Friday 31 March 2017



Li Kieku.

Li kieku kont is-sieħba kont ninfixel,
U kont ir-raġel tiegħek sibtni mhedded.
Jekk jersaq ieħor lejk u jtik il-ħarsa
Li jaf x’irid, li tfisser mewt jew ħajja.

Li kieku tersaq lejja jien ninfixel,
Ma nafx nirrispondik u nibża’ nħares,
Nitfixkel x’għandi x’nagħmel x’għandi ngħidlek,
Liem’ huwa l-ewwel pass li jmiss, jispunta l-għaraq.

Jekk tħares b’dik il-ħarsa li taf tfisser,
Li taf xi trid, li taf ukoll x’qed naħseb,
Ma jibqa’ xejn, nirtira jew inċedi,
U jaqgħu qisom stillel il-promessi.

Imm’inti bqajt fejn kont u bqajt tistenna,
U jiena għadni hawnhekk ma nafx s’se nagħmel.
Jien naf li mhux ser tibqa’ hawnhekk tistenna,
Għax jiġi min il-fjamma jerġa’ jixgħel.

Alfred Grech
31/03/2017





A Se Stesso.

Jekk lanqas m’għad tiltaqa’ ma dak l-anġlu
Int dejjem tista’ tiġbed fuq naħħa oħra.
Jekk ma ssibx triq li minnha n-nies qed tgħaddi
Int dejjem tista’ tgħaddi minn triq oħra.

Kull ma trid tagħmel, toqgħod ftit għal ħemda,
U timxi passeġġjata solitarja,
Ma ħbatt ma xejn, ma ħadd u bqajt fil-beraħ,
U tħossok bħal għasfur tinqata’ fl-arja.

Li tlaqt minn hawn, li ma jsibukx, taf b’kollox.
Ma jilħqek ħadd, sadanittant tkun qribhom,
U lilhom twitti t-triq bla qatt ma tidher,
Biex jaħsbu li rxuxtajt xħin terġa’ ssibhom.


U hekk tkun inti l-anġlu li t-triq turi,
U tkun l-imgħallem int bla ma tkun kburi.

Alfed Grech

31/03/2017

Thursday 30 March 2017



XX

Fit-tarf tax-xatt etern l-irdum jittewweb,
Jinfetaħ xaqq fil-blat jiftaħlek rasek
Fejn toqgħod sew, għalkemm irid jittejjeb,
Jew tasal biex imissek dak li ħaqqek.

Stħajjiltek dak l-imdejjaq bih innifsu,
Idejħ infetħu u sab li kien jistenna.
Xħin fetaħ qalbu straħ ġo fih innifsu,
Bħal żiffa riħ li biha r-ruħ tithenna.

Il-ħin jitwal, daqskemm ikolli x’nagħmel,
U jekk bla kwiet int issa qed tarani,
Ikun għaliex hawn xejn ma jibqa’ x’tagħmel,
Isaltan jibda l-ġenn tal-ħsieb fuqani.

Ikun il-bidu wkoll ta’ rxoxt mod ieħor
Imbagħad ninfexx fil-għana għal-ħaddieħor.

Alfred Grech

21/10/2011

Wednesday 29 March 2017



Filgħodu.

Din għodwa bħall-oħrajn li ġew qabilha,
Vaguni kkuluriti, nirkbu magħhom.
Kull meta tqum rewwixta l-mistoqsija
U tara s-sħab fis-semna l-poeżija.

Mgħobbija ħsibijiet u mimli biża’.
Dan hu filgħodu ieħor, baħar qiegħed,
Battal bħal kull fil-għodu li ġie qablu
Mingħajr it-tlugħ ta’ xemx kif mistennija.

Eklissi tal-infern, epifanija
Mingħajr iċ-ċerimonja, l-għodwa t-tajba,
Mingħajr it-tlugħ ta’ xemx filgħodu mtenni
Reżurrezzjoni din bħal ta’ qabilha.

Bil-ħsejjes tal vetturi taħt it-tieqa,
Ta’ sriedaq ma jidnnux u daqq ta trombi,
Ta’ klieb li ma jinbħux u nies titkellem
Jum ieħeor bħall oħrajn dawk li ġew qablu.

Jien ngħid li ma kienx hemm għalfejn nistembaħ
M’hemm xejn x’tistenna ġdid, jew x’tista’ tagħmel.
Jum ieħor bħall-oħrajn, m’hemm xejn x’tistaqsi
U xorta waħda jkolli nqum, mis-sodda noħroġ,

Biex nieħu sehem f’ritwal u x’jitlob minni
Dal-kukt ta’ qassisin bla vokazzjoni,
Ta’ qafas bla taħżiż li bnew in-naħal
Din għodwa bħall-oħrajn li ġew qabilha.

