Sunday 28 January 2018




X’inkunu Ngħidu.

X’inkunu ngħidu xħin niltaqgħu int u jiena
fin-nofs ta’ nhari li qattajna
mingħajr għajnejna qatt jiltaqgħu.
Jien inħossni niexef, moħli u mormi.
Għax aħna m’aħna xejn
waqtiet jew bżiezaq t’arja mal-kurrenti.
Jien nerġa’ niġi ħdejk biex nieħu s-saħħa
u nerġa’ nibda’ nagħmel bħal ħaddieħor
u terġa ttini x-xenqa ta’ tfuliti.
Irrid insib l-għeruq tas-siġra tiegħi
biex nerda mill-ħamrija s-suqu primordjali
u nfittex ġo l-għenieqed qed ixenxlu
l-għanja mill-ġdid.
Xi drabi mbagħad inkun nixtieq
intir fuq ġwienaħ l-isqra
biex naħtaf ix-xintilli solitarji
tas-sħab mutu mberfel fix-xemx,
Inkella ngħum u negħreq
fil-baħar ta’ ħin li lanqas jgħaddi.
Irrid ningħalaq f’kull taghannieqa li tagħtini
u naħseb li dal waqt se jibqa’ għal dejjem.

Alfred Grech

28/01/2018

Saturday 27 January 2018



Jien Xtaqt.

Jien xtaqt kont ġurnalista
–attaparsi-
Intir fuq mewġ iġorr
Il-ħelsien tal-espressjoni.
Inkun fuq xi tribuna
Ħa nagħti xi ħastig aħrax
Għal kull abbuż sesswali,
Jew fuq xi pedestal
Nikkundanna xi pedofelu,
Inkella xi politiku
Sabiex ninnormalilzza
Dak li normali mhux
Jew inħares b’lenti waħda
Dak li mhux l-istess.
Hawnhekk kulħadd prosekutur minbarra wieħed:
Min hu bla ħtija jitfa’ l-ewwel ġebla.

Alfred Grech

27/01/2018

Thursday 25 January 2018




M’Aħniex Flimkien.

M’aħniex flimkien għax ta’ kull darba
Jien nibda biex nistaqsi: hawn x’ġejt nagħmel.
U int ittenni l-mistoqsija
Li jien m’għandix tweġiba għaliha:
Għaliex sejjaħtli?
Illum stenbaħt b’din il-burdata
U b’ruħ ta’ pellegrin.
Qiegħdin hawnhekk għax ma ntbaħniex
U ma konniex inkunu hekk jekk mhux tort ta’ l-imgħoddi.
Għax konna nħobbu d-dell tar-riflessjoni
U għax insejna t-tnejn mnejn konna tlaqna.
Iżd’issa f’din l-arja tar-riħ isfel,
Jien sibtni ngħum mal-ħut il-kbar
U int qed tittawwalli mill-fanal
Ta’ fuq l-iskolji.

Alfred Grech.
25/01/2018


Monday 22 January 2018



XLV.

Ma jdumx biex jaqbad dan in-nar tat-tiben
U mbagħad xħin jaqbad xejn ma jagħmel sħana.
Hekk hi xewqati lejk, lanqas tiżtiżen.
Aktar ma  jgħaddi ż-żmien jien qed nistagħna.

Għalhekk minn ħarset dawn in-nies aħbini,
Tikketta jwaħħlu  mhux la kemm tneħħija.
Jistħuk b’ħarsithom, minn warajk għaddini,
U b’hekk għall-ġenb inwarrbu kull stmerrija.

Aħbini wkoll minn dawk tal-unifirmi,
Minn dawk li sabu ruħhom fuq tribuna
Għax dawk taħsibom jerfgħu pis enormi,
U l-passi tagħhom tqal bħal ta’ fekruna.

Imm’aktar hu meħtieġ malajr taħbini,
Minn dik il-mera li kif jien turini.

Alfred Grech

09/01/2012

Saturday 20 January 2018




Xejn Aktar Ma Tkun Tiswa’.

