Sunday 30 September 2018


Related image

MWEJJEĠ AĦNA.

Ngħumu f’wiċċ k-ilma
mal-mewġ li jġorrna . . .
sa xfar ix-xefaq
biex ninsew mnejn tlaqna,
ninsew il-mewġ tal-bieraħ,
ninsew aħna min aħna.

Mwejjġiet aħna,
tqanqil ir-riħ li jnsessi,
taż-żiffa li tonfoħ mill-punent
u ġġib in-nixfa.
Sħaba ta’ weraq niexef
f’waqtiet ta’ ferħ u ta’ tbatija
nittajjru mal-għabra,
ninkinsu mill-buffuri,
ninbarrmu fl-uragani
t’għajru mħawad.

Alfred Grech
30/09/2018

Thursday 27 September 2018


Image result for hair in the wind

Ir-Riħ Inewwaħ.


Ir-riħ inewwaħ
u jiena nħossni li qed naqta’ nifsi.

Mhux ir-riħ li jħabbel xagħari
(kull tisbita tqajjimni min nagħas),
iżda ċ-ċafċif jinsab fil-wiċċ
u l-bir tar-ruħ bla qiegħ.

Ir-riħ inewwaħ
u miegħu ningħi jien
bħal ruħ li ħarġet mill-ġisem
u tilfet it-triq,
tilfet in-niċċa tagħha
qalb dawn l-irwiefen.

Dawn huma s-sireni
waqt ħbit ta’ attakk mill-għajru
iħabbru l-aħħar tad-dinja.

Alfred Grecg
28/09/2018


Wednesday 26 September 2018


Image result for building db group

L-Oxxenita’.

Fl-aħħar sabu ż-żejt jew il-minjieri tad-deheb
Huma li draw iħarrku d-dras tal-ingranaġġ
U tal-inerzja
Ipejjpu d-dlam supra statali supra naturali
Jikkontemplaw l-asppartamenti tal-miljuni
Li jinbiegħu fuq il-pjanta virtwali ta’ din l-art ħelwa
l-Omm li tagħtna isimha,
bil-miljuni tal-miljuni imferrxa u ma jistħux
biex jiftaħru li n-negozju qiegħed jikber
mal-investiment u mal-ekonomija.
Aħna nippublikaw il-poeżija oxxena
Fuq il-bibien u twieqi tal-irjus
Imbagħad nistaħbew fil-kmamar imnaqqxa
Bl-umdita xħin huma joħorġu flushom bil-gżuż
Fil-bramel taż-żibel
Bl-ilbies ta’ taħt imtabba
U noqgħodu nisimgħu il-leħen
Tal-biża u tat-terrur li jinfed il-ħitan taċ-ċelel.
Hekk huwa l-ġejjieni ta’ nazzjon mgħedi fit-tenessija
Tal-aljenazzjoni u l-affluwenza
Li issa beda jobżoq in-nirien fil-bibien ewlenija
Tal-lukandi tal-ħames kwiekeb
U aktar ixxarrab bil-pitrolju
Tal-ħwienet tax-xorb u t-tabarini.
Saret purgatorju ta’ did-dinja
Li tgħaddi minn triqat u tibla’
Kull ma jgħidu dawk li jaħsbu u jitkellmu għal-ħaddieħor
Għalina, għalihom għal kullħadd.
Noħolmu l-ħolm tad-drogi
Tal-ħmir il-lejl u tal-profeti foloz wara ljieli
Ta’ bla rqad, ta’ drogi,tal-alluċinjazzjonijiet
U tal-aljenazzjoni.
Għaddejjin minn toroq li ma jwasslu għal imkien
Minn sqaqien għomja bħall-iħirsa li jidhru
Iżda li mhumiex għajr il-bnedmin
Li magħom niltaqgħu ta’ kulljum.
Dawn huma l-istejjer li jixxardru fuq l-Aħbarijiet
Il-ħrejjef tal-mogħodija taż-żmien.