Alfred Grech

20/03/2017

Tuesday 28 March 2017




Taħsibx.

Taħsibx li dan hu eżerċizzju,
Ta’ min ħafif irid lil-ġismu,
Dan hu passaġġ għan-naħħa l-oħra,
Li lanqas issejjaħlu b’ismhu.

Dan mhux traġitt minn-naħħa s’oħra,
Li jagħmel kull min hu bla sabar,
Pellegrinaġġ ta’ riflessjoni
Li jerġa’ jirxuxtak mill-qabar.

Din ħolma l-għad noħorġu minnha,
Dan hu rakkont li għad jispiċċa,
Din hija ħrafa bi tmiem ikraħ,
Telfien ir-ruħ li qed jisgiċċa.

Alrred Grech

28/03/2017

Monday 27 March 2017





Friefet.

Żgħar il-friefet, zgħar u sbieħ,
Tlaqtu ttiru minnufiħ
Tiġru ‘l-hawn u tiġru ‘l-hawn
Mur aqbadkom ersaq l’hawn.

B’dawk il-ġwienaħ kbar u sbieħ
Itajjartu minnufiħ
Ħallejtuni f’tarf it-triq
Qalbi sewda mimli diq.

Isbaħ minnkom m’hemm imnkien
B’dawk il-ġwienaħ bosta lwien
Fikom noħlom il-ħelsien
Qed tittajtu kullimkien.

Ħallejtuni, rqadt għal ftit
U bdejt noħlom, ħolm kemm trid.
Trid tinbidel trid ittir
Fl-ogħla sema. Ikħal nir.

Kif se ttir jekk kemm iċ-ċpar
Dan temp ikraħ f’nofs Jannar,
Hemm ix-xita hemmn ir-rih
Ejja lura minnufih.

Il-bogħod rajtek, rajt l-ilwien,
Ejja ddakkar bla dewmien
Ejja rewwaħ b’ħafna ilwien
Tgħanni l-għanja tal-ħelsien.

Jibku l-fjuri. Jibki l-ġnien
Minn ġo t-tieqa fejn kont jien
Kemm nitpaxxa bħares lejk
Bewsa nħalli fuq ħaddejk.

Jekk kuluri ma narax
Nifli sewwa ma nistax
Kieku għami kieku trux,
Il-ġmiel tagħkom ma nifhmux.

Jien kont ġwejjed, ċkejken kont,
Qabel beda dar-rakkont.
Jien ħadt qatgħa, jien ħadt skoss
Ħsibtek mejjet għax bla ħoss.


Jekk f’saħħithom dawk ġwenħajk
Tmur u tiġi wkoll minn rajk,
Jekk jiddajfu, titlaq, tmur,
Ma tiġrix, hekk jien fi żgur.

Għalfejn tlaqtu, mortu l-bogħod
M’għadnix niflaħ, bdejt nirtogħod,
Erġa lura bla dewmien’
Kollox għadu hawn kif kien.

Id f’id nimxu t-tnejn flimkien
Ejj’ narawhom hemm fil-ġnien,
Kollox ward u kollox żgħar
Mar rebbiegħa kollox tar.

Ġibtu l-paċi, ġibtu s-sliem,
Tbiegħedu d-dwejjaq bla dewmien,
Ġibtu l-ħlewwa, ġibtu l-ferħ
Kontu l-bidu ta’ kull serħ.

Rajtek tibki, rajtek tmil,
Rajtu dellek kemm hu tqil,
Ridtni nitlaq, ridtni mmur
Kieku tlaqt, immut kont żgur.

Għaliex ħrabtli, mort il-bogħod
Qalbi ksirtli, m’għadnix sod,
Erġa’ lura, erġa’ fis
Għaliex lili m’għadekx tqis?

Ridt intir, insir farfett,
Nilbes libsa mis-sbieħ nett,
Ridt niddakkar ridt indur,
Ridt nittajjar fuq il-fjur.

Kienet hemm maġenb ix-xatt,
Malli tajthom ħadt ritratt,
Ħdejn it-tfajla taħt il-ħajt,
Isbaħ minnha qatt ma rajt.

Kont il-bogħod u ridt intir,
Fuq il-warda tal-ħarir,
Qalbi mtliet b’ferħ bla tifsir,
Taħt das-sema, ikħal nir.

Alfred Grech
24/03/2017


121.

