Thursday 31 May 2018


Related image

Jien Għadni Nistennik.

Jien għadni nistennik li tiġi
riekba ż-żiemel tal ġwienaħ bajdan
tintilef ġewwa s-sħab ta’ xi tifkira.
Stħajjilt li smajt il-għana fgat li ġej minn wara l-kwinti
imbagħad il bikja solitarja ta’ lupu mġewwaħ.
Tibqax iddur u tfittex fuq ix-xefaq
lil hinn mix xefaq hemm il-baħħ
hemm biss il-preċipizzju,
għax għad tispiċċa teħel fit-tajn t’għadira mdardra.
Il-ferħ ta’ ġenn li jtik  
ikun il-mess tal-kordi
ġewwa sidrek minn dak li ħabbek.
Lili ma ħallejtli ebda munita li tissaraf
fuq din l-art.
Forsi għad issir tad-deheb f’xi pajjjiż ieħor.

Alfred Grech
31/05/2018



Image result for ephemeral woman

Inti Li Ta’ Kull Darba.

Inti li ta’ kull darba tistaqsini,
Int ma jonqsok xejn għajr it-tmellisa
Li tħalli l-marka tagħha għal dejjem.
Int taf sew li dak li lilna t-tnejn irid jgħaqadna
Ikollu s-sens ta’ telf u sens  tal-biża,
U dak li lilna t-tnejn iżommna minn xulxin imbiegħeda
Velenu  nixorbuh kull  filgħaxija
Sabiex ninsew li għada xorta jisbaħ.

Int sirt taf bħali
Li din il-logħoba tal-imħabba
Hija wiegħda li żżomm ħajja
Fuq il-ħjut li tħit il brimba,
Hi biss akrobazija aljenanti
Biex nagħmlu bħalma jagħmel qed ħaddieħor
Biex inżomm l-fjamma ħajja.
U jiena kont ekwilibrista sa mill-bidu
Li nogħoġob lil kull naħħa tal-udjenza
Int ridt li tkun fit-tarf tal-mina u hemm se tibqa’.

Irrid inżomm idejk waqt li qed naqdef
U ħafna drabi jkun in-nuqqas tiegħek
Li jġiegħelni nimla l-baħħ fl-abbissi ta’ ruħi.

Alfred Grech
31/05/2018


Wednesday 30 May 2018


Image result for evanescent woman in art

Int Tiġi.

Int tiġi bħalma tiġi ż-żiffa
tqajjimni minn din nagħsa fonda,
imbagħad tħallini xejn ma jibqa’ għal dejjem
bħal ħolm li kont qed nibda’ noħlom.

Int tiġi u titlaq qisu xejn ma kien
u tħalli r-rimma tiegħek
il-fwieħa, balzmu, t-tifkiriet,
li għadni negħereq fihom

Alfred Grech
30/05/2018

Tuesday 29 May 2018


Image result for dryad

Inti M’Għadekx Tagħrarfni.

Inti m’għadekx tagħrafni
għax issa taf li l-ħin iġġebbdu u tnaqqsu  kemm trid int,
u li l-iskużi li ġġorr miegħeh pjattoformi minn fejn taqbeż
fid-dagħbien li jrid jaħbik.
Jien għalija mhux biżżejjed
il pajżaġġ tal-ħafna kliem,
li jdewwed ġewwa rasi u jnaqqasli ħafna s-smiegħ.
Imbagħad tintebaħ li tinsab f’dinja
li qatt m’emmina fiha
diversa milli jgħidu dawk li mingħalihom  
għadhom mal-ħajjin.
Iż-żmin jibqa’ nviżibbli biss
għax inti tħobb ittawwlu kif jiftillek
u lili tiġi tgħidli xi ħraf’oħra biex nikkwieta.

Alfred Grech
29/05/2018



Image result for blue lagoon mid summer comino

F’Dix_Xemx Trikkarga l-Qilla.

F’dix-xemx tikkarga l-qilla
tat-tiben irrumblat,
tfajliet bħat-tentazzjoni
mal-ġenju tal-allat.

Il-qilla tax-xemx tisreġ
fuq saqaf ir-razzett
tan-nies antika tagħna
għad-dell tal-parapett.

Kif għadna stupefatti
bl-ispjaġeġ misgħudin,
il-ġmiel tas-sardinelli
u l-friefet ta’ kull ħin.

Mal-weraq li jitliegħeb
u jolfoq bħal miblugħ
hekk kif iż-żiffa tinbxu
fil-flieli bħal fil-qlugħ.

Tqaxxarna minn ħajjitna
li ngħixu f’dal-wesgħat
biex nisrhu ma urieżaq
u l-firmament stuprat.

