Saturday 30 September 2017



Int Trid Li Tisseduċi r-Riħ.

Int trid li tisseduċi r-riħ
U nterġa’ tiġi f’ħoġri.
Inkella toqgħod tifqa’ l-bżieżaq
Imdendla bl-arja
Bħal bews li ma jidhirx
Tnehid fid-dlam tal-lejl
Merfugħ fuq nifs il-karba.
Imbagħad malajr jinfaqgħu f’wiċċna
Kull ħolma tal-kartun
Qabel naqsmu għan-naħħa l-oħra
Tal-ġejjieni mhux magħruf
Magħdud ma dak li ġara.
Bħal-ħolm li ħlomna ta’ tfal żgħar
Inċerti u trasparenti,
Bħal-bżieżaq tas-sapun
Intiru ferħanin fl-ispazju.

Alfred Grech

29/09/2017

Friday 29 September 2017



Tgħix Il-Gidba

Hekk hija l-gidba għal min jgħix biss l-udjenza,
Fl-irtokk imħejji mill-illużjonista,
Għaliex, jekk għada tqum u tiġi f’tiegħek,
Tistaqsi  u tgħid min hu l-ekwilibrista.

Tixtieq tassew li għad tistenbaħ darba,
U taf tassew x’inhi l-aħbar krudila,
Issib li tkun bogħod sew minn dak li ġara,
U min iddobba bik għax kont fidila.

Hu eħfef għass-saħħar li jbiegħ is-sħaħar
Għar-rdoss minnflok ma tagħraf l-illujoni,
Biex hekk li jġri jibqa’ biss misteru,
U  ħadd ma jistra’ jiġbed konklujoni.

Alfred Grech
29/09/2017


Thursday 28 September 2017




Nistaqsu.

Nistaqsu lilna nfusna x’qiegħdin ngħidu
bħalkieku qiegħedin nieħdu wkoll xi droga.
Nistaqsu lilkom intom x’qiegħedin tpinġu;
taħżiż mal-ħajt bla ħlewwa u bla tifsira.

Jekk nafu aħna stess tassew x’qed ngħidu
tistaqsuniex mnejn ġiet din it-tilwima.
Jekk bqajtu bla ma wrejtu biss tqanqila
ma fhimtu xejn minn dak li qiegħedin ngħidu.

Akfred Grech

28/09/2017

Tuesday 26 September 2017




Inti Li Sikwit Tmur.

Inti li sikwit tmur, tillarga u tfittex
kemm huwa tassew wiesa’ wiċċ il-baħar.
Inti li għad trid tirkeb fuq dal-mirkeb
u miegħi tiġi tfittex dinja ġdida,
inkella biex tistagħad għal klieb il-baħar,
ħalli mbagħad tkun taf tassew
kemm huwa folt il-mant taċ-ċpar
li qed jagħmmadna.
Imbagħad insibu li m’hemm xejn li huwa tqil daqshekk
bħal ħsieb li qed jkiddek,
jew xi  misteru kbir daqshekk
li mħabba fih ma ninbtebħux
bil-qroll ta’ qiegħ il-baħar.
Inti, li tħobb tistagħad għalija
għad lanqas tibqa’ tagħti kasi
xħin tisma’ minn ġo ruħi ħierġa
il-karba universali.
Sadanittant inkun intlif x’imkien għax qbadt liwja oħra.

Alfred Grech

26.09/2016.  

Monday 25 September 2017


L-Isfidi Ta’ Kull Waqt.

Tħallix li dit-tellieqqa
fit-tul ma tispiċċax,
inkella ’r-riħ iġorrok,
u l-mira ma tarax.

Taħallix li dan ir-ritmu,
ir-rimu li ma bdejtx,
jifnik, jaqtagtħlek nifsek,
bqajt l-art, jew bqajt m’għaddejtx .