Alfred Grech
26/09/2018


Tuesday 25 September 2018



Image result for geocentric classical art

LXV.

Għax jien f’tal-ferħ il-waqt għollejt idejja
U xejn ma noqgħod nara x’jiġri wara,
Intix qed taqsam miegħi xħin tkun ħdejja,
Inkella taqleb tibda dak li ġara.

Għax jien ma nixtieqx li għad xi darb
Imissek dak is-sehem li mhux għalija
Fuq karru li nisilfek taħrab ħarba,
Għaliex it-triq li qbat mhix ħlief mogħodija

Li twassal għad x’imkien li jkun imbiegħed.
Biex nasal għad sa ħdejk inrabbi l-ġwienaħ,
U nitlef naf is-sens ta’ fejn jien qiegħed
U nibda’ nara kollox qisu l-bieraħ,

Sakemm il-mejt jaqbadni f’dawk l-inħawi,
U naqa’ fl-art u ddur ix-xemx madwari.

Alfred Grech
02/11/2012

Monday 24 September 2018


 Image may contain: one or more people, people standing, ocean, sky, outdoor and water


Kif Nista’ Qatt Ninsik.

Hemm ismi fuq kuxtejk tatwat
U  f’ruħi hemm it-toqob ta’ kull ħtija,
Il-fdal tat-tentazzjoni fuq xuftejja,
U nġorr fuq ġismi l-marki li ħallejtli.
F’kull pass li nagħmel hemm l-uġih
Tas-sogħba għax reġa’ bdieli
Is-sogħoba tal-mixja mhjix kompluta
Tal-kwiekeb li  jintfew
Tal-qċaċet li qatt ma ntlaħqu.
Fuq il-ġilda nġorr il-grif
Tal-poeżija li ħarbixna int u jien bejnietna.

Kif qatt nista’ ninsik.

Alfred Grech
24/09/2018

Sunday 23 September 2018




Issa Li Drajna.

Issa li drajna x-xiwi ta’ dis-sħana nfernali
globaliżżata bħal kapitali jifrex it-tentakli
u jidħol ġo kull rokna u jinfed saħansitra l-fissuri l-aktar fondi
rajna kif għamilna biex inzidu aktarit-taħwid
u l-iskart u n-nugrufun fl-arja  li nibilgħu
għax issa drajna wkoll nilqgħu il ħsara ġo ġisimna
kif wkoll kull skart diġitali, efimerali,
li jittieħed bħala tagħrif, aħbar, inkella kull xort’oħra
ta’ tagħlim  li fiħ irridu naqdfu.

Ejja nitgħalmu t-tagħlim ta’ dawk l-ixxamplati
li jiftaħru bil-mixi l-quddiem
b’ekonomija dejjem tikber
in-negozju qed jiżdied u mitt skuż’oħra
 biex ikompli jisolħu, iqaxxru u jfaqqru
dil-blata f’nofs il-baħar fejn jgħum il-ħut il-kbir.

Ejja ma nnewħux aktar għax issa xtutna ftaħnihom beraħ
għall-miħja ta’ kull xorta ta’ profeta
taħt l-iskuża li issa Malta saret Ewropea
u għamilna l-qabża fil-kwalita’.

Imma niftakru wkoll li s-setgħa hija l-akbar ċaħda tal-jien eaġerat
għaliex il-jien li jaf min hu ma jinħtieġ ebda setgħa
biex ikun dak li hu
u lanqas ifittex li jgħix f’ħaddieħor
jew fil-fama li ħaddieħor għandu tiegħu.

Alfred Grech
23/09/2018

Saturday 22 September 2018




Int Jista’ Reġa’ Bdielek.

Int jista’ reġa’ bdielek
u wieqfa, bqajt għaddejja
B’idejk miftugħa beraħ
tistenna l-leħħa ġejja.

Int ħsibt li tlajt muntanja
fil- ta’ dil passjoni,
sibt ruħek ma tridx temmen
li din kumbinazzjoni.

