Thursday 31 October 2019


Image result for boy running after butterflies

Kont.

Kont inħossni nitmermer mat-tinwieħ tar-riħ
U l-mormoriju tal-għasafar
Xħin ma nżul ix-xema jinħbew
l-aħħar xrar ta’ tama li dan il-jum
għad jista’ jfisser xi ħaġa aktar
minn dak ta’ qablu
inkella xi ħaġ’oħra minn aljenazzjoni
miġbura fil-kapsula taż-żmien
għaliex ma sibt xejn għajr
il-frugħa u l-ġiri wara r-riħ
biex ninsa’ lili nnifsi.
Tista’ tkun ukoll ix-xewqa li nitla’
Sal-quċċata għaliex mingħajr l-imbuttaturi
Aktarx li nibqa’ kont niġġerra
Qalb l-għelieqi wara l-friefet
Fl-evanerxxexxenza tal-ġenna tal-art.

Alfred Grech
31/10/2019


Tuesday 29 October 2019



Image result for icarus wings were made of

Imbagħad Nixjieħu Bdejna.

Imbagħad nixjieħu bdejna
u qatt m’għamilna kont
tal-ħin li sadattant kien jibqa’ għaddej
mingħajr ma ntbaħna
li t-tifkiriet li mbagħad insejna
qatt ma stajn nġorru magħna.

Iż-żmien kien jibqa’ għaddej,
imqar jekk qatt ma ltqajna
fl-istess waqt u fl-istess post
biex naqsmu kull burdata.

Imbagħad bdejna nixjieħu,
iżda jien ma ridtx nixjieħ
u għalhekk għadni nagħmel
dawk it-titjiriet bil-ġwienaħ
tar-tix u tax-xema’
sabiex nisfida x-xemx.

Alfred Grech
29/10/2019.


Sunday 27 October 2019

Image result for reaching out for higher things


Liturġija.

Jien li kont naqrak qed nogħodos
ta’ kuljum fl-ilma ċar ta’ din-nixxiegħa,
dil-liturġija ta’ min irid itejjeb
lilu nnifsu biex noqgħod ta’ kuljum
indur il-parabboli fuq paġna waħda
tal-ktieb miftuħ sakemm insib id-dlam
tas-sotterran ta’ ġewwa fija
ngħum fejn ma jilħaqlix
imbagħad itir ix-xrar illuminat
u nisma’ t-tifsir kollu
ta’ dak li qegħeda tgħidli.
Imbagħad jingħalaq jerġa’ l-ktieb.
Aħna konna biċċa miż-żmien li għadda,
iż-żifna stess li żfinna mingħajr ma ntbaħna,
kurrent fix-xmara li qatt ma tasal
sal-oċean,
il-misraħ li sibna ruħna fih,
il-mewġ li tefgħana fuq ix-xtajta
fejn issa nistgħu ngħidu tabilħaqq
li tassew weħidna
nikkuntemplaw l-isolament tar-ramel.
Hawnhekk stajna naraw ukoll
inżul ix-xemx u l-għabex tal-allat.
Għaliex m’aħniex se nsibu mod
kif ngħidu li din it-triq li kellna nterrqu
u l-qtar tax-xema fuq il-ġilda
mhux sejjer jaħraq ir-rieda
li nibqgħu għaddejjin

Alfred Grech
27/10/2019.

Friday 25 October 2019


Image result for Magistrate Paul Coppini

LIL PAUL COPPINI
Fl-okkazzjoni tal-irtirar minn Magistrat Ghal Ghawdex

Tal-haqq u d-dritt int kont l-epitomija
Tal-kalma u tal-pacenzja li hadt bina
Bis-sens tal-ewkilibriju u tjubija
Fl-istudju tal-gudizzju u tad-duttrina

Mix-xoghol ta’ gudikant illum se thalli
U tibda thares lura lejn hidmietek
Matul is-snin bir-reqqa bla ma tfalli
U sod u dritt f’ghajnejn in-nies li flietek

Ghax bqajt ghaddej hidmiet mhix minsija
Ghalkemm ghal genb minghajr elevazzjoni
Warajk gharfien se thalli mhux bhal bqija
Pass wara pass minghajr ezultazzjoni

U min jafek sew, jew ghandu ftit valuri
Bhali jistqarr, li int spiccajt bl-unuri


Alfred Grech

Tuesday 22 October 2019



Image result for presidio modelo

Dari Kienet.