Tħallix li kliem ħadieħor
jagħmmadlek dawl għajnejk,
jilwilek il-mogħodija
u lura għa; fejn ħallejt.

Iżd’ieqaf ftit u ftakar
min int u min fejn tlaqt,
id-dlam ta’ ’l-ħorox
Għax jisbaħ għad, dalwaqt.

Alfred Grech

25/09/2017.


Ma Nafx Għaliex Qerd nikteb.

Ma nafx għaliex qed nikteb
Ma nafx li ġej min fejn,
Bħal meta fiss fil-mera
Inħarees, ma rajt xejn!

Kull nhar ta’ ħadd filgħodu
Nitgeddes mal-bnedmin
Nitqaddsu u nerġgħu lura
Kif konna magħrufin.

Inxomm ix-xbieha tiegħek
U noqgħod ngħożż fis-skiet
Il-fwejjaħ u l-burdati
Ta’ ħafna tifkiriet.

Imbagħad irrid infittex
Imqar sekonda żmien,
Biex nerġa’ nilmaħ wiċek
U kollox għall-li kien.

Il-weraq tal-ħarifa
Jiftakru kliem sabiħ,
Jitferrex ma kull żiffa
Jew xi buffura rih.

Alfred Grech

25/0/2017  

Sunday 24 September 2017



Ħallieħ  Idum dal-Lejl.

Ħallieħ idum dal-lejl biex qatt ma jiżbaħ
li jieħdok ġo l-abbissi oriġinarji,
fil-firmament tad-dlam u  tal-mistħija
fejn għad hemm jgħammru ħlejjaq primordjali.
Ħallieħ ħa jieħdok ’l-hemm minn dak li jidher
biex tista’ tagħraf aktar u titħallat
mad-dellijiet, uħux u mal-iħirsa
u terġa’ tqum mil-ġdid fl-indifferenza,
moħbija ġo l- rkejjen u fl-irwiewaħ
ta’ djar minsija jarmu l-ħabi tagħhom,
fejn tisma’ ta’ xi barbaġann twerżieqa.
Għaliex mal-lejl titgħallem ħafna xorti
il-bogħod mill ilħna jgħajjtu ta’ filgħodu.
Fis-skiet għad tista’ tisma’ lilek stess titkellem,
ir-ritmi ċelestjali t’ qalb tħabbat,
fiż-żifna planetarja tal- enimmi,
u l-miġja trifonanti ta’ min falla.
Il-bogħod mill-kliem bla bżonn u l-iħna jagħajjtu
ta’ suq li jrid jgħallimna x’għandna ngħidu
ta’ min irid jurina x’għandna nagħmlu.

Alfred Grech

24/09/2017

Saturday 23 September 2017



Issa Li l-Baħar Qabeż.

Issa lil-baħar qabeż u skonfina x-xifer tiegħu
U inti lbist l-ilbies ta’ filgħaxija,
Teħilli fuq xofftejja x-xewqa tiegħek
U l-kelma biex infisser kemm inħobbok.

Issa li l-ħolm infexx fl-indifferenza
Ta’ riġment nemel megħedi ipassi puċissjoni,
Jien sibtni stamb interraq bla viżjoni,
U nilgħab logħoba karti fuq xortija,
U nogħola ’l-fuq bil-ġwienaħ eżoteriċi
Iperpru u jolqtu versi ta’ bla rima
Għal għonq it-triq assurda tal-poeti
Lilhinn minn mkull tragward irripetibbli.
Dan kollu, biex mingħalija għad jinfetħu
Bibien il-ħajja.

Jien bħalhom bqajt inwieżen sentimenti
Ta ġifa u ta’ djufija.
Imqar issa, li l-aħħar verġni vestali
Bdiet tinża’  hija wkoll u tkisser
Il-fdal li baqa’mis-suppervja tal-allat.
Imbagħad arani ġej fil-bejta tiegħek
Noffrilek żbula.