Tiddejjaq xħin tismagħni x’għandi x’ngħidlek.
Bħalkieku taqra artiklu f’xi gażżetta.
Misteru jkun li tgħix, u tgħix bħal friefet.
Biss aktar ma nixtieqx li nġorr minn ħajjti,
Għax bla ma naf, u bħal ma bdiet tispiċċa.
U x’jiġri minn dak kollu li jkun ġara?
Jitħassru mill-memorja universali,
Bħal kieku qatt ma kien u kull tifkira
Li jibqa’ ma tkunx tiegħi, għax ħaddieħor
Ma jista’ jiret qatt dak li kont jiena.
U tikber, hekk tiżdied l-evanexxenza,
Ta’ dak li kien u li m’għadux fl-essenza
Li hija l-illużżjoni ta’ li jiġri,
Misteru jkun li tgħix, u tgħix bħal friefet.

Alfred Grech

27/03/2017

Sunday 26 March 2017






Tempora Mutantur . . .


Hemm waqtiet li xtaqtek ħdejja,
hemm waqtiet li ħrabt il-bogħod,
hemm waqtiet ridt noqgħod waħdi,
Meta ġismi kien jirtogħod.

Hemm waqtiet stħajjiltek anġlu
hemm waqtiet ma ridtx naf bik,
hemm waqtiet li lili nnifsi
bdejt nistaqsi: X’qed jagħtik?

Hemm waqtiet li moħħi ddallam,
sirt il-ħtija ta’ kull qerq,
hemm waqtiet li lluminajtni
xħin kull mossa ġiet bis-serq.

Jekk għalhekk tistaqsi tibda’,
kif ninbidel ħin bla waqt,
u minn moħħok jibda’ jgħaddi
ħsieb ħażin li qatt ma xtaqt,

Kun af biss li jien ninbidel
u jinbidel bħali ż-żmien,
għax f’dil-ħajja xejn ma jibqa’
bla mittiefes, bħal ma kien.                                                                   

Alfred Grech

26/03/2017

Friday 24 March 2017



120.

Jien nerġa’ nikteb strofa għal kull tqanqila,
U nerġa’ litanija waħdi ntenni,
Bit-tama li xi darba mbagħad tismagħni.
Hekk nistħajjilni jien kull xħin tifaċċa
Bħal jum imċajjpar li trid minnu tgħaddi,
Is-sens ta’ xhinu dan, għalfejn dak kollu,
U għaliex kont jien minflok ma kien ħaddieħor.
Jekk tiġi l-bieb tħabbatli jien niftaħlek;
Jekk ma tiġix, fejn tista’ tkun nistħajjel.
Fid-dlam ta’ swied il-qalb is-sema msaħħab,
Jekk ma titlax hawn fuq mhux ser tifhimni;
Jekk tibqa’ terfa’ l-ġebla qatt ma tasal,
U terġa’ bħal ma tlajt titgerbeb l-isfel:
Fl-abbiss, fil-baħħ mnejn qatt ma terġa’ lura.

Alfred Grech

24/03/2017

Thursday 23 March 2017



Għax Għada Jkun Bħall-lum Għalfejn Tiddejjaq.

Jien nerġa’ ġirja  u naqta’ nifsi,
U nemmen li narak, tleqq u sabiħa,
Jien nerġa’ nduq il-frott projbit tal-Għeden
Għax għadda ħafna żmien u bqajt bir-riħa.

Jien naħseb li ma nbdiltx ningħaraf għadni,
Għalkemm iż-żmien jekk tħares, għamel tiegħu,
U nerġa’ nisfidak biex terġa tiġi,
Immiss n-nar jew ngħaddi sbrixx minn miegħu.

Jien sirt stabbiliment li kollox joffri,
Immur inperreċ għomti biex jarawni,
Ma jimpurtax għalikom dak li noiffri,
In-nies ġejjin, ġejjin għax issa drawni.

M’għandix għalfejn nittama l’għada jisbaħ,
Għax għada jkun illum li jiġi wara.
M’hemmx agħar minn meta tħoss m’hemmx aktar għada,
Il-jum li jmiss, u din ukoll tindara.

M’għandix għalfejn nitħabat u nissara,
Ma tittamax ukoll jaqbduk id-dwejjaq,
Jekk tħares ‘l-quddiem m’hemmx lejn fejn tħares,
Għax għada jkun bħal-lum, għalfejn tiddejjaq?

Alfred Grech
23/03/2017


Wednesday 22 March 2017




Inħossni Skomdu f’Dan ir-Rwol.

Inħossni skomdu f’dan ir-rwol l’għabbejtni.
Ġo fija hemm xitan, ukoll hemm anġlu,
U taf kif liox-xitan int tagħti l-ħajja.
U mbagħad musbieħ tkebbisli biex nixxennaq.