U taħt dal-mistiċiżmu
poeta fqir plebew
itenni skuntentizzi
mal-ħlejjaq li stagħnew.

Alfred Grech
29/05/2018.

Sunday 27 May 2018



Sinfonija ta Ruħ Li Trid Tinħall.

Iss’għid kif tħossok
xħin toħroġ minn ġol ilma fietel
bħat-twelid ta’ Afrodite,
u jiena nħares lejk għaddejja minn fuq il blat iniggeż
daqskieku kont reġina tiela’ t-taraġ imperjali.
U hekk inkun narak ukoll mingħajr nuċċali
b’għajnejja nudi sabiex xejn ma jaħrabli,
taħt xemx li qiegħda tnin
u taħbi u tostor magħha
xħin tmur tinħeba wara x-xefaq,
il-misteri u d-dnubiet ta’ matul il-jum.
Iżda din mhijiex l-aħħar tislima
fis-skiet inkanexxenti.
Din hija sinfonija ta’ ruħ li trid tinħall
minn kull irbit, ta’ kull ma tagħllmet
u mix-xkiel ta’ fejn sabet ruħha u ma min qed tagħmilha.
Din hija t-tila ta’ Penelope
li tinseġ ħjut iż-żmien u terġa’ tiftoq.
Jien għadni qed inbaħħar
fil-ħolm tal-oċean u l-miti,
u l’aqwa ħolma tiegħi tibqa’ dik
li għad hemm inti tistennieni.
Hemm int li ma tafx u ma tagħrafx
it-tul u t-toqol tal-assenza,
għaliex int wild l-allat li dakkruk
bl-imħabba eterna, l-imħabba li ma tmutx.
Int issa qiegħda tinsġ fuq it-tila
il-qerq tal pretenednti
il ġrajja umana tiegħek
biex imbagħad terġa’ tiftoq
u terġa’ tibda tinseġ.
Iżda jien, li nibqa’ għaddej nivvjaġġa
bejn Xilla u Karibdi,
bejn l-iskolji tal biża li se nfalli, is-sens tan-nostaġija
u x-xewqat li qatt ma twettqu,
bejn ġejjieni skonoxxut u l-periklu tas-seduzzjoni
għad nerġa’ lura għal ghandek
liebes ta’ tallab
biex ngħaddi miċ-ċensura
u minn kull prova li tagħmilli.

Alfred Grech
Dwejra 27/05/2018






Saturday 26 May 2018



Jien Ma Rridx Nikkonvinċik.

Jien ma rridx nikkonvinċik,
għax jiġi żmien li jiena stess
inbiddel il-verżjoni,
u inti li tinsab hemm fuq bħal kewkba
tirradja l-inkadexxenza vesprina
tistagħġeb u tiskanta għaliex
inkun inbdilt u sirt daqshekk efimeru.
Jien nitlob li inti tibqa’ hemm fuq kewkba rubina
turini t-triq tan-nebħa u ta l-ilwien
u tibqa’ tiddi bla mittiefsa,
Imqar jekk aħna t-tnejn nissimulaw
ġo did dinja, tal-falluti
u s-simulakri.

Alfred Grech
27/05/2018


Thursday 24 May 2018



Image result for jeus and the samaritana woman

Hawn Wisq Ankri.

Hawn wisq ankri fil bir tat-tifkiriet
biex nistgħu nerġgħu aħna ngħumu ħielsa,
għax int ridt tibqa’ hawnhekk fuq din il ħerża
inkullata mat-tmien ta’ dak li tara u li tisma’
u dak li jittrasmettu s-sensi kiebja,
u qatt ma trabbi l-ġwienaħ tar-rewwixta.
Jien ridt inbaħħar imqar lilhinn mix-xefaq,
lilhinn mill-eqreb għolja nkandxxenti,
biex nara fejn tassew hemm tarf id-dinja.
it-tarf li huwa wkoll il-preċipizzju
ta’ dak li qed naraw, immissu u nisimgħu.
Int ridtni nibqa’ hawnhekk ngħodd il-minuti
nissemma għall-kantaliena l’issa drajna
ta’ dik li int tgħidilha esperjenza
ta’ dik li int tgħidilha ferħ il-ħajja.
Iżda dik mhi xejn, bħal neta tagħtas,
faqqiha ta’ bużżirqa tas-sapun,
Imbagħad!Imbagħad xejn aktar.

Alfred Grech
25/05/2018



Image result for lonely nights

U Le Ma Kinetx Żejjda

U le ma kinetx żejjda,
ma kienet żejjda xejn.
ġie r-riħ u ntfiet ix-xema
Bqajna hawn biss aħna t-tnejn.