Alfred Grech 23/09/2017

Friday 22 September 2017



Jien Nibqa’ Mqajjem.

Jekk tibqa’ ma tiġix ngħid li ma ġejtx.
Jekk noqgħoid nistenniek int lanqas tiġi.
Jien xorta nibqa’ mqajjem ngħarrex għal xi kewkba
Li mhix bħall-bqija.
Inkella jekk il-qamar jitbissimli
Ma ngħidx li ħlomt u nista’ nibqa’ nemmen.
Indawwar il-parabola biex nifhem
Minn fejn tkun ġejja t-trasmissjoni,
Jew nibqa’ mqajjem ngħodd iż-żibeġ,
u ntenni mantra ġdida li tnessini
Li darba kont qaddis.
Int qajla tħobb  titfaċċa għall-għarrieda,
Wisq inqas tħobb li jiġi fil-pakketti
Inkella f’xi kontenitur tal-plastik.
Imbagħad intbaħt li lanqas jista’ jkolli
Lilek, għax inti kont qiegħda hawn minn qabel.

Alfred Grech

22/09/2017

Wednesday 20 September 2017


F’Jum l-Indipoendenza.

Tkun biċċa mis-sistema
biex tidħol fl-ingranaġġ,
imqar jekk jisbaħ l-għada
se ssibek fl-iżvantaġġ.

Sistema din bankarja,
fejn hemm biss kapital,
mhux aktar flusek tiegħek
sirt debħa fuq l-artal.

Għax issa wkoll qed jgħidu
biex għad inneħħu l-flus
u kollox diġitali,
iċ-ċirku jsir vizzjus.

U jekk tassew kif jgħidu
li għad ineħħu l-flus
nibdew bil-melħ inħallsu,
negozju vantaġġjus.

U nidħlu ġewwa n-nassa,
bla taf tkun sirt ilsir,
ta’ din l-id mistoħbija,
jekk taħseb: tat-twerwir.

U ħadd mhu qed jitniffes
megħedija f’teatrin,
f’din l-art tal-affluwenza
bla nafu fejn sejrin.

L-Istat qed jaħseb f’kollox,
jipprovdi kull ma trid,
imqarr kif taħseb jagħllmek,
u jbiegħedek mit-taħwid.

U l-makna tibqa tqarmeċ,
tirrombla fuq kullħadd,
id-dras ikomplu jagħffġu
u mhu jintebaħ ħadd.

Alfred Grech
Juml-Indipendenza 2017





F’Ħoġrok.

Aħna li noqgħodu ngħoddu l-kwiekeb
u b’subgħajna mmissu l-qamar
ridna naħtfu mqarr ponn riħ mingħajr ma  ebda dazju
sakemm sellfuna l-ġwienaħ u stajna ntiru
Jien xtaqtek tara li kont nara jien,
imqarr minn ġo r-rewwieħa tat-torri tal-ivorju
fejn kont mistoħbi jekk mhux ikkastigat.
Int forsi ntbaħt ukoll li mqarr bla ġwienaħ
kont naf intir ’l-fuq mill-eqreb xifer
’l-fuq mill-konswetudni.
Ma kontx inlaħħaq żgur mal-isqra,
jew nilgħab  l-istess logħoba tal-gawwi f’maltempata,
iżda xorta stajt nittajjar u ntajjar lilek miegħi.
U jekk għad terġa’ toħlom u ssejjaħli,
jien għandi mnejn nispiċċa naqa’ f’ħoġrok
daqskieku għasfur mejjet.

Alfred Grech

20/09/2017 


Nanna Kola.