Il-bieraħ kont qaddis ħabbejt bil-bosta.
Illum qomt bħal viljakk, giddieb u mqareb.
Int tgħid li bqajt ma nbdiltx u għadni nagħmel
L-iżbalji u d-dnubiet li mdorri nagħmel.

Illum jien niġi ħdejk t’ penitenti,
Ma nafx jekk temminnix ’mma jisgħobija.
Jekk għada għad tarani nerġa’ nigdeb,
Tibżax, tinkwieta xejn, dak huwa jiena.

Alfred Grech

22./03/2017

Tuesday 21 March 2017




Għax Jien Ma Nafx Min Jien.

Bejn liema żewġ ħitan jew żewġ pilastri
Dal-ħabel ta’ ġrajjiet se nibda ndendel
Kullana ta’ waqtiet u ċirkustanzi
Min episodji żgħar ta’ ferħ u dwejjaq
Ta’ gwerra u paċi fl-ingranaġġ tal-ħajja.
Kemm drabi mort staħbejt ġo fija nnifsi
Intenni riċiklat kliem l-għerf u sieber,
Inxejjer il-bandiera tar-ribelli
Niftaħar li miniex fl-ilġiem tal-bqija,
Inkella lbist il-maskra trafiġġenti
Kif ħsibt li dawk riduni u mhux kif jiena
Tassew kont qiegħed nara lili nnifsi.
Għax jien ma nafx min jien! Qed tisma’ sewwa,
L-imgħoddi baħar qiegħed taħt xemx tisreġa
Għax issa naf wkoll x’qed nara sewwa
Sensiela ta’ ġrajjiet katalogati.

Alfred Grech
21/03/2017


Monday 20 March 2017







119.
Ħallini ħa nisimgħek sbejjħa tgħanni
li bħali ta’ kulljum il-fehema tiegħek
twassalha u bħal kull waqt tal-għana tiegħek
insir mill-ġdid għannej waqt li nisimgħek.
Għax ħielsa bħal mhi tiegħi l-għanja tiegħi,
din is-sonata twila jew qasira.
Għax bħalek jien irrid ħelsien infittex
mingħajr ma nħabbel rasi jekk hux nogħoġob
inkella qed indejjaq lil ħaddieħor.
U dan bħal kull għannej li jgħanni ħieles
li jfittex qabel xejn li jberraħ qalbu,
jistrieħ mit-toqol tal-monotonija,
u bħal profeta jidwi l-leħen tiegħu,
u bħal poeta jsib l-ispazju tiegħu.

Alfred Grech

20/03/2017

Saturday 18 March 2017



Illum Diffiċli Nilħqek.

Illum diffiċli nilħqek ja sultana
Li tiġi meta trid, għax mort tiġġerra
Il-bogħod il-fuq mis-sħab, lilhinn mill-qċaċet
U lili hawn ħallejtni waħdi negħereq
Fid-dwejjaq, fl-iskwallur u d-dipressjoni.

Inħallu kollox għal darb’oħra mela,
U l-leħma li bħal xrar, leħħiet ta’ beraq
Għad tiddi fuq id-dlam ta’ ruħi mkasbra.
Jien xbajt infittex kliem ma nafx xi jfisser
Niżvoga, niċħad, nieħu n-nifs u nerġa’ naqa’
Fid-dożi zgħar ta’ kliem u dożi akbar
Ta’ dan is-skiet li bih inħobb niddawwar.

Tgħid tgħanni għad dik l-għanja tal-imħabba
Li ġiet bil-fors, spiċċat fid-delużjoni,
U għax dgħajjef, inkapaċi jew għax ġifa
Bqajt hawn biex nirreżisti ż-żmien imperreċ,
Inċappas ma xuftejk tad-dnub mitt wegħeda.

Alfred Greh

18/03/2017.     

Friday 17 March 2017




Ikun Dak Li Trid Int.

Ikun dak  li trid int, kemm trid,
‘Mma kemm se ndumu tielgħin tlajja?

Ikun dak li trid int, kemm trid,
Sadanittant xhini l-alternattiva ta’ dil-ħajja?

Ikun dak li trid int, kemm trid
Madwar kull mistoqsija hemm iċ-ċpar
U ħafna rqajja.

Ikun dak li trid int, kemm trid
U jiena bqajt hawnhekk fejn kont nitlajja.

Odjuża din il-ħajja ta’ mal-bqija
Għal dawk li jiġu jiġru bir-risposti
Meta’għadni hawn nisdtaqsi, u bla dija.