Xejna aktar ma tkun tiswa’ din ix-xniegħa,
Tellieqa biex tinqara fl-ewwel paġna
Tiżżewwaq u tinbidel ma kull siegħa
Skond min kapaċi l-aktar jitfa’ xrara.
Biex aħna nsiru dejjem it-telliefa,
Għax din tellieqa li qatt mhu ser nirbħu
Għax jirbħu l-qaddisin ta’ wara l-kwinti
U jirbħu n-nisa tagħhom, dawk li jservu:
Tellieqa din ta’ min jaf jgħix il-gidba.
Għaliex qatt mhu se jitla’ ż-żejt f’wiċċ l-ilma,
Itambru kemm itambru l-ġurnalisti,
Profeti tal-qlajjiet u l-malafami
Mal-bċieċen li jibilgħu li jisimgħu.
Din hi tellieqa ġdida ta’ min jonfoħ
Duħħan, eklissi u bżar f’għajnejn min jara,
Minflok il-bżieżaq arja u sensazzjoni
Bħal kif l-ekonomija dejjem tikber
Bħal xi bużżieqa qatt mhu ser tinfaqa’.
Din hi tellieqa ta’ min jgħajjat l-aktar,
Ħanġra ta’ ljun li jwerwer il-foresti;
Li ġġiegħel lil-kullħadd f’qoxortu jidħol
U jaqra t-taħżiżiet ma ħajt ta’ ċirku.
Din hi aħbar li tiswa’ biss ġurnata,
Għax għada jaġġornawna b’aħbar ikbar.

Alfred Grech

20/01/2018

Friday 19 January 2018



Ejj’għidli Kif Se Nkomplu.

Ejj’Għidli kif se nkomplu,
Id f’id fguq dan ix-xifer,
Ejj’għidli kif se nkomplu
Mingħajr ma niksru difer.

Ejj’għidli kif wasalna
Biex dorna l-kanruniera,
Imdawwra bis-seksieka
Minn wara kull purtiera.

Ejj’għidli kif se nkomplu,
Il-bogħod mill-illużżjoni,
Nimxuha din il-mixja
U naslu f’konklużjoni.

Ejj’għidli ‘mma ddumx ħafna,
Għax hawn bdiet dieħla l-għajja,
Għax hawn id-dawl qed jikfes
U tlift is-sens tal-ħajja.

Alfred Grech
19/01/2018



Thursday 18 January 2018



Fittixni.

Fittixni bla ma tibża’
Fitixni bla dewmien
Jien qatt mhu se nintilef
Imqar jekk jgħaddi ż-żmien.

Fittixni qalb il-kwiekeb,
Fid-dalma ta’ bil-lejl
Taħt qamar qed jitbissem
Fil-wisa’ ta’ bla kejl.

Fin-noti musikali,
Fittixni kullimkien,
Fittixni fil-baħħ t’għada
Fli hu jew seta’ kien.

Fittixni u erġa’ fittex,
Fil-baħar qed ifur,
Fil-baħħ ta’ fik innifsek
Hemmhekk se ssibni żgur.

Alfred Grech
18/01/2018


Wednesday 17 January 2018



F’did-Dinja.

F’did-dinja tat-telliefa,
Inkun minn ta’ quddiem;
Profeta nibqa’ ntambar,
Nitkarrab: Gej it-tmiem!

F’did-dinja tal-ispjuni
Li jinfdu kullimkien
Min jgħasses, qatt ma jorqod,
Tistaħba? M’hemm imkien!

F’did-dinja tal-qawsalli
Nittajtru t-tnejn ħenjin
Bħall anġli ta’ bla tebgħa,
Man-naħħa tat-tajbin.

F’did-dinja fejn trid tisraq
Biex taqdef il-quddiem
Ma jiswa’ xejn li toqgħod
Bi kwietek jew fis-sliem.

F’did-dinja “attaparsi”
Fost bżieżaq tas-sapun
Tonfohom waħda waħda
Biex tibdel l-istaġun.

Alfred Grech
17/01/2018

Tuesday 16 January 2018



Jien Noqgħod Nisma’.

Jien noqgħod nisma’ lili nnifsi
Biex ma nismax x’għaddej madwari
Għax jekk il-moħħ mill-ġdid jitwebbel
Iġġudikat ukoll fil ħaqq aħħari.

Qalil għal ġisem joqgħod lura.
Kif midneb tkun , u tkun il-ħati
U ssir qaddis bla diadema
Trid tieħu biss mingħajr ma tagħti.

