Wednesday 10 May 2017



Kien Hemm Żmien.

Kien hemm żmien li niftakar u nirgħex,
Kien hemm żmien li waqqgħajtni għaċ-ċajt,
Daqqiet oħra li jdoqqu f’widnejja
U li tgħidli jirbombja mal-ħajt.

Kienh hemm żmien  illi xtaqtek kont ħdejja,
Kien hemm żmien bdejt nistaqsi għalfejn?
Għax dak kliemek jirbombja f’widnejja
Kull ma  tgħidli u ma nkun nifhem xejn.

Kien hemm żmien li rrid ngħaddi mingħajrek,
Kien hemm żmien li kont naħseb biss fik,
U xi drabi nistaqsi dak kollu
Ma jiswiex għax, arak, ħadd għalik.

Kien hemm żmien il-ħin kollu fuq moħħi,
Kien hemm żmien bdejt nistaqsi kontx jien,
Illi xtaqtek daqshekk li ċempiltli,
Iżda waħdi bqajt hawn għax għażżien.

Kien hemm żmien li ridt noqgħod imbiegħed,
Kien hemm żmien li fittixtek fid-dlam,
Imbagħad xtaqt illi tiġri xi ħaġa
U jinbidel li skript ta’ dad-dramm.

Daqqiet oħra kont mimli bil-ħajra
Kien hemm drabi staqsejt: dan għalfejn?
Inti temmen fl-imħabba li tibqa’,
U xi tkun din l-imħabba bejn tnejn?

Alfred Grech

120/05/2017

No comments:

Post a Comment