Alfred Grech

17/03/2017


X’Inhu Jdejjqek Kavallier.

X’inhu jdejjqek kavallier li sehemek hu t-taqbida.
Ewwilla taqta’ qalbek int li rajt il mewt għallkemm il-darba
Li tħares f’wiċċ l-għedewwa qisek tħares f’wiċċ il-mera.
Ewwilla għajjejt illum li tlajtha kemm il-darba t-telgħa tal-kalvarju?

X’jista’ jdejjqek kavallier li ttarraft għall-kemm il-darba
Issibu tqil il-pass li jmiss
It-toqgħod tal-imgħoddi jagħfes fuqek bħal madmad illi jliġġem?

U mnejn hi din it-tnehida ta’ qtigh il-qalb?
Isa ja kavallier urina l-ħila tiegħek.
Għax jista’ jkun tassew li ż-żmien qed jagħmel tiegħu,
ix-xabla li fl-imgħoddi kienet tinfed
ixxelfet bit-twegħir
u l-korazza li dejjem kienet tilma’ issa ddalmet bis-sadid.

X’jista’ jdejjqek kavallier tal-avventuri.
Dik ruħek għad tittajjar fuq l-imtieħen,
U tħares l-isfel fuq dawn il-qabda nemel
Isegwu l-purċissjoni,
Dawn il-ħafna li mingħalihom qed iżommu l-kolonni
Tal-ħaqq u tal-ġustizzja.

X’jista’ jdejjqek kavallier?
l-għedewwa kollha rbaħtom
baqgħalek għadu wieħed,
li huwa int innifsek.

Alfred Grech

17/03/2017

Thursday 16 March 2017



Hawn x’Bagħttni Nagħmel.

Xħin nasal għandek nistaqsik hawn x’bagħttni nagħmel.
Ma nafx kif tridni nżomm mingħajr ma naqa’.
Ekwilibrista bla miżien fuq dan il-ħabel,
Ma nafx kif tridni nżomm bla ma niżgarra
U naqsam dan l-abbiss biex nasal għandek.
Did-dgaħjsa li bla naf sibt ruħi fiha
Ġo baħar turbolenti tinnaviga
Fejn jiġġerrew u jirgħu klieb il-baħar.
Sal-lum ma nafx hix din it-triq għal għandek
Ħaddieħor ħa għalih għaliex qalulu
Li hu għażżien, li hu mingħajr viżjoni,
Li ma tgħallimx x’inhu l-iskop tal-ħajja.
U ma tarax li jien ma ħadtx għalija?
Imbagħad xħin nasal għandek nistaqsik hawn x’bagħttni nagħmel.

Alfred Grech
16/03/2017


Post Scriptum. Din il-poeżija hija mnebbħa minn aħbar li smajt fuq r-radju waqt li kont qed insuq (u allura mhux bil-fors qed jirriproduċi dak li smajt bil-preċiż) li xi ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir ħassew li kien hemm intimidazzjoni (bullying) fil-konfront tagħhom, meta ic-“Chairperson” indirzzathom bħala “għażżenin” u li “m’għandhomx skop fil-ħajja”.

Wednesday 15 March 2017



Sic Transit Gloria Mundi.

Hekk u hekk biss stajt ngħixha din il-ħajja,
Hekk u hekk biss għad jgħaddu dal-mumenti
Tal-awrei, ta’ raġġi trasluċenti
Imdawwra ma dawk kollha l-esaltati.
Hekk tgħaddi l-ewforija ta’ dil-ħajja,
Dal-bżieżaq tas-sapun jinfaqgħu f’wiċċek,
Inkella li jitilgħu fuq wiċċ l-ilma.
Imbagħad immorru norqdu fil-misteri
Għax naħsbu li se jibqgħu jiftakruna
Meteori li jħallu ċikatriċi
Fuq wiċċ il-qamar sajjem, desolanti.
U jien li nibqa’ hawnhekk nagħnnilek għanja
Fil-ħarba esuberanti ta’ dil-ħajja,
Bit-tama li hemm int x’imkien tismagħni
Imqar jekk bħali għadek bla risposta.
Jien naf li sirt għalik bħal barometru
Biex tkejjel il-burdati konfliġġenti,
Kull meta tħossok bħali li qed tegħreq.
Hekk biss tarah għaddej il-ħin fuq mewġa
Għal-dejjem kull mument intransiġenti.
Hekk biss huma l-waqtiet tal-ewforija
Li jiena ta’ kulljum mingħajrek ngħaddi.

Alfred Grech

15/03/2017

Tuesday 14 March 2017




118.

