Sunday 31 December 2017



Nagħlqu L-Bieb.

U nagħlqu l-bieb għal dan ir-repertorju
ta’ taqlibiet ta’ dak li nħass tassew biex jibqgħu biss  
l-effervexxenza ta’ ragħwa u bżiezeq jibbrillaw
u jfaqqgħu f’wiċċċ it-tazzi tax-xampanja.
Irridu nibqgħu għaddejjin f’dal-vjaġġ bla ritmu
sakemm insibu l-oasi li jmiss
jew l-istazzjon tal-ferrovija
u ngħoddsu t-tnejn mill-ġdid fil-baħar tal misteri
biex niġbru l-frott li jixirqilna.
Int oqgħod hawn stenieni fuq dil-blata
għax jien għad niġi ħdejk bil-qabda l-kbira,
Jien nerġa’ nduq tingiż is-sensazzjoni
u int tnewwili l-platt taz-zalza taħraq.
Għalina jista’ jinżel għal darb’oħra
tas-sena li għaddiet separju ieħor
biex fuq il-friex tal ferħ u s-sagrifiċċju
nindifnu mal katarvri ta’ ħajjitna.

Alfred Grech
31/12/2017



Thursday 28 December 2017



Ċpar.

Il-lejla waqa’ ċ-ċpar tad-dnub bejnietna,
Xħin tistedinni bdejt biex nidħol aktar
Il-ġewwa qalb il ħmura ta’ fl-għaxija,
Fejn hemm il qtigh in-nifs tal-għera t’għada.
Int xtaqtni wkoll nintilef fil-misteri
U d-dubbji li tħallili r-rima tiegħek,
Duħħan li jġorr ir-riħa tal-passsjoni
Duħħan l-irdum fit-tarf ta’ xifer minsi.
Ma jiġri xejn jekk nidħol għal darb’oħra
fix-xejn tas-sensazzjoni u l-irtubija.
Il-molla li tikkarga ragħad u beraq
Hi terremot lilhinn mix-xefaq tiegħi.
Kull meta tgħid li mqar trid tisma’ leħni
Inħossni tiela’ l-fuq u nieżek l-isfel
fl-intensit’ tiddennes fiċ-ċpar tiegħek.

Alfred Grech

29/12/2017

Joħolmu L-Ippopotami.

Joħolmu l-ippopotami u jinżlu jirgħu l-anġli
F’din l-għadira t’ilma qiegħed
Fejn int u jien noqgħodu nirriflettu
X-xbieha antika taghna stess
U nitpaxxew b’dak li naraw
Inkella bli jgħidulna dawk li jindukrawna.

Bħal ward ilellexqrib it-tarf
Mnejn jgħaddi l-ilma rifreskanti
Noqgħodu nishru f’dan il-wied tat-tempji
U mbagħad nitħassru lilna nfusna jew nitħassbu
Fuq il-misteri katalogati.

Bħal kewkba inti tpetpet u lanqas trid titħarrek.

Xi minn daqqiet ibillu griżmejhom iċ-ċentawri
Li jitfaċċaw mill-boskijiet mudlama
Biex jagħllmuna kif infiequ
Mill-weġgħa ta’ kulljum,
Inkella nagħarfu ngħixu biha
U b’hekk insiru għorrief inkella mitoloġiċi
Wisq iktar milli aħna.

U xorta waħda jitfaċċaw il-kukkudrilli
Lesti jibilgħu il-ħrejjef li jħarrfu dawk tas-setgħa
U għax aħna mansi fi drawwietna u f-dak li nemmnu
Jiċċirkundawna biex nidħlu aħna wkoll fil-merħla tagħhom.

Wara dawk il-par għajnejn u l-par xofftejn
Mhemm xejn, hemm univers mistur.
Jien ridt inkun bħal warda li tiċċassa
Imsammar maż-żegliga li tiżżegleg
kull meta lejja tersaq
b’xufftejk imbexxqa.

Alfred Grech

28/12/2017

Wednesday 27 December 2017



135.

Ħajjartek biex flimkien inkebbsu l-fjamma.
Int għedtli li hawnhekk kullħadd ikebbes
In-nar tiegħu. Il-ksieħ jiffriża kollox,
U jmewwet it-tamiet ta’ bosk iħaddar.
Illum erġajt ilmaħt ix-xbieha tiegħek
U deherli li sirt isbaħ minn kif nafek,
Minn meta mort staħbejt fiċ-ċpar tal-għada,
Bdejt tgħib qalb id-duħħan ta’ li staqsejtni.
Kont għedt jien raġel stramb u jien ħassejtni
Qed negħereq fid-dagħbien li hemm fil-mera.
Imbagħad ġejt wiċċ imb’wiċċ mal-fehema tiegħek,
U sibt il-qiegħ, sibt qiegħ fond aktar minnu.
Fil-bogħod li hemm bejnietna x’seta’ nbidel?
Hux int, inkella l-mod kif bdejt inħares.