U mxejna din il-mixja
bla ma staqsejna ’l-għala,
quddiem ir-riħ tal-bidla
f’idejna kwies battala.

Intlifna qalb il-folla,
fittixna ġewwa fina,
ix-xbieha ta’ ġol-mera,
u kull ma ż-żmien jagħtina.

Bil-biża li jitwieled
kull darba li tittajjar
ir-ruħ li għad trid timraħ
u togħla qed titħajjar.

U f’dawk il-ġanet siekta
bla tagħmel mistoqsija
tispiċċa s-seħer titlef
fid-dlam ta’ filgħaxija.

Imbagħad it-tnejn jistaqsu
ta’ dit-tapezzerija
għaliex it-tnejn qed ninsġu
u imxella ħjut bil-mija

Alfred Grech
22/09/2018

Thursday 20 September 2018


Image result for planning autority approves 38 tower

Impotenti u Bla Saħħa.

Impotenti u bla saħħa din il-karba
li toħroġ mill fissuri u mill-għerien ta’ qiegħ ir-ruħ
tixxabbat u tiggranfa mal-gollieq
biex tispiċċa fil-widejn indifferenti
ta’min għandu l-flus u għandu setgħa.
Fejn huma dawk il-qċaċet tal-għoljiet
li fuqhom trid tistrieħ is-saħħa u l-ħajja ħienja ta’ dal-poplu
L-irjus li jinxtraw mill-għasafar tal-ħtif
u jsarrfu ta’ għodda fil-magna
li titħan u trambal u tkisser ix-xewqat u l-ħolm
tat-trasfigurazzjoni tal-pajżaġġ u tal-ambjent.
li fih ilkoll nieħdu n-nifs, nitħarrku u nitrejjqu?

Impotenti u bla saħħa dan il-poplu mal-profeti tiegħu
quddiem din l-għarukaża u dil-ħniżrija
fuq il-mitbaħ ta’ Mommone
fejn ir-ragħwa tal-wiċċ issebbaħ il-fdal tal-bastiment li għereq
ta’ din il-prostituta li f’idejn il-manigoldi ta’ ħafna flus
żverġnat u żvinat lilha nnifisha biex tpaxxihom.

X’ser jgħidu dawk li jiġu minn warajna
dawk li jiġu minn ħafna mili l-bogħod
u jxerrdu dmugħ tal-kukkudrilli
għal din l-art ħelwa, l-omm li tagħtna isimha?

Daqs iż-żibel u l-iskart qed jagħtu każ
ta’ x’jaħsbu n-nies u jrid il-poplu
li jistħoqqlu, illum iktar minn qatt qabel
li jimraħ, iberraħ ruħu u jieħu n-nifs f’dawk l-inħawi
li huma wirt minn Alla.

Din hija dik ix-xbejba li spiċċat f’idejn il-manigoldi
li baqgħu jinfdu u jaqsmu l-laħam dghajjef,
li baqgħu jonfħu dejjem jonfħu dil-bużżieqa
li qatt ma trid tinfaqa'.

U issa li kullħadd ixxaħxaħ f’semhu tal-kemxa
li jqassmu l-ħallelin wara xi serqa
x’ser ngħidu aħna lil uliedna u ulied uliedna
taż-żminijiet li għad iridu jiġu,
aħna l-gwardjani tal-wirt ambjentali u spiritwali
li ħallewlna dawk li ġew qabilna,
ta’ dak li jagħmilna dak li aħna?
Aħna nħrsu bla jindaħal f’din it-traġedja rriversibbli
ta’ flus, flus, flus u aktar flus?

Alfred Grech
20/09/2018





Muża.


Għalik ħallejt lil mara li ħabbitni
għax ħsibt li qed tfixkilni
u inti femmina per eċċellenza
kont qiegħda tghir.

U  issa li sfajt armel u hawn nistenna
int qajla tiġi żżurni.