Dari kienet li trid tagħmel kollox sew
u tidħol fil-filliera
għax Alla jara kollox
saħansitra jaqra l-qlub
Dari kienet il-kuxxjenza
tordna r-ritmi tal-qalb tħabbat.
Iżd’issa Alla nħeba wara sħaba
u llum sar hemm xi ħadd
jittawwal minn wara l-persjani
li dejjem jibqa’ moħbi.
Xi tallab jgħid li hekk aħjar
għall-ġid tal-poplu kollu
sabiex jinqatgħu d-dnubiet
minn wiċċ id-dinja.
U dak ta’ wara l-kwinti bellagħhielna
li hekk meħtieġ għal ġid ta’ kull maħluq.

Alfred Grech
23/10/2019.

Monday 21 October 2019




Image result for the pool of Siloam

Xi Minn Daqqiet.

Xi minn daqqiet jien ngħir għalikom
li tmorru fit-tempju darba fil-ġimgħa
tinħaslu mill-ħmieġ kollu u mill-lanżit
u ttellgħu l-offerta fuq il-mitbaħ.
Inħossni eżultat
inħossni eżaltat.
Xi minn daqqiet jien ngħir għalikom
ħerġin mas-sieħeb jew mas-sieħba
liebsin l-ilbies ta’ nhar ta’ Ħadd.
Xi minn daqqiet jien ridt ninħasel bħalkom
fl-għadira ta’ Siloam
iżd’ebda anġlu  ma mbuttani.
Jekk nitgħammed bil-magħmudija tax-xewqat
xi darba għad insir ħieles.
Iżda  s’issa għadni dgħajjef
u għalhekk bdejt nimxi kura
infittex lili nnifsi

Alfred Grech
22.10.2010

Saturday 19 October 2019


Image result for big bang theory physics

Mnejn Sa Fejn.

Jiswa’ wisq daż-żmien li ma nafux fejn aħna
jiswa’ wisq dal waqt li qatt ma jgħaddi
għax din hi fraka oħra
li tgerrem is-susa sa ma tasal
in-naħħa l-oħra
u aħna li dorna għal kemm il-darba dan il-globu
ma jimpurtax li nduru dawra oħra
u saħansitra ntbaħna
li l-globu kien kien battal minn ġewwa
u jirbombja.
Għalhekk bdejna nitħassbu
jekk tassew kienx ta’ min jemmen
inkella jekk hux kollox kien mistħajjel
u għadna qed noħolmu.
Ikun eħfef jekk kollox kien miżjud
bħal meta tilbes par imsielet u tiddandan
għax l-infinit la jagħraf ħin u lanqas spazju
u tibda’ tistaqsi dak kollu
mnejn sa fejn.

Alfred Grech
19/10/2019.



Image result for prophets of doom

Dawn Huma Vrus.

Dan huma vrus indeċifrabbli
Hekk qalu huma xħin ġew jimmitazzaw
It-tmiem efimeru ta ġrajjiethom
Għax messew li l-qiegħ ta’ dak kollu
Li kien hemm u li qiegħdin jgħidu
Ma kienx biżżejjed.

Lilna ttimbrawna profeti tal-aħħar żminijiet
U b’hekk ħolqu ċirku vizzju li fih
Innafraga kullħadd.
U b’hekk ħolqu alla ġdid
Tabernaklu tad-deheb u l-ġawhar
Li quddiemu setgħu jinżlu għarkubtejhom
Xħin ħassew li kollox kien mistħajjel.

B’hekk issa kull meta
Maż-żernieq is-serduq jitlef leħnu
Jibdew iwerżqu l-ilsira u bit-taħbit tagħħhom
Jqajjmu lil kullħadd,
llsira dawn li bihom inqdew biex ikomplu jħarrbtu
dak li kien baqa’ mis-sbuħija
ta’ dn l-art ħelwa,
l-omm li tagħna isimha.

Alfred Grech
19/10/2019

Thursday 17 October 2019


Image result for night dance

Qasira Din I-Żifna.

U hekk nibqħu nirkbu l-imwieġ
Bħal meta konna iżgħar
U nibqgħu niżfnu dik iż-żifna
Imqar jekk daħal il-lejl sewwa.

Hemm min mank biss qed jemmen
Li għadda daż-żmien kollu
Hemm min ma jridx jiblagħha
Li għad jinqata’ l-ħabel.

li ġewwa din il-bitħa
nippasssiġġaw filliera
induru u nerġgħu lura
kull darba nagħmlu ċirku

Qasira din iż-żifna
Li tiżfen fuq is-sħaba
Għax bħala l-emozzjoni
Fix-xrara li titkebbes
U tindifen.

Alfred Grech
17/10/2019