Alfred Grech

27/12/2017

Tuesday 26 December 2017



Ilni Nħossni Hekk.

Ilni ma nħossni hekk imdendel
fil-vakwum ta’ moħħ jegħereq fil kranju mdallam
fil-labirint tal-iqsar ġranet, fil-festa tad-dawl,
fit-twelid mill-ġdid tal-innoċenza
ninħela ta’ kuljum fil-logħoba eċċitanti tal-kotra,
u l-ġiri sabiex ngħix in-narrativa biex ninsa lili nnifsi.
Imma issa f’dan iż-żmien ta’ ħemda u riflessjoni
tqum weħida l-mistoqsija
għaliex bilfors irrid inkejjel is-sħab tas-sema
inkella ngħum fix-xmara tas-silenzji u tal-istorbju
noħloq il-ħrejjef tat-tfulija
u ntenni għall-darb’oħra grajjiet qodma
u nsir jien ukoll attur u wieħed mill-udjenza f’daqqa.
Did-darba ma rridx li nkun jien wieħed minnhom
li jidħqu meta jiġi min iħarref ħrara differenti
jibdew jgħadduh biż-żmien għax din hi t-tajba
u jinsew li l-ħrafa tagħhom trid titwemmen
bħal kull ħrafa oħra.
Le aħna wkoll irridu mmissu s-sema
nitilgħu fuq olimpu
inkella waqt xi xena skonsolanti
jidhrilna l-anġlu ġiegħalina
biex jagħtina l-bxara t-tajba.

Alfred Grech
26/12/2017




Jekk Jien Ma Ntikx Il-Bixra.

Jekk jien ma ntikx dil-bixra,
Ma tista’ tidher qatt
U ħsiebi jibqa’ sejjer
Ma kull ma jkun inħatt.

Int tibqa’ tgħidli u tgħidli,
U jien ma nitkellimx
Nisimgħek bil-paċenzja,
Il-kbira, għax ma nifhimx.

Jien laqnas biss baqgħali
Kliem x’ngħidlek, immutajt,
Biss noqgħod hawn nisimgħek,
Biex ma tgħidx li skartajt,

Mintix tinftiehem lanqas,
Fin-naħħa ta’ dan il-wied,
Dallamtli l-ħsieb ta’ moħħi,
Imlejtli qalbi swied.

Illum mintix tifhimni
Imm’għada aktarx li tqum
Mid-dlam tal-inkoxxjenza,
Tintebaħ bla ma ddum.

U tinsa’ n-narrattiva,
U tinsa t-tixbiħat,
Titpaxxa bla ma tindem,
Fuq l-għolja tal-allat.

Alfred Grech
26/12/2017


Sunday 24 December 2017



Kull Meta Taqa’ Fuqi.

Kull meta taqa’ fuqi,
dil ħemda filgħaxija,
inħossni qed fil-limbu,
ninġarr fl-anestesija.

Intir fuq sħaba bajda,
intir il-fuq fis-sema,
u nisma’ mewġ il-baħar
u r-ragħġwa qed jinġema’.

U  nħossha fuq ilsieni,
it-togħoma ta’ li baqa’,
u nħossni qiegħed miexi
fuq xifer bla ma naqa’.

Qed ngħix għal dil-ġurnata,
mingħajr  ma jasal għada,
u lanqas ngħodd il-bieraħ
u ninsa’ ż-żmien li għadda.

Kull meta taqa’ fuqi
Il-ħemda ta’ f’l-għaxija,
inħoss li qed ngħix issa,
qed ngħix, mija fil-mija.

Alfred Grech
24/12/2107.


Saturday 23 December 2017



Jien Nafek Fit-Tempesti.

Jien nafek fit-tempesti
Fil-ġiri ta’ kuljum,
Inkella fis-sorpriża
Li tiġi bla ma ddum.

Mil-kliem li lanqas tlissen
Kull meta missek ġejt
Kull meta tieqaf, tiskot,
U tkompli fejn ħallejt.

Sirt nafek qalb il-folla
Inkella f’nofs il-fil
Ta bejn id-dawl u d-dalma
Fil-bidu ta’ lejl tqil.

Fil-ħin li jrid jiskappa
Difrejn il-jum u l-lejl,
Għarwiena, kollok dubbji
Fil-fond ta’ qiegħ bla kejl.