Fl-għabex titbiel u tistrieħ
Bil-kurżitajiet kollha li ltaqgħet magħom,
Bħal warda li qatgħet jiesa’
Li xi darba għad tista’ tkun
Turija tal-imħabba.imbagħad bħal għama ġralha
Titwieżen min jaf kif, sabiex issib triqtha.
Tiċċassa bħal vażun tal-ward imbellħa bli qd tara
Storduta bil-ħsejjes ta’ madwartha.
Hi riedet tkun ukoll ċara u trasparent
Daqs is-sebħ ta’ xemx tispunta wara x-xefaq.
Daqs il-ward tal-ġonna l-fwieħa tagħha
Li terħi ma kull nifs li tieħu
Metronomu ta’ sidirha tiela’ u nieżel.
Trid tinfed ma kull daqqa t’għajn t’għajnejjha
Sew jekk tiffissa lejk sew jekk la ġenba.
Leħinha bħal min jgħajjat f’nofs ta’ lejl
Imwieher bil-ħolm ikraħ jew xi ħmar il-lejl jipparalia.
Hekk hi ġrajjietha sabiex dan l-univers
Ikun kompltu minn kollox.

Alfred Grech

20/09/2017

Tuesday 19 September 2017


Il-Bogħod Tinsab.

Il-bogħod, il-bogħod tinsab
Il bogħod li ma tkejjlux
U jien hawnhekk nistħajjel
Miżien li ma tmejjlux.
Irrid immur lilhinn
Biex nerġa’ niġi lura
U nħossni ħaġa waħda
Mal-folla hawn miġbura.
Biex nibda nifhem sewwa
Il-bogħod x’hemm minn lilhinn
Insir naf xi trid minni
Xħin tfassal xi disinn.
Imbagħad f’dil-ħemda kollha
Fil-baħħ u d-dlam tal-lejl
Imqar jekk issejjaħli
Bejnietna hemm bogħod bla kejl.
Jekk tibqa’ tħares lejja
U bqajt ma tagħrafnix
Imqarr jekk ilek tafni
Minn dawk ma tagħżilnix.
Jien mhux se nkun qatt aktar
l-eroj tal-gran ritorn
Inkun biss mas-suldati
Mingħajr id-daqq bil-ħorn.
Indum ma nsib ir-ritmu
Infittex kont fis-skiet
Biex nara nsibx tweġiba.
Għal dal-mistoqsijiet.


19/09/2017

Monday 18 September 2017




Warajk.

Kont naħseb li warajk
Jistenna joqgħod kollox.
Jintilef f’tarf id-dlam
U kollox ħorrox borrox.

Kont naħseb li warajk
Hemm biss is-solitudni.
Hemm l-abjad hemm l-iskur
Mitluf fil-multitudni.

Warajk ma kien hemm xejn,
Kien hemm is-sens ta’ sogħoba
Għal dak li stajt ħallejt
Bla nilgħab din il-logħoba.

Kien hemm, u bir-raġun,
Kien hemm is-sens ta’ ħtija,
Għax missni naf aħjar
U naqdef mhux mal-bqija.

