Saturday 30 June 2018


Image result for nights in white satin
L-Iljieli Tiegħek.

L-iljieli tiegħek bħal xemx li qatt ma tinżel
għax tmur titbekka mistoħbija wara ċ-ċpar
u d-dalma xorta taqa’.
Jien ninżel u ninħall fil baħar tiegħek
fil baħar sieket tas-silenzji.

Il-granet tiegħek bħal ġita fuq ix-xifer
pass, pass fil biża’ ta’ min iħobb jittarraf,
iżda taf sew kull rokna f’dawn l-inħawi
għax din il-mixja għamiltha kemm il-darba.

Kliemek bħal krema fuq l-għaġina
bħal żiffa tisfidak fis-skiet tal-ħemda.
It-tarf ma tafx fejn hu imm’hemm trid tasal,
sadanittant jien nibqa’ hawnhekk nistenna.

Alfred Grech
30/06/2018


Image result for St Lawrence

LVII.

F’jum ir-rebħa tal-kbir Levita Martri,
Il-ħsieb farfett li jimraħ u jistħajjel,
Fil-beraħ jew magħluq fi skiet kamarti,
Bla reqqa daqs li kont daqsxejn ta’ tfajjel.

Żgur aqwa min-nirien fidi qawwija,
Żgur aqwa mit-theddid, mhux se tintelaq,
U tiżboq kull uġih, fuq kull tbatija,
Għax tilmaħ l’hemm id-dawl iroxx fix-xefaq.

Il-martri qiegħdu t-toqol tal-ġid tagħhom
F’ħoġor id-dinja, ħadd ma qagħad jitlajja,
U bħas-suldati, xejn ma ħadu magħom,
Ħfief u qalbiena qabdu t-triq tal-ħajja.

Lil Valerjanu u ’l-min irid jistagħna,
Nuruh il-morda, l-foqra, tal-Knisja l-għana.

Alfred Grech
Festa ta’ San Lawrenz – 12 ta’ Awwissu 2012.

Friday 29 June 2018


Image result for woman opening the curtains

Imnalla Hemm Int

Imnalla jkun ix-xatt tal-art
għax il-baħar jibla’ kollox.

Imnalla jkun ix-xefaq
għax tibqa tara għal dejjem.

Imnalla titfaċċ’int
biex tgħidli safejn nasal
tgħollili l-purtiera
biex nista nħares barra
u nħossni ħieles

Alfred Grech
29/06/2018


Thursday 28 June 2018


Related image


Dar-riefnu li qajjimna.

‘Mma x’hemm jifridna lilna t-tnejn
jekk mhux il vortiċi li jqajjem riefnu
u l-bir bla qiegħ ta’ dlam minn fejn tnissilna.

“Mma x’hemm jifridna?
M’hemm xejn!
Hemm din il-forma tal-karta pesta
li fiha jassarna l-ġenju
bħal-lampa t’Aladin
jew tal-flixkun mitluq għal riħu
fuq ix-xtajta.

Imbagħad bqajna t-tnejn miblugħa
u mistagħġbin
kemm stajna nagħmlu ħsara
lil xulxin
b’dal vortiċi li jifridna
b’dar-riefnu li qajjimna.

Alfred Grech
28/06/2018

Tuesday 26 June 2018


Image result for unrequitred love

Jien Ħsibt

Jien ħsibt li kont se ġġib il-ġenna miegħek,
wasalt! u kollox baqa’ bħal ma kien.
Komplejna t-tnejn fit-triq id f’id biex naslu
u l-ferħ tal-wegħeda ma sibnieh imkien.

Kont ħsibt li għandek dak li kelli nieqes
u għalhekk flimkien se naslu għat-total,
imbagħad intbaħna l’hawn xi ħaġa nieqsa
u bilġri bdejt infittex kif ninħall.

Alfred Grech
27/06/2018

Image result for Christ as anarchist

Jien Naf Eżatt.

Jien naf eżatt minn fejn kont tlaqt
u issa fejn sibt ruħi.
iċ-ċimi li ħallejt bl-għajnuna tagħhom,
kienu l-ħbula li jiġbduni.
U sibt kif norbot ma moll ġdid
u nerġgħa nitfa’ l-ankri,
ftit ftit niżżerżaq bdejt ukoll
u nersaq lejn ix-xefaq.
Lilhin minn fejn kienu jgħidu
li hu l-aħħar tad-dinja,
fejn hemm l-infern. fejn hemm ix-xjaten
fejn tieħu sabta kbira.
U ħadt sabtiet u erġajt waqajt
u naqa’ kemm il-darba
kull meta nemmen lilhom.
Jien naf li jien tbiegħedt
ħriġt barra mill-mogħodija
il-barra mill-perkors traċċjat
kif kienet tgħidli ommi.
Iżd’hemm ma sibtx ix-xjaten
u lanqas il-fenomeni,
hemm sibt li kont illuż
bid-dħaħen tas-setgħana.
Kastigi ħadt kemm trid
għax beżgħu li se nheżżeż
il pedamenti u l-kolonni
tat-tempji simulati.
Illum tbiegħedt, m’għadnix fejn kont
u lanqas naf fejn sejjer,
naf biss li issa drajt
u mhux se nerġa’ lura.

Alfred Grech
26/06/2018,

Monday 25 June 2018


Image result for carrying a burden

LVI.