Hemmhekk fl-imħabba tiegħek
Hemmhekk fejn ma tarx
Hemmhekk fejn lanqas tisma
Tkun trid u ma tistax.

Alfred Grech

23/12/2017

Friday 22 December 2017



M’hemmx Agħar Minn Din il-Kesħa.

M’hemmx agħar minn din il-kesħa,
Il-kesħa ta’ ġol-qlub,
Il-ħemda sfat mifruxa
U tolqot bil-maqlub.

M’hemmx aktar fejn tmur tista’,
Lil hinn minn dan iċ-ċint,
Għax waslet sa qiegħ ruħi
Imqar jekk ma tkunx int.

Waqajna t-tnejn fil-muta,
Inħarsu lejn xulxin,
Fil-muta ta’ bla kelma
Għarwiena w imkebbin.

Kull darba li niltaqgħu
Inħarsu lejn xulxin,
Int lili sewwa tifli
U nibqgħu għaddejjin.

Alfred Grech

22/12/2017

Thursday 21 December 2017



Eternita’.
Int bħall-eternita’ fix-xejn ta’ lejla,
Gwardjana solitarja ta’ dat-tempju,
Bdejt tfesfes is-sigrieti ġo widnejja
Fud-dlam tal-lejl kull moħba saret xempju.

Erġajna sibna abbiss ta’ sofferenza,
Eternita’ ma wiċċna tilluppjana,
Eternita’ fiż-żwieġ tax-xemx mal-baħar
Eternita’ f’kull waqt li huwa tagħna.

Alfred Grech

21/12/2017

Wednesday 20 December 2017



X’Gejt Infittex f’dil-Maxtura.

X’ġejt infittex f’dil-maxtura?
Ġejt infittex ma nafx xhiex,
Ġejt infittex lit-tarbija,
Lit-tarbija ma sibtiex.

Hawn ix-xejxi, hawn il-fidda,
Hawn id-deheb u hawn l-ilwien,
Hawn id-dawl  u mhux idawwal,
Xewqat sbieħ ma kullimkien.

Ġejt infittex ħafna ħwejjeġ,
Ġejt infittex ma nafx xhiex,
Ġejt inħaffer fil-baħħ tiegħi,
Dak li jien, dak li miniex.

Li stajt kont u li baqgħali,
It-trehid tal-univers,
Biex inqabblu mal-polz tiegħi,
Insir naf kemm jien divers.

X’ġejt infittex f’dil-maxtura?
Li kont nagħmel fis ħallejt,
Ġejt hawnhekk infittex l-hena,
Jew ma nafx hawn għalfejn ġejt.

Alfred Grech

21/12/2012

Tkellimni d-Dehera Tiegħek.

Tkellimni d-dehera tiegħek
Tkellimni b’mod distint,
Il-par għajnejn li jinfdu
U kollok int kemm int.

Il-forma, t-tondjaturi
It-tul u l-wisa’ strett,
M’hemmx żejjed lanqas nieqes
Għax kollox hu perfett.

Int wild l-allat t’olimpu
U tqawwi ferħ ir-ruħ,
Int friska fl-armonija,
Qalb ġnien ta’ ward ifuħ.

Min int qatt mhu se tgħidli
Intix ħolqien il-għatx,
Inkella fissazzjoni
X’ħin ġejt għalik ma bagħattx.

Imbagħad tissorprendini
Titfaċċa minn x’imkien
Taħsadni u lanqas nibqa’
F’sensija u naf min jien.

Laqtitni d-dehera tiegħek
Għalkemm bqajt ma nafekx
Ninnamra ma sbuħitek
Imqar jekk ma nilħqekx.

Int biss is-simetrija
Tal-qalba tagħtti x-xtur
Inkella simulakru
Li jqarraq b’kull ma jmur.

U bdiltek ma kull waħda,
Naħsibha li tkun int,
Din biss hi fissazzjoni,
Ma nafx jekk iġġennintx.

Alfred Grech

20/12/2017


Avvent.

Kulħadd jistenna qiegħed
Min jaf x’inhu jistenna?
Imma jistenna,
Għax ħadd mhu qed bi kwietu.

Jien illum nistenna t-tmiem
Għax wara t-tmiem ma jibqa’ xejn.
Hu l-milja ta’ dak kollu li ġie qabel
U warajħ tistenna xejn.

Jien illum nistenna t-tmiem
Għax warajħ hemm biss il-baħħ
Il-baħħ mistur li hemm ġo fija,
Il-baħħ tal-qiegħ li huwa jien.