Issib lil dik li tiġi ħdejk tqalliblek
Il-qiegħ u n-naqal ta’ ġo qalbek
U ssib li s-sensazzjoni ħaġa
Fejn mhemmx allat jisimgħu talbek.

Dawk illi jagħtu sens u togħma
Lill kull ġurnata ta’ ħajjitna.
Irrid jien stess inkun il-ħtija tiegħi
Jew dal-kurrent fejn mar xeħitna.

Li nħobbok huwa dnub m’hemmx x’tagħmel
Bħall-kull passjoni: intriganti,
U li nixtieqek hi tortuta
U l-fantasija lluminanti.

Alfred Grech

16/01/2018

Monday 15 January 2018




Iż-Żmien Kurrent.

“Eħlisni, iva eħlisni! Mit-toqol tiegħi nnifsi f’dal kurrent imsejjaħ żmien. (Djarju mill-Ermitaġġ: Tħabbat Xtaqtek, Gioele Galea, No. 90 Horizon 2017.)

Iż-żmien kurrent għaddej
Bħar-riħ li lanqas jidher,
Ir-riħ hu biss in-nifs
Li joħroġ minn ġos-sider.

Inaqqas jew iżid
Kull kif ir-ritmu tiegħu,
Iż-żmien ma jneħħi xejn
Mit-toqol li jġorr miegħu.

Hu int , inkella jien
Mad-dinja ta’ madwarna
Ninġarru f’dal kurrent
Flimkien sat tarf aħħari.

Qadim flimkien mal-ġdid
Inkella kull tifkira
Stampata fuq l-ħajt
Ta’ moħħna bla tifsira.

Tifkira ta’ li kien,
Li ġara xi żmien ilu,
Jew f’moħħ dak li kien hemm
Għax hu kien xhud t’għemilu.

X’jibqa’? Ma jibqa’ xejn!
Mit-twila sal qasira,
Ui mbagħad xħin nitlaq jien
Tmur miegħi kull tifkira.

Alfred Grech

15/01/2018

Sunday 14 January 2018



Lili.

Lili li qiegħed hawn ngħix ħajjti
maġenb l-assenza tiegħek, ismagħni
bħalma tisma’ x-xita nieżla
jew l-iwiefen illi jaħbtu mal-kampnari tal-għerf
li konna ġmajna
fid-dalma ta’ dal-lejl iħares ġewwa fina.
Iftaħli l-bieb tal-meravilji
fuq ħerża ta’ bir ħiemed
li qatt ma tista’ tara qiegħhu
fejn jirgħu ħafna nsetti fl-ilma qiegħed.
Noqgħodu nħaffru jew nistagħbu bix-xejn tagħna
bil-baħħ jirbombja ta’ ġo fina
fejn inti qatt ma tfittex
fejn wiċċ il-lejl jitkixxef għal darb’oħra
u jħares lejħ innifsu.
Imqar ritratt jirrakkuntalna u jikkunslana
bil-frugħa ta’ żmien ilu
għax għandu mnejn jirxoxta s-sensazzjoni
f’dawk il-waqtiet ta’ ġenna efimerali
u d-dellijiet li jiffullaw fuqna
qabel terġa tiġi lura
fuq l-għolja tat-trasfigurazzjoni.
Sadanittant jien nibqa’ hawnhekk
nistenna.

Alfred Grech

14/01/2018

Saturday 13 January 2018



Kopji.

Ma kienux dawk kopji tieghek
Dawk li daħlu u reġghu ħarġu
fuq il-palk evanexxenti
jew bit-tanabar invadenti

Ma kienux dawk kopji tiegħek,
dawk in-nisa f’purċissjoni
kienu jħaddnu fidi waħda, 
jew iqabblu jew iħabbtu
perskussjoni.

Ma kienux dawk kopja tiegħek
dawk l-uċuh ta’ bl’ espressjoni
kienu maskri li ridt nilbes
ħalli nimla’bil-kuluri
l-baħħ li tħalli l-konvenzjoni.

Alfred Grech
13/01/2018


Friday 12 January 2018



U Int Ħallejtni Hawn.

U int ħallejtni hawn
Qalb dawn it-tifkiriet tax-xbiha tiegħek
Biex issa sirt ukol nitfixkel
Il-fattizzi ma kull ritratt li nsib f’idejja.