Alfred Grech

18/09/2017

Sunday 17 September 2017






Canto.
Jiena sirt il-vulnerabbli, sirt fidil bdejt nemmen fik,
Għax bdejt nemmen li mingħajrek, ma jien xejn, ridt ngħix għalik.
Issa sirt bħal tifel ċkejken nemmen biss dak li tgħid int,
jew li kollox jista’ jiġri u l-ġejjieni sar distint.
Għandi s-saħħa għax bdejt nemmen u bdejt nemmen biex nistrieħ
fuq kull kelma li tgħdi inti b’hekk il jum malajr nimlih.
Inkun eqreb illi nemmen għaliex nibda’ jien mill-ġdid
għax it-tajjeb tista’ tiżnu qabel  ‘mma l-ħażin tqil bħal ħadid.
Nirkeb mewġa, nirkeb oħra fuq il-ponot tas-subgħajn
biex bħal dejjem din il-ġrajja trid tispiċċa bħall-oħrajn.
Sibna ruħna fuq dix-xtajta sema mdallam bil-kubrit,
ngħannu l-għanja tal-gawwija, issa wkoll qtajieh l-aptit.
Bħall-injam li wara l-għarqa jitla’ waħdu jgħum fil-wiċċ,
tal-irjieħ konna aħna l-priża bdew jarmuna bil-kapriċċ.
Biex inkebbsu għall-darb’oħra fjamma żgħira ta’ musbieħ,
fjamma zgħira tal-imħabba li ma tmutx bl-infieħ tar-riħ.
Biex b’hekk tħeġġeġ il-qlub tagħna, biex b’hekk ngħerequ fl-infinit
qabel nerġgħu għal-darb’oħra nibku dad-destin imqit.
U fuq xfar għajnejk il-lejla qed tħawwadhom ma xulxin
ħolma waħda wara l-oħra bħal mazz karti mifruxin.
Trid tistaqsi fejn wasalna, trid taqsi int min int,
fejn il-ħajja tkun wasslitek qalb l-iħirsa jgħaddu sbrixx.
Jew li spalla tħokk ma spalla ħsibt li kollox jgħaddi lixx
li ħallewlek l-illużżjoni dak li qsamt matul il-jum
jew li kienu parti minnhek tarmi li trid mnn fuq ll-irdum.
F’din i-sirda tal-lejl ħiemed, għaraq mielaħ, umdita’,
Tixtieq tgħix u tgħix għal dejjem tixtieq tgħix l-eternita’,
bla taħseb  jew tistenna kif it-tmiem għad jista’ jkun,
qabel jinżel is-siparju, ġenju joħrġ mill-flixkun.
Twissijiwt bit-toqol tagħhom tara l-kitba fuq il-ħajt
jekk min hawn trid darba toħroġ sibt li sirt bħat-tafl  erġajt.

Alfred Grech
17/09/2017



Saturday 16 September 2017



Xi Jkun?

Xi  jkun dak li tibda tara dak li taħseb ma tarax,
Jiġi  f’moħħok li trid temmen li qed tgħix ir-realta’.
X’inhu il-ħolm li dejjem toħlom bla ma tista’ tmiss b’idejk
T ħoss li dak tassew it-tajjeb u trid turi lealta’.

Tkompli ssegwi l-ħolm li toħlom tonfoħ bżieżaq tas-sapun
Taf li tard inkella kmieni se ssib ruħħek bħal mislub.
Għax din mhix  ħlief skuża fjakka biex tinħeba wara l-ħajt
Bla ma tħejji għal kull sfida li għad tiġi bil-maqlub.

Trid tikklikkja fuq iċ-chat link biex titkellem ma xi ħadd
Lanqas taf minn naħħa l-oħra min tassew jirrispondik.
Moħħok timla’ b’ħafna flieles ta’ li jista’ jkun sabiħ
U mbagħad tasal biex tiskopri li xi ħadd kien daħaq bik.

Hux tal-ħsieb jew hux tax-xewqa li jġiegħeluk ittella’ sur,
Dak li tgħid inkella tagħmel mhuw in-nassa biss tal-ħsieb,
Jew dak l’hu bħal dak li kieku jew li hu jew seta’ kien,
Għaliex minnu xejn ma baqa’, landa żibel wara l-bieb.

Tiġi s-sensazzjoni tgħix aħjar jekk titla’ ‘l-fuq mis-sħab
Jew inkella tgħix f’did-dinja bla ma tmiss saqajk mal-art.
Issib ruħħek jgħidu x’jgħidu ma trid tieħu qatt għalik;
Jekk ħażin inkella tajjeb jagħmlu x’jagħmlu tqisu skart.

Toqgħod waħdek f’tarf ix-xtajta: sliem għalik kull min għaddej,
Tgħarrex waħdek bħalma l-gawwi ma jirgħax fuq baħar skur,
Biex mal-mewġ tinġarr kull xniegħa li semagħha minn fejn ġej,
Biex ġo fik int tibqa’ tross  bħal kaldarun li qed ifur.