Alfred Grech

20/12/2017

Tuesday 19 December 2017



Webbiltni U Ma Tiġix.

Imqarr jekk jibnu t-torrti ta’ babel
Wiċċek ma jisfreġjawħx,
Għax nerġa’ niġi hawn f’dir-roqgħa  art għammiela
Li tibqa’ tħaddar bl-għaks tal-arja mniġġsa
Biex fiha nerġa’ nħoss il-ħerqa tal-istennija.
Dan hu Milied li rrid jien ngħix
Għal dak li jrid jitfaċċa.
Hawnhekk iddur iddur madwarek
Inkella miegħek stess
U tara x-xefaq bla konfini,
Pjaneta fl-oċean tal-konswetudni.
Ninħaraq jekk webbiltni u ma tiġix
U jista’ jkun ukoll li hekk jaqbilli
Għax fl-aħħar nista’ nisma’
l-għana tal-anġli, jew leħen is-skiet.
U jekk ma tiżboħx is-siġra bi ftit dwejjaq
Il-ferħa lanqas ma jiswa’

Alfred Grech
19/12/2017

Monday 18 December 2017



Imewweġ Il-Baħar.

Imewweġ il baħar f’għajnejk
u dik ir-ragħwa li tiżbroffa
hija l-kelma ta’ qilla ridt tgħidli.
Ir-raxx ma wiċċek jikteb sinfonija
ta’ lwien kristallizzat fuq il-qawsalla ta’ħaddejk,
imbagħad taraħ qed jiskot.
Kull meta jitla’ l-ajru jien nistaħba
sa meta terġa’ tiġi ħdejja tistaqsini:
X’ġara?
Ma jkun ġara xejn
għajr li ħin bla waqt tkun ġiet buffura
u jiena ma bqajtx aktar naf min inti.

Alfred Grech

19/12/2017


Int Bħali Donnok Tilgħab.

Int bħali donnok tilgħab
Bl-ispazji trasparenti
Fid-dawl ta’ qamar kiebi
Fuq bjut inkandexxenti.

U bħali tħoss kull wesgħa
Qed titlef il-konfini,
U moħħi jibda jgħidli
B’kull xrara li tiġini.

U nħossok li qed tara
U tħares ġewwa fija
U taf dak li qed naħseb,
Kull xewqa tiġri bija.

U nħossok qed titbiegħed
U terġa’ tiġi lura
Kull darba trid tfakkarni
Is-sens ta’ kull figura.

Is-sens tal-eżistenza,
Bħal min kien qed jistenna
Bla waqt, bla ħin, il-fehma
Bħal min irid jithenna.


Alfred Grech 18/12/2017

Sunday 17 December 2017



Il-Ħrafa li għext Jiena.

Din tiftixa għal ħaġa li mhix hemm
tqanqil ta’ dak il-ħin
bħal-logħob tan-nar ta’nhar il-festa
bl-irdieden iduri ġigġifogu
jistednuk għal kutrumbajsi ta’ ħmar il-lejl.
Din tifsila li ntraċċjajtha għall-kemm il-darba
il-molla li tiskatta l-għatx ta’ dak il-ħin
imbagħad tintreħa.
Jien ma xtaqt qatt nidħol f’dawn l-isqaqien
imm’issa li sibtuni
kxift idejja
jew nidħol fil mogħodija mballta
bil-passi tagħkom
u ta’ dawk li ġew qabilkom.
L-aħħar ħrafa li kelli nirrakkonta
kienet il-ħrafa li għext jiena.

Alfred Grech

17/12/2017.

Saturday 16 December 2017



Imissek Kont Taf.

Imissek kont taf li ma kienx hemm xaba’
Jew hena xħin jinżel is-separju
U tkun ħlejt sal-inqas qatra
Tal-ħeġġa li kellek.
Mintix kuntent bir-riżultat
U stajt minn qabel ma twebbilt
Kont tafli din hi ġrajja wisq tixxiebaħ;
Li dal-perkors kien biss ta’ dak il-ħin.
Imissek kont taf li din hi ġirja għalxejn,
Kienet immirata lejn tmiem li ma kienx hemm,
Bersall evanexxenti.
Għariba, għariba wisq din it-tagħlima,
Dis-sensazzjoni f’dan l-eklissi li xejn ma jagħtti.
Issa qalbek sewda, ballun mifquh
Ma dawk li marru jfittxi
Ikona li mhix hemm,
Issa issib rih sħun qed jonfoħ fi qlugħ mitluqa,
Biex forsi titlaq tiġri.

Alfred Grech

16/12/2017