M’għadekx tagħtini dehxa wara l-oħra,
Kull meta fuq din l-art tal-innoċenza,
Bħal xita traxxax fuq il-bjut li jibku
Idejk tiftagħom, tħaddan l-ewforija.
M’għadekx taħsadni bħalma taħsad berqa
Fl-iljieli twal mudlana u solitarji,
Kull meta nibda naħseb li ser naqbad
Il-vjaġġ it-twil, fis-skiet, fl-indifferenza.
Jien qatt ma stajt nitgħallem triq għal għandek,
Għax triqti kienet dik fejn int kont sejjra,
U meta sibt li wqaft mill-mixi tiegħek
Hemmhek kien tarf it-triq, u t-tnejn weħidna,.
Nixtarru hawn f’dax-xatt fejn qatt ma konna
Il-frak tal-kwiekek jaqgħu, waħda waħda.

Alfred Grech

14/03/2017

Monday 13 March 2017



It-Tieqa Tad-Dwejra – It-Tieni Lament.

Dan lament ieħor għalik ikona mqaddsa
Li tixgħed tmiem iż-żmien li konna nafu
Li telqet minn quddiemna u għebet
Bħalma jgħibu l-għasafar li jittajru
Biex aħna nibqgħu hawn itturfnati,
Inħabbtu fuq sidirna bħalma l-mewġ itturnfat
Iħabbat fuq il-blat indifferenti;
Nittewbu l-bżieżaq arja ta’ li nafu
Miblugħa bl-apparenzi li qe jgħibu
Ta’ dak li aħna xhieda tiegħu
Kull ħaġa tieħu r-ruħ u tieħu l-forma
U bħalek tisparixxi
Fil-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma.

U kienu l-ħafna dawk li bkewk
Li riedu jirxuxtawk, jibnuk mill-ġdid
Mill-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma terġa’ titla’
Bħal xeneġġjat li jerġa’ jiġri b’lura.

Għaliex irridu ngħixu lkoll dal jasar
Tal-moħħ li ma jaħsibx, tal-ikoni,
Tat-tgħewdin tal-massa li trid temmen
Ġwejjdin għaliex għalina hemm min jaħseb
U nagħmlu li jgħidulna
F’dil-ħajja li kull waqt li ngħixu tieqaf
Kull darba li noħorġu minn ġol moħba.

Fil-qiegħ ta’ taħt wiċċ l-ilma jegħerqu l-apparenzi
Jegħerqu l-ikoni, għax xejn ma jibqa’ għal dejjem.

Alfred Grech

13/03/2017

Sunday 12 March 2017



Qaddis Mill-Ġdid Insir.

Arani kemm jien ħieles
u nimraħ bħal farfett
intir minn warda għall-oħra
tingħaqad għad f’bukkett.

Irrid induq kull warda,
u nghannaq kull blanzun
u ngħannaq is-sbuħija
li nsib kull fejn tkun.

Irrid induq kull warda
kull warda tal-bellus
u nirgħa ġewwa x-xagħri
u x-xewk li rrid inbus.

U mela f’dan il-jasar
li nkun jien tiegħek biss?
Irrid jien ngħanni l-ħajja
u mmut inkiss. inkiss.

Min qal li jrid jintrabat
u jidħol ġol-infern,
il ħabs tas-sikkatura
jindifen għall-etern.

Arani ser inrabbi
par ġwienaħ biex intir
u ngħola ’l-fuq fis-sema
qaddis mill-ġdid insir.

Alfred Grech

12/03/2017

Saturday 11 March 2017



Tinħeba Wara l-Kwinti.

Kull meta moħħi mlejt
Li l-ħajja mhux kif ħsibtha,
Li din hi ferrovija
Li jiena qatt ma rkibtha;

Għax minghalija ħsibt
Li Venere kont inti,
Fantażma li kont naf
Tinħeba wara l-kwinti.

Għax meta kont għajjien,
Il-qtar tad-dwejjaq qrasu,
U qatt ma ħadt raġun,
Kulħadd kien dabbar rasu.

Tiġġieled, mhemmx fuqiex,
Ribelli ta’ bla skuża,
Jekk tkun prosekutur
Lil min trid int takkuża?

U ngħaddu minn kull triq,
U nfittex fejn ninħeba,
U nidħol ġo kull għar
Biex noħroġ fin bla tebgħa.

Alfred Grech

11/03/2017

Friday 10 March 2017



Għax Bħali Ħsib Li Hawn Ser Tibqa’ Għal Dejjem.