U le ma kienetx żejjda
dak kien biss inċident
li jiġri meta d-dgħajjsa
tintelaq mal-kurrent.

U bqajna hawn weħidna
fid-dlam tal-lejl u l-ksieħ,
infittxu l-baħħ tal-bieraħ
u l-fejjda minnufih.

Alfred Grech
24/05/2018


Wednesday 23 May 2018



Related image

M’Għandi Xejn Xi Ngħidlek Aktar

M’għandi xejn xi ngħidlek aktar,
u inqas ma ċċempel iktar aħjar.
Ħlejt wisq ħin nipprova nifhem
fuq liema skala trid tintona.
Tistaqsinix kif jien magħmul
għax jiena wkoll tad-demm u l-laħam
u dak li nfisser mhux bil-kliem
għaliex kull xħin nitkellem
niġbed lura nifs ir-rih u nerġa’ nonfħu,
u kull bewsa li nnewwillek
tqaxxarlek saħansitra l-ġilda.
Għalhekk tistaqsinix għaliex dufrejja twal
għaliex nigriflek imqar ruħek,
u meta tiġi biex tassew tħaddanni
tkun taf imbagħad min jien.

Alfred Grech
24/05/2018


Related image

Xi jfisser Dan Kollu.

X’ifisser kien għalik u għall allat t’olimpu
Dal ġiri kollu ndur bħal qisni kont drogat?
Warajk insus msaħħar bi sbuħitek
Dak  ġismek kien perfett, immakulat.

Xi jfissru dawn il-ħafna kutrumbajsi
Li inti u jien għamilna mqabbda ma xulxin
Iż-żmien li ħlejna f’ dil-kummiedja kollha
Fejn ser tispiċċa?  Bżieżaq mifqugħin.

Xi jfisser dan fi ħdan il-kalendarju
Tal-univers li għandu minn taż-żmien
Jekk xejn ma baqa’ minn dil-melodrama
Ħlief il-memorji li jindifnu magħna
U ż-żifna li żfinniha
Int u jien.

Alfred Grech
23/05/2018.

Related image

Ghax f’Daqqa t’Għajn Stajt Nara l-Univers.

Kif nistgħu nibqgħu aħna
marbutin bi ktajjen inviżibbli,
Int tgħid li tafni sew u li tifhimni
u jiena mank biss għadni naf x’irrid?

Kif nistgħu jiena u int inżomma ħajja
dil-fjamma tnin u tnemnem bħal musbieħ
u l-qbil li hemm bejnietna jista’ jibqa’
la jaf il-ktiba, u għandu minn tar-rih
misjuq mid-direzzjoni għamja tagħna t-tnejn?

Kif tista’ tneħħi l-biża li se tiżloq,
għax f’dawn l-inħawi għadek qatt ma ġejt,
kif ser nikkonvinċik b’hekk biss għad nistgħu
intiri bħal għasafar fuq il-bejt.

Kif nistgħu aħna naqbżu dan ix-xefaq
ta’ dak li nafu, mmissu jew naraw,
ta’ l-univers li mhu xejn għajr konfini,
ta’ dawn il-ħafna ġesti li ’ssa ndraw.

Hemm biss il-ħarsa tiegħek u t-tbissima,
Għax f’daqqa t’għajn stajt nara l-univers.

Alfred Grech
23/05/2018


Image result for knocking at your door


Ġejt Inħabbat.

Ġejt inħabbat il-bieb tiegħek
F’nofs ta’ lejl għax tagħni ġenn
U bdejt nagħmel kutrumbajzi
Forsi tiftaħġ, forsi tħenn.

Ridt narak u ridt inbusek,
Noqgħod ħdejk għal ftit tal-ħin.
Iżda bqajt ma ftaħtx int biebek
Nies iħarsu, għaddejjin.

Drabi oħra bħal sorpriża,
Kont nitfaċċa minn x’imkien,
Int sabiħa u attraenti,
Xħin tinħasad miskin jien.

Jiena lest li nibqa’ niġi
Taf li jiena kkumnplikat
U l-agħar ħaġa li tiġrili
Jekk inkun antiċipat.

Naf li bagħttni kemm il-darba
Mmur nixxejjer, mhux għalxejn,
Iżda fl-aħħar qabel jidlam
Qisu lanqas biss kien xejn.

Mhux xi raġel bih innifsu,
Inti trid jipperswadik,
Imma raġel illi jafek,
U li jħossu mimli bik.

Alfred Grech
23/05/2018



Tuesday 22 May 2018


Image result for beyond good and evil landscape

Ftit Hemm, Jekk Hemm.