F’dil-mixja solitarja tlaqtni waħdi
eżatt xħin kelli l-aktar ħtieġa
tal-anġlu li jurini x’għandi nagħmel
biex noħroġ mid-deżert ta’ bla konfini.

Daqs it-tisfir tal-grillu s-sejħa tiegħek
bla mistennija.

Alfred Grech
20/09/2018


Wednesday 19 September 2018




Intbaħt li Stajt Weġġajtek.

Intbaħt mli stajt weġġajtek
Imqar mil-bogħod
U kull messaġġ li ibgħat
Inaqqas id-distanza ta’ bejnietna.

Is-solitudni tiegħi
Bħal ittra li tibgħatli
Imbagħad nitlaqha hemm,.

Bħal f’xi rumanz id-diskursati ta’ bejnietna
Mimlija rtokki u qari ta’ prova
Kliem imqiegħed ħdejn xulxin idoqq għall-widna.
Iżda maż-żmien jintesa’ kollox
Jisfaru jew jiqdiemu mal-karta li fuqħa mitbugħa.

Meta rġajt ġejt lura f’ħajjti
Jiena lanqas ma qagħadt lura.

Issa noqgħod niġbor il-weraq  niexef tal-ħarifa
Fejn imħażża l-ismijiet
Ta’ dawk l-erwieħ li qatt ma twieldu.

Alfred Grech
16/09/2018

Monday 17 September 2018



Image result for timelessness
Kif Tista’ Tgħix Għal Dejjem?

Kif tista’ tgħix għal dejjem
jekk darba qatt ma kont,
Jekk qatt ma kont xi ħaġa
jewk kollox kien rakkont?

Int kont biss fi sbuħitek
għal waqt hekk dejjem bqajt,
mhux fama għal min jiġi
jew dak li qatt ma rajt.

Jien xtaqt li mqar xi darba
għad nilħaq dak l-istat
mingħajr ma qatt ninbidel
għal dejjem iffissat.

Xi ħaġa tkun inbidlet
u nħossni xħin inqum,
m’għadnix kif kont il-bieraħ
u mmut ftit ftit kuljum.

U xħin tiltaqa’ miegħi
issib li jien inbdilt
ġurnata wara l-oħra
mingħajr ma tkun tfixkilt.

U fl-aħħar xejn ma jibqa’
mank dak li hu pinġut
m’hemm xejn xi treġġa’ lura
jew seta kien tradut.

Għax aħna żmien jinbidel,
u tgħid ġejt il-quddiem
u tieħu dak li jiġi
bis-sabar u fis-sliem.

Għalhekk kif trid li tibqa’
jekk darba qatt ma kont,
u lanqas għal waqt wieħed
ma qatt tajt rendikont?

Alfred Grech
18/09/2018.


Image result for man alone in the desert


Li Kont Bebbuxu.

Li kont bebbuxu noħroġ rasi
wara l-ewwel ħalba.
Jekk bħali tterraq ir-ramel tad-deżert
ma tislet ebda faraġ
minn dak li ssib madwarek.

Maqtugħ mill-bqija
tkun tlift id-direzzjoni
u dari saret mhux biss rifuġju
iżda pjaneta.

Jien naf li ġejt tħabbatli
iżd’issa tlift ix-xeħta
u l-kuntatt.

Alfred Grech
15/09/2018

Sunday 16 September 2018



Image result for heraclitus
La Toftoqx.

La toftoqx u la tiflix u la tgħidlix x’hinu
l-istil ta’ dak li naħseb.
Int  x’int, int biss tifkira.
U jekk ma tinbidilx
int tista’ tgħix għal dejjem.
Xi ħaġa tmut ġo kif
kull meta tiġi lura
sakemm ma jibqa’ xejn
minn dak li kont xi darba.
Għax ta’ kull darba terħi ftit
mill-ġbid tal-ħabel li jissikka
tinbidel int u tibdel dak li tkun
tmur kontr dak l-emmint
u ċċedi dejjem biċċa
sakemm tmur tfittex
u ma ssib xejn minn dak li kont qed taħseb.
Biex tibqa’ tgħix għal dejjem trid
ma tinbidilx inkella
tibda timxi b’lura.