U int ħallejtni hawn fid-dlam iwaħħax
Biex nishar jew niskava l-fdal li baqa’
Fil-ħerba li ninsab imdawwar biha
Bħalkieku għadda riefnu.

U int ħallejtni hawn biex ta’ kull darba
Inqum u niġbor nerġa lili nnifsi
Nintebaħ ta’ kull darba li xi ħaġa
Tkun intilfet u jonqos kemm il-biċċa
Li tkun mitlufa għall-dejjem.

U nerġa’ nsaqsi lili nnifsi
Kif għada ser inkun
U mhux kif ser inżomm,
Wieqaf fuq saqajja.

Alfred Grech
12/01/2018


Wednesday 10 January 2018




Il-Ħsejjes Tagħna.

Il-ħsejjes tagħna ma jissarfux fi kliem,
Il-ħemda timla’ l-bogħod li hemm bejnietna.
B’għajnejna t-tnejn nissinkandaljaw
Il-fond ta’ dak li jista’ jkun,
Jew dak li xtaqna nafu.
Jien qiegħed hawn, jew jien miniex
F’dal bosk li qed jirbombja ħsibijieti.
Ir-ritmi tiegħi mhux bil-fors li jżommu l-pass
Mar-ritmi tiegħek
Mal-ħin li qed iġorrna bla ma nafu.
Int tħaddan spazju ieħor
Fejn jien ma stajtx inkun,
Fejn jien bil-ħsieb ta’ moħħi
Qatt mhu se ninfed.
Jien nibża’ nħares l-isfel
Fil-fond tal-preċipiżżju
Għax l-għoli jwerwirni.
Imm’inti tgħid lil tħobb tħares
Fil-fond tal-qiegħ ta’ ruħi.
L-ispazju tiegħi mimli ħemda
Għax moħħi dejjem sejjer
U ma jħallini qatt inkejjel dawn l-abbissi.
Il-ħsejjes tiegħek ma jisaffux fi kliem.
Jien xtaq nimmiskja l-ħsejjes tiegħi
Ma dawk tiegħek,
Biex flimkien inkomplu ngħarrxu
Jew naqbżu l-barrikati
Ta’ dak li huwa sew
U dak li nistgħu nagħmlu.

Alfred Grech
10/01/2018



Tuesday 9 January 2018




 Mini Vaganti.

Nitelqu taħt dal-ħajt tal-paradossi
Bi klien u tifsiriet evanexxenti
Biex sibna dak iċ-ċirku li jagħqqadna
Kien biss il-ġometrija trasparenti.

U kollox jgħib fis-skiet ta’ baħar iswed
Taħt l-għera ta das-sma alluċinanti.
Il-lejla mhemmx il-kwiekeb, lanqas qamar
Hemm biss il-waħx ta’ żewġt erwiħ vaganti.

Alfred Grech
09/01/2017





Sunday 7 January 2018



Xi Trid Int Minni?

Xi trid int minni kull xħin terġa’ tiġi,
Iddoqqli l-ħsejjes tiegħek ġo widnejja,
Imbagħad jibbnazza wara ftit u titlaq,
Moħħok mistrieħ, għax għal ftit ħin kont ħdejja?

U xi trid tgħid int biha din li taqsam
Il-baħar tas-silenzju ta’ bejnietna,
U ma ħaddieħor tikxef din il-ġenna
Biex lanqas iħalluna ftit bi kwietna.

Konkwista għalik li jiena ndur u nidwi
Dak li tgħid int jirbombja ħabs bejnietna.

Alfred Grech

07/01/2018

Saturday 6 January 2018




Meta Leħnek Lanqas Jasal.

Int trid tgħix u trid il-beraħ
Trid issb iċ-ċebtru tiegħek,
Jiena bħalek kont, imm’issa
Mhux se nasal naqbel miegħek.

U jien hawn nipprova nniżżel
Dak li f’daqqa waħdu jaqa’
Minn ġoċ-ċpar ta’ fuq għajnejja
Nibda niġbor milli baqa’.

Meta leħnek lanqas jasal,
U ġo qalbi jieħdu s-sura
Dwejjaq kbar ta’ letarġija
Nimxi pass u nerġa’ lura.

Hemm xi ħaġa li mhix sewwa,
U tistona ġo widnejja,
Qed inħossni qed nitbiegħed
U mhux lilek nara ġejja.

Alfred Grech.

06/01/2017