Għax bħali ħsibt li hawn ser tibqa’ għal dejjem,
Mhux aħna t-tnejn li konna sibna ruħna,
Inħarsu wiċċ imb’wiċċ bħal qisu f’mera,
Fl-għadajjar ta’ xulxin saqjna nbillu,
Għadajjar l’issa saru baħar wieħed,
Nistaqsu lilna nfusna x’qed infittxu:
Hix din il-verita’ li lilna tħennen
Inkella kienet ħolma li ħlomniha;
Jekk dan hux ingranaġġ t’arloġġ inaqqqar
Il-mod kif nafu nifhmu dit-traġedja.
U jkun għalxejn li nduru d-dawra kollha
Biex bħal ninsew li din mhijiex ħlief ħolma,
U ħloqna wkoll ikoni għal żmien il-bidla,
Tal-waħx li m’għadux hawn.

                                    Jien qed nistenna
Li nilmħek għad titfaċċa ħabta u sabta
Minn wara l-kantuniera ta’ dil-bajja.

Għax bħali ħsibt li hawn ser tibqa’ għal dejjem,
U ntbaħt li meta kont iżżommli jdejja
Jien ma kontx hemm, int ma kontx hawn. Faċċata
Stajt kont int ta’ dil-munita, bin-naħħa
L-oħra tagħħha,  l-oskur tal-ħażen tiegħi.

Alfred Grech

10/03/2017

Lament Wara t-Telfa tat-Tieqa tad-Dwejra.
Offensiva dil-ħajja , dil-ħajja laċeranti
tal- ikoni li jaqgħu, jisparixxu u jħalluna
bil-ġerħa tad-nuqqas mikxufa beraħ.

Hawnhekk tintebaħ bil-kobor tad-desert tar-ruħ
li tikrob sabiex toqgħod il bogħod min-nies tad-dinja,
il-bogħod mill-ħsieb li jibqa’ jirraġuna,
il-bogħod mill-kobba mħabbla tat-traġedji.

Hawnhekk fejn kollox ħemda u lanqas biss trid taħseb
għaliex il-ġerħa fonda wisq biex tista’ dderri,
u kull waqt hu twil eternita’.

Hawnhekk tixtarr is-skiet tal-għelt tal-bieraħ,
imdendel mal-ħitan fejn hemm il-beraħ
fuq il-ġwienaħ tal-ħolm il-fantasija,
fejn hemm inewwaħ il-gawwi
li kontra r-riħ, iġiegħelek taħseb fis-saħta ta’ kulljum.

Hawnhekk fejn il-ħemda tegħreq fil-gideb tal-imgħoddi,
fejn il-ġejjieni huwa l-mod li bih tiftakar.

Hawnhekk tkun taf il-kliem li qatt ma smajtu, li dejjem bżajt tlissen,
sorpriż li din mhijiex oasi
filwaqt li l-ħemda qed ftit ftit tifgalek ħajjtek.

Hawnhekk fejn tara biss tbissima mgħawwġa
li taħbi d-dmugħ tad-dwejjaq f’sekwenza ta’ xeneġġjat
li rajna kemm il-darba.

Hawnhekk il-melodija tippersisti fil-ħemda li tiċċaqlaq,
li tiġi wara kliem imqanqal ta’ bla tifsira.

Alfred Grech.
10/03/2017


Thursday 9 March 2017



117.

Dan huwa tmiem il-ġrajja kif nafuha,
Ħaddieħor ħasbu wasal tmiem id-dinja.
Kull darba li nistaqsi lili nnifsi
Hawnhekk x’ġejt nagħmel, int tqum biex turini,
Ix-xbieha ta’ kif tkun għadira mdardra;
Ta’ kif ikun ix-xejn li fih qed ngħunu,
Titfagħli ħabel twil marbut ma baga
Biex mingħalik b’daqshekk ser issalvani.
Jien li twelidt fix-xejn tax-xejn ta’ dejjem,
Fix-xejn insibni naqdef xħin titfaċċa
Idejk tagħtini, u naf li mhux għal dejjem
‘mma wieħed mill-waqtiet li ridt niftakar,
Biex nerġgħu għad fejn konna qabel ġejna,
Li lanqas mhuwa t-tmiem ta’ dan iċ-ċiklu.

Alfred Grech

09/03/2017

Wednesday 8 March 2017



U Xħin Issir Taf Kollox.

U xħin issir taf kollox
Dak kollu li trid taf,
Kif sar, kif kien minn dejjem,
Il-ġilda bdiet tixraf.

U ħadd ma ġie mistoqsi
Kif kollox ippjanat,
Bla leħen fil-kapitlu
U kollox kalibrat.

F’miljuni ta’ miljuni
Kemm jgħaddu u jgħaddu s-snin,
F’din l-eżistena fqira
U mkejjla mill-bnedmin.

