,
Ħekk sirt ikkalpestata
F’idejn l-manigoldi ta’ bla qalb.
Għax issa drajtu s-swat
U l-istupru pperpetwat
U leħen ma baqgħalekx sabiex titniegħed
Għax min iweġġek għandu l-flus
U joffrik fuq il-mitbaħ tad-debħa
U l-għassies li għażilna biex iħarsuk
Kienu ġifa u bla sinsla
Jew konna aħna li ħsibniehom
l-invinċibbli.
Issa mhux aktar tibqa’ tfakkar l-ħelsien tiegħek
Mill-barrani O Malta tiegħi
Iżda mill-madmad tal-ħajjiena ta’ġewwa
Li għasruk u serqulek dik li huwa l-aktar għani għalik,
Ġmielek, serħek u sliemek.
Illum u f’dan il-jum mhux aktar
Il-ħelsien li konna nafu
Trid tfakkar
Iżda ddoqq il-qnienen tal-kampnari
Biex kulħadd iqum min-ngħas
U tibda l-gwerra tal-ħelsien
Mill-għadu ġewwieni li issa daħal taħt il-ġilda.
Alfred Grech
31/03/2020.