Ftit hemm, jekk hemm, li jistgħu jifhmu
kif minn ġewwa l-ermitaġġ ta’ ruħ imnikkta
joħroġ is-skiet immakulat
fejn stajt issib it-tweġibiet
biex tagħaraf l-eżistenza.
Tispiċċa titfarrak fuq is-sikek
tal-ġenn immaġinarju.
Jien ridt inkun l-imgħallem mhux ta’ li ktibt
iżda li nkaxkar għal warajja l-ġemgħa
li daqet ftit mill-għasel trasfiguranti.
Għax xħin immorru lura
għad-dell ta’ dak li mhux
insibu t-triq it-tajba lil hinn minn dak it-tajjeb
li lilna kienu jagħllmu
lilhinn mit-tajjeb u l-ħażin
il-ħelsien minn dawk l-iħirsa
bħad-dellijiet li għadna nfittxu.
Kif tista qatt tistaħba minn dik ix-xemx
li qatt ma tinżel,
inkella taqta’ qalbek ta kull darba li jgidulek
li xagħarek hu magħdud
jekk int trid tibqa’ tħallat
l-eternita’ max-xejn?
U toqgħod ta’ kull darba taqbeż it-tfixkil
li mhuma xejn għajr barrikati?
Jew inkella titfixkel f’kobba mħabba li t-truf tagħha
huma xejn għaj il-kontradizzjoni?
Xħin tibda tiela’ t-taraġ
issib li żlaqt mill-ġdid,
il-mira tispiċċalek u t-tweġiba ma ssibiex.
Jien ġejt infittex bħalek u bħalek ma sibtiex
hawn kienet kemm il-darba
is-saltna tas-smewwiet imm’issa għalxein
għax issa għebet jew għad trid terġa’ tiġi.
Imbagħad jekk terġa’ tiġi u tgħidli ma jiswiex
ifisser minn dan kollu
int għadek ma fhimt xejn.

Alfred Grech
22/05/2018






Dil-Ħmerija Qatt ma Ġrat.

Fuq kull naħħa fl-emisfera
Ma kontx jiena li ffissajt
Titla’ x-xemx u terġa tinżel
Bdejt ngħid dak li qatt ma rajt.

Fuq kull werqa tal-ħaxixa
Bħalma jagħmel ċentupied
Bdejt nitmattar u nixxabbat
Kienet ġrajja li ħalliet

l-effett tagħha profezija,
Kif ħarbattha b’nofs tal-kliem
Bdew jitramblu qishom blalen
Iktar beda jgħaddi ż-żmien.

Kwiekeb kbar u kwiekeb ċkejkna,
Nofs id-dinja ma fehmitx
Ir-raġuni kienet waħda
Lin-nofs l-ieħor ma ħamlitx.

L-univers għajjien f’ħidmiethu
Bqajt għaddej inkiss inkiss,
Stajt nintebaħ bl-ispettaklu
Jew ġibt ruħi kif imiss.

Bħal taż-żibeġ, tar-rubini
Infilati fiż-żernieq
Fuq il-labar filgħaxija
Sibt l-immensita’ tad-dieq.

U stajt ngħasar l-aħħar naqra
L-aħħar qtar ikkunsagrat,
Purċissjoni b’serbut nemel,
Dil-ħmerija kif qatt ġrat?

Alfred Grech
25/05/2018

Monday 21 May 2018




IL-LEJLA ĠEJT INFITTXEK.

Il-lejla ġejt infittxek qalb il weraq u l-ħuxlief
paralizzanti fid-dawl tal-għabex
u naf li jekk tassew insibek, bil wisq inkun nissogra.
Il-lejla ġejt infittxek kontra l-fewġa
li tilgħab ma ħuġbejja u qalb is-siġar,
treżżaħna daqs li kienet fewġet il grigal.
Iżda lilek ma sibtekx ja kewkba siekta
li  tfeġġ kull meta trid fit-tard ta’ jum bla fejda
tisfida s-skiet ta’ vespri antikwati.
Illum intlift ma mewġ il-baħar qawwi
fil-qilla ta’ ġo sidri għax lilek ma lmaħtekx.
Imqar fis-skiet tax-xejn tal-ubbidjenża
fejn soltu tkun tistaħba biex taħsadni
u tneħħili dan it-toqol ta’ jum inutli ieħor
lilek ma sibtekx u stennejt bħal riħ ivenven
jerġa’ jqajjem dawk l-iħirsa tal-imgħoddi
midfuna fis-sepolkri li minn fuqhom
ngħaddu ta’ kulljum.
Bqajt ma ġejtx, u jien bħal werżieq disaapuntat
erġajt lura ħalli nagħmel tewba ġdida biex ix-xewqa
li xi darba għad tirxoxta issir notturn ieħor.
Jien naf li l-ġonna ta’ Mejju mhumiex tassew mimlija ward
għaliex bħali hawn bil bosta li qed jemmnu
fil-magħmul ta’ Mejju mirjieħ.