U bħali trid tistaqsi
Xħin jibda jgħaddi l-ħin,
Xħin taqbdek ferneżija
U l-bieb ħabbatt ta’ min?

Bħal meta tkun fl-eżami
U tħossok iffriżat,
Inkella f’awditorju
U mintix ippreprarat.

Xħin issa ssir taf kollox,
Il-għala, il-kif, minn fejn,
Wasalt fi tmiem it-trejqa
Tgħix aktar m’hemmx għalfejn.

Alfred Grech
08/03/2017


Tuesday 7 March 2017




Inħaresd Lejk Mill-Qrib.

Inħares lejk mill-qrib,
Inħares bla nuċċali,
Ribelli mit-twelid,
Ma ssibx żgur ieħor bħali.

B’għajnejja magħluqin
Jien naqdef għall-kuntrarju,
Il-kontra ta’ l-oħrajn,
Biex niftaħ is-siparju.

Nitgħaxxxaq bli ma nafx
U li jmexxini lura
Fil-baħħ ta’ kullimkien,
Li beda jieħu s-sura.

Aġent provokatur,
U għandi ħtieġa kbira
Li naqbeż dan iċ-ċint
U nħares ġo l-għadira.

Int ħsibt li sew qegħedin
It-tnejn flimkien imxejjna,
U bqajt ma tintebaħx,
Li għadna fejun ħallejna.

Mal-ewwerl żiffa riħ
Bużżieqa se tinfaqa’
U bqajt ma tafx għaliex
Għax minni xejn ma baqa’.


07/03/2017

Saturday 4 March 2017



Jekk Ridtek Kull Filgħodu.

Jekk ridtek kull filgħodu
Tkun ħdejja malli nqum.
Xħin saret in-nofs siegħa
Trid tparpar bla ma ddum.

Jekk ridtek kull filgħodu
Fejn nista’ nsib nistkenn
Mid-dwejjaq li nqum bihom
Għalija ferħ ta’ ġenn.

Imbagħad xħin il-ġurnata
Issir u jgħaddi l-ħin,
Niltaqa’ man-nies nibda
U ma nibqax. miskin.

Insibni aħjar mingħajrek
Għax inti telf ta’ żmien
Għax int biss distrazzjoni
U bik ma mmur imkien.

U noħroġ minn ġol fosdqa
Nintreħa mal-kurrent,
U lanqas naf fejn sejjer
U ngħix biss il-mument.

Alfred Grech

04/03/2015.

Friday 3 March 2017



Inħares Lejk Xħin Titlaq.

Inħares lejk xħin titlaq
Bħal ċpar ta’ filgħaxija
Xi minn daqqiet nitilfek
Fil waqfien interminabbli
Tat-traffiku f’pajjiżna;
Xħin nibda’ ngħid xi posta tar-rużarju
U ħsibijieti jgħaddu ferrovija li bqajt ma lħaqtx,
Li tieqaf biss xħin nieqaf naħseb.

F’din l-għodwa mbikkama u mlibbsa
L-ansjeta’ tal-eżistenza
Ma moħħi taħbat kemm il-darba
Kif int u jien tgħallimna ż-żmien nisirqu
Kull waqt li ħrabna ħarba u xħin għereqna
Fil-baħar tas-sbuħija.

Din ġenna li tinkwadra l-ħabs
Li bnejna aħna stess filwaqt li konna
Qed nieħdu nifs il-ġewwa mhux imniġġes
Mid-duħħan tal-meżżi diġitali.

Fit-tbissima tiegħek
Jien ngħaddi mill-meries tal-purgatorju,
Mill krib ta qalb imqarrqa,
U mit-tortura taċ-ċaħda.

Alfred Grech

03/03/2017

Thursday 2 March 2017



Tiġdid.

Illum mhux it-tkomplija
Tal-bieraħ illi mar.
Illum jien bniedem ieħor
Ġdid ħiereġ mit-tajjar.

Naqilbu rridu l-folja,
U naqbdu argument
Li qatt ma smajna dwaru
U nkomplu mal-kurrent.

Mas-sħab li jiġri ġirja,
Max-xemx li ma ħarġitx,
Max-xita mhix fi żmienha
Għal darba ma felħitx.

Biex nitla’ kull skalluna,
Mill-ġdid mingħajr rimors,
Tal-għada qatt ma sebaħ,
Ta’ kif kien id-diskors.

U din tkun il-viżjoni
Tal-għana li m’għannejtx,
Mat-temp li qed iħawwad
Indur hekk, dawra mejt.

Alfred Grech

0/03/2017