U hekk ilsir insir bħal qabel ta’ dak kollu li ħallejt,
Tal-kliem sieber, tal-kliem fieraħ, ta’ ftaħir biex ngħaddi ż-żmien.
Narrattiva ta’ binarji maħlulin mill-Jien sfrenat,
Biex hekk naħrab minni nnifsi u nista’ ninsa’ jien min jien.

Alfred Grech.

16/09/2017

Friday 15 September 2017




Nixtieq li Ngħix il-Ħajja.
Ippruvajt nikkopja ’l-bieraħ
Meta l-bieraħ għadda u mar,
Waqt li naħseb x’se jkun l-għada
Iżda l-għada qatt ma sar.

Jien nixtieq li ngħix il-ħajja
‘Mma kif ngħix qatt ma staqsejt,
Jiena xtaqt li ngħix il-ħajja
U għadni nagħqad dawra mejt.

Jiena xtaqt li ngħix il-ħajja
Ta’ bla saqaf, vagabond,
’Ma fuq dari lewn il-kwiekeb
U tal-qamar jiddi tond.

Jiena xtatq li ngħix il-ħajja,
U xtaqt ngħixha jien bħan-nies,
Imma qatt , ma wieħed jista’
Jinsa’ ’l-bieraħ, jgħix bla qies.

Jien nixtieq li ngħix il-ħajja
Li m’għexthiex, u dan hu fatt,
Nibqa’ ngħix u nibqa’ sejjer
Qisni ngħix u ma mmut qatt.

Alfred Grech

15/09/2017

Thursday 14 September 2017


Għaliex.
Għaliex qed tinnaviga f’dawn l-inħawi
fejn dejjem kont  maħkum
mill-ġibda tas-sireni, fejn kont in-nawfragat għal kemm il-darba?
Għalfejn qiegħed issalpa
hawnhekk f’dal baħar baxx, hawnhekk fejn hawn l-iskolji,
fejn hawn il-fdal tal-għarqa fil-wiċċ jgħumu?
Int is-sibilla li tbassar il ġejjieni.
Int is-sirena tal-għanjiet alluċinanti.
Inti l-kewkba tal-punent li magħha kont nimmarka.
Int kont in-nida fuq il-weraq tirrifletti
it-trasparenza.
Għaliex erġajt fil-maqdes biex tirxoxta
It-tifkiriet li għad m’għandekx
biex titla ‘l-fuq mir-rwejjaħ tar-riħana
jew tal-inċens jekk dejjem kont id-debħa?
Għax bdejt kapitlu ġdid jek taf
li t-tmiem jimmarka l-ġrajja?

Alfred Grech

14/07/2017

Wednesday 13 September 2017




132.

Aktarx għax kien ir-riħ li ħsibijieti
Bdew jitferrxu, u l-għana tas-sireni
Beda jbatti mat-tinwieħ tal-urieżaq.
U kif nisimgħek tridni b’dawn il-ħsejjes
Ta’ moħħ li qed igedwed il-ħin kollu,
Tal-Jien li qed ifittex il-jedd tiegħu?
Kif trid nisimgħek jien, jekk mhux  fit-tebqa
Tal-ħemda tisgħar l-umdita’ tal-lejla.
Kif trid nisimgħek jien jekk qed nittarrax
Bl-inkwinament tal-ħsejjes tal-inġenji
Li ħallfu li jeqirdu ta’ dil-ġżira
Kull ftit art, li bagħet bla mittiefsa.
Kif tridni li nisimgħek jekk jien baħalhom
Bdejt nemmen kull ma ġew biex ibellgħulna.

Alfred Grech

13/09/2017

Tuesday 12 September 2017



XXVIII.

Miġbud minn saħħa kbira jien ħassejtni,
Qawwa li ma nifhimx u lanqas nara.
Imqarr li ġejja minnek jekk ħabbejtni
Bħal-ħuta kont, miġbuda mis-sunnara.