Alfred Grech
21/05/2018

Sunday 20 May 2018


Image result for man on crutches


Nistaqsu.

Nistaqsu lil xulxin jekk għadniex
inħossuna xxurtjati li qiegħdin
nitwieżnu b’dawn il krozzi inużwali
tas-sistema nkella hijiex din is-sistema
li nessietna kif nieqfu aħna stess u weħidna fuq saqajna
jew għax drajna dawn il-krozzi tal-għażżiena
u bil-bsaten li juruna bħal nies għomja
fejn immorru għax għalmuni li bill-krozzi
u bil-bsaten biss insibu t-triq it-tajba.

Nistaqsu  jekk hawnhekk wasalniex fejn kellna naslu
jew jekk b’xi skerz tad-div’nita’
dorna dawra kantuniera minflok oħra
u sibna ruħna fi triqat f’universi parallelli.

Nistaqsu jekk il-mod li bih għallmuna
kienx il-mod li bih jassruna
kienx il-mod li bil-kappestru li libbsuna
rajna ’l-bogħod u rajnja sewwa mbagħad intbaħna
li din żenga ta’ bla ħruġ.

Nistaqsu lilna nfusna jekk fid-dwejjaq tal-miżerja
hemmx il-ħalfa li xi darba għad neħilsu mill-imgħoddi
li jtaqqalna li xi darba se jfejjaqna  mil gerħat
u t-tbenġiliet ta’ ħejjieni li bil-frosta qed isuqna
flok immutu mewta kiesha tal-assenti
fl-affluwenza tad-distopja.

Nistaqsu lilna nfusna jekk għandniex
ukoll nistaqsu f’ ta’ kuljum hemm l-immanenza
ta’ kuljum il-konswetudni hemm in nibta tar-ribelli li hu jien
u hija inti ghax fil-bogħod li hemm bejnietna hemm il-baħħ
tal-univers li ma kienx u hemm il-muta ta’ kull wieħed
u kull waħda li ma jafx u ma jifhimx.

Nistaqsu lilna nfusna jekk il-fond tal-qiegħ ta’ ruħna
hemmx il weġgħa li tirbombja jew viżjoni okulari
esperjenza awrikolari  ta’ li jiġi u jirrifletti u jirbombja
ġewwa s-skiet li hemm ġo fina
resonanza li tispiċċa toħloq dinja
ta’ li tara u li tisma’.

Alfred Grech
20/05/2018

Saturday 19 May 2018






Min Se Jwaqqaf Din il-Pinna?

Min se jwaqqaf din il-pinna
Min se jwaqqaf dawn il-vrus,
Min se joħnoq dina l-għanja
Jew iħarbex dawn il-ħżuż?

Taċ-ċensura? L-injoranti?
Imħallfin ma jifhmu f’xejn?
Min se jagħmel is-sarima,
L-issikkar, għaliex? Għalfejn?

Kemm il muża ġejja l-lejla?
Il-kitarra ma taqtax,
Jien intambar u niżvoga
Nibqa’ mtarrax, ma narax.

Għal min jaf irabbi l-ġwienaħ,
M’hemmx fruntieri u mħemmx ħitan,
Jibqa’ jogħla, jibqa’ jidwi
Sa ma jkeċċi mqar xitan.

Lilek ngħanni u nerġa’ nikteb
Lilek ngħanni għax taf kif tmur
Int li bħali drajt ir-ritmi
U taf tbiddel il-kulur.

U taf togħla, tmiss il kwiekeb,
Terġa tinżel tmiss il-qiegħ,
Ħadd ma jdejjqek, ħadd ma jżommok
Terġa’ togħla minnufih.

Ejja miegħi, min se jżommna,
Min se jqasqas il-ġwenħajn?
Dawk li baqgġu hemm iseksku?
Dawk fil-qatta’ ma l-oħrajn?

Ejja miegħi f’din il-firxa
Taħt is-sema kull kulur
 Jista’ jkun li qatt ma naslu,
Imma d-dinja tibqa’ ddur.

Hawn qiegħdin fl-istratosfera,
u tistaħba ma tistax,
l-arja rqiqa, l-għanja tidwi
Poeżija ma taqtax.

Alfred Grech
12/05/2018