Alfred Grech
16.09.2018

Friday 14 September 2018


Image result for enchanting woman

Imbagħad Inħares Dritt F’Għajnejk.

Imbagħad inħares dritt f’għajnejk
u ngħidlek: Int sabiħa
u dritt nintebaħ li jien sirt kollni kemm jien tiegħek.
L-ebda seħer m’hemm f’dan kollu
bħal meta tiddisprezza lil xi ħadd
imbagħad tindiehes miegħu.
Għar mid-duħħan li jippumpjaw il-vetturi
li jniġġes l-arja tagħna.
La tħallinix inħoss il-ħtija
kull darba li nkun ħdejk
ta’ xi dnub jew xi deliit
li qatt ma kkommettejt
inkella kkundannat għal-għomri.

Alfred Grech
14/09/2018




LXIII.

Ir-ruħ trid ħaddan hi lid-dinja tagħha
Fil-ħemda twieżen dak li għal ħaddieħor,
La jista’ u lanqas jiflaħ, hi ġġor magħha,
Tbati, u ma tgħarafx min waqt għall-ieħor.

Ir-ruħ trid tfittex hi l-għeliem minn tagħha,
Kolonna ta’ duħħan f’deżert il-ħajja,
Jew tiġi minn x’imkien, jekk għad tismagħha,
-          Fis ħalli minn idjek, u ejja wrajja-.

U jekk qalb dat-tfixkil hemm it-tweġiba,
Ma tiġi qatt għaliex imkien m’hemm wiri,
Qalb dal-pajżaġġ imħarbat trid issibha
Biex hekk għad jasal darba tmiem il-ġiri.

Imbagħad tistaqssinix kif sibtni qribek,
Inkella ’l-min staqsejt sabiex insibek.

Alfred Grech
15/10/2012

Thursday 13 September 2018


Image result for mysterious woman in high heels

Ħsejjes.

Il-ħsejjes tat-takkuna b’ritmu mdaqqas
Jisiltu s-swied il-qalb ta’ sqaq imwarrab
U ntennu dak li ngħidu
Bi kliem meqjus li jaqta’ xafra.
Kont nibza’ li niltaqa’ għad ma waħda bħalek,
Issa li ltqajna naf li tgħodd għalija;
Għalija biss.
Id-dinja tiegħek għandha żewġ emisferi:
Dak li hu tassew u dak li hu
Desakrazzjoni flagranti.
Int tgħid li ma tridnix inkun tallab
Biex tista’ tidħaq bihom.
Jien lanqas naf jiniex ferħan
Għax qiegħed nara lilek hawn quddiemi
U ma nafx jieniex inċedi għall-uġih
Inkella rbaħt il-biża’.
Int għanbdek xeħta ta’ min jistenna jisma’
Xi ħaġa ħiemda u siekta daqs ix-xorti.

Alfred Grech
13/09/2018



Image result for naked woman free flying
Jekk Noħroġ Mill-Binarji.

Jekk noħroġ mill-binarji
Immur fi dlam il-lejl,
Inħossni qiegħed naqdef
ġo wisa’ ta’ bla kejl.

U jekk jien nieqaf naħseb
U naħrab mit-treddin
Il-folla n-nies tad-dinja
Fid-dramma ta’ kull ħin.

Inrabbli ġwienaħ ġodda
U f’daqqa nibda ntir,
Il-fuq mis-sħab li jgħarrex
Ġo sema ikħal nir.

U noqgħod nikkuntempla
Xi jfisser dan il-ferħ
Li teħles minn tal-bniedem
Ix-xkiel u tgħix fis-serħ.

Alfred Grech
13/09/2018