Għaliex ukoll f’nofs l-aqwa tat-taqbida,
F’sikkti ma konts, u ridt inċedi l-armi.
Sibtni aħjar, il-barra mit-taħawida.
Kullma ħaqqaqt, mit-tieqa kelli narmi.

Ma nafx min kien, jidhirli ġie u qalli
Li kull ma kien, u kull ma sal-lum ġara,
Hu sagusant u ċar daqs il-kristalli,
Hu l-isbaħ ġrajja. Jgħaddi ż-żmien, tindara.

Fil-beraħ tal-għelieqi l-ħolm ħarrabni
Xħin l-ajru kien bukkat, żvoga u xarrabni.

Alfred Grech
30/10/2010


Monday 11 September 2017



Ma Nafx Għaliex Tarani.

Ma nafx għaliex tarani trid ninbidel
U tgħid li jiena bqajt kif kont u qatt ma nbdilt.
Għax jien ninbidel ta’ kulljum u nibdel fehmti
Mill-lum għal-għada.
Għalhekk ma nafx għaliex qed tgħid
Li jien qatt ma ninbidel.

Int issa tgħid li lili lanqas tifhem,
Għax jiena sirt gwardjan tas-solitudni,
U bnejt ħajt għoli ħafna mingħajr twieqi,
Mingħajt bibien, u barra lanqas noħroġ.

Jien qatt ma kelli ħajra illi nbdel
Lil xi ħadd u lanqas lilek,
U jisgħobija ferm narak inbdilt
U ta’ kull darba li staqsejt xi trid mingħandi
Bqajt ma fhimtekx
U ħallejtek tinfexx fl-istinti primittivi
U seduzzjoni.

Alfred Grech
11/09/2017


Sunday 10 September 2017



U Lilek Fejn Immur Infittxek?

U lilek fejn immur infittxek?
Li mhux għaliex għajnejk għandhom mil-lewn tal-qamar
xufftejk tal-bronza li jrażżmu l-qawwa kollha
bil-qilla tal-ilsiera
jien ma nsibx tarf.

U lilek fejn immur infittxek?
Fi żmien xħin il-ħarifa titla’ tixxabbat
mal-ħitan tas-sejjieħ
qabel isir tard wisq li qalbi nerġa’ nberraħ.

Jien ngħannqek bit-tgħannieqa
li ddawwar l-univers
u tfittex il-konfini ta’ sema dejjem jikber.

Jien ngħannqek waqt li mxekkel
fl-arena fejn jiġġieldu l-gladjaturi.
U ngħix għax qed tgħix int u naf li fija tagħraf
dak kollu li jeżisti.

Alfred Grech

10/09/2017

Saturday 9 September 2017



Jien Ma Baqgħalix.

Jien ma baqgħalix saħħa nikteb strof’ oħra minn dil-poeżija.
Jien ma baqgħalix il-leħen xi nsemma qalb din il-geġwiġija,
Lanqas il-leħma li biha nista’ nkebbes in-nar divin fis-skiet.
Għandi biss ix-xita rxiex li ssaqqi u ssaqqi
Biex tinbet u xxettel il-ward ta’ġewwa l-ġonna.
Baqgħali biss is-sabar li noqgħod hawn nistenna
Imqar li għad jinqala’ riefnu, riħ ta’ siegħa
Li jerġa’ jqanqal it-tbissima fuq dan l-andra
Tal-apatija, sabiex flimkien mal-għabra li tgħammex l-għajnejn
Jiddeffes ftit tas-sens ardit qalb  l-amneżija.
Mill-bqija, hawn se nibqa’, għannej trankwill, qadim,
Nistenna li għad trid tiġi s-seigħa
Ikkundannat mil-loġika suprema
Li nisparixxi.

Alfred Grech

09/09/2017