B’dak li tgħallimt, il-ġid li kelli nfaqtu,
Erġajt dort dawra mejt ma xatt il-baħar,
Dak li ħallejt warajja bdejt inlaqtu,
Erġajt għamilt kullana biex niftaħar.


Lil hinn minn dan ix-xefaq lanqas tara,
Lil hinn mix-xtut minsija ta’ dil-gżira.
Il-liġijiet ġarrewhom il-burdnara,
U nħbew wara subgħajhom ta’ bla mira.

Għalkemm inġorru lkoll din it-tagħbija,
Viżjoni ma baqax, jew ftit milwija,
Il-maġġoranza taħseb bħal tarbija,
U jien ma nafx għaliex ħadt ftit għalija.

Imbagħad xħin jiġi l-lejl ma kull tifkira,
Jaqbadni ferħ ta’ ġenn u dieqa kbira.

Alfred Grech.
12-08-2012


Related image

Għaliex Emmint.

Għaliex emmint li ħadd ma jista’ ħliefek,
li tidħol f’ħajjti u hekk insib serħan.
Timlieli ħajjti b’kullma qatt stajt noħlom.
u ngħix f’dan l-għeden bħal Adam ferħan;

Għaliex emmint li jista’ jkun ħaddieħor
li f’daqqa waħda jibdel l-univers
ta dak li tħoss u dak li hemm madwarek,
u bqajt ma ntbaħtx li jiġri b’mod invers;

Xħin jiena neħles minn dal ġenn ta’ xewqa,
u nerġa’ noqgħod waħdi ftit bil-kwiet,
nintebaħ li kull ħtieġa ġġiegħelni ninsa
il-waqt li qed ngħix fih, dal waqt fis-skiet.

Alfred Grech
25/06/2018.

Sunday 24 June 2018


Related image


Iċċartet Ruħi.

Iċċartet ruħi xħin stennejtek ġejja
u bqajt nistenna w’int ma dehert imkien.
Mistħajjel kollox kien, għalxejn nixxennaq,
kien kollox frugħa, xejn ma kien li kien.

Jien biss irrid li noqgħod hawn ftit waħdi
fi nżul ix-xema ta’ jum li qed inin,
l-ebda sorpriża f’dad-deżert li jnessi
biex ngħix il-waqt sakemm isir il-ħin.

Alfred Grech
24/06/2018

Thursday 21 June 2018



Image result for the power of now

Meta.

Meta ma tkunx in-narrattiva
ta’ dak li nġorr fuq dahri
l-imgħoddi mimli ħtija bħal korazza tal-bebbuxu
Jiena nkun sew
 għaliex inkun bla xkiel.

Meta ma niggranfax mas-sħab u l-kannizzati
ta’ dak li għad ikun għax mimli qtiegħ il-qalb
jiena lanqas ma nidejjaq
għax naf li ngħix illum.

jiena dak it-tfajjet ċkejken ta’ bla ħażen
jemmen f’kollox u f’kull ħadd
li jmiss il-kwiekeb għax saru baxxi
li jinfew waħda waħda tul il-mizja.

Meta ma nkunx miegħek
u ma jkollu ‘l-ħadd madwari
nibda nemmen li qed ngħix,
li qed ngħix fiż-żmien it-tajjeb.

Alfred Grech
21/06/2018

Tuesday 19 June 2018



Related image

Urania

E se lei non verrà
non deve cadere il mondo!
Se lei non verrà
avro’ piu’ tempo libero
per me, per la mia anima
per te o dea incandescente
che ogni tanto mi venga a trovare.
E se lei non verrà
non ci saranno i predatori
per fare preda di ogni traccia
che noi lasciamo in dietro.
E cosi sara’ un palcoscenico efimero
sul quale abbiamo recitato il nostro drama
una cosa che poteva esistere solo
nella speranza.

Alfred Grech
19/06/2018


Related image


Inti Li Għandek Wiċċ ta’ Qaħba.

Int li għandek wiċċ ta’ qaħba
Sikwit tonfoħli r-riħ ġo wiċċi u toħloq skoss l-irwiefen,
Int taf tirahanli ħajjti
U tifdili serħ ir- ruħ,
Għaliex ir-rahan taċ-ċaħda
Jinsab fid-dnub ta’ telfa
U l-agunija ta’ fuq ix-xifer.
Imbagħad tqum l-għada filgħodu
U jerġa’ kollox għal-li kien
Fuq artal il-konswetudni
Fl-ermitaġġ tas-solitudni.
Inti wkoll tisa’ tkun l-anġlu
Li tnewwilli ftit idejk
U teħodni fuq is-sies tat-tentazzjoni
Minn fejn jiena naf immiss is-sema.

Alfred Grech
19/06/2018

Saturday 16 June 2018


Image result for mystical walk

U Meta Lmaħtek Ġejja.

U meta lmaħtek ġejja
iġġorr il-ferħ f’idejk
bid-dija ta’ elf kewkba
intbaħt li dak l-abbiss oskura li kien belgħani
kien biss id-dlam ta’ kull misteru.
U xħin flimkien imxejna nofs it-triq,
intbaħt ukoll li dil-mogħodija
għaddejna minnha kemm il-darba.
Imbagħad mit-trab tal-art ix-xewqa nibtet
bħal warda li saqqejt għal kemm il-darba
u baqgħet dik li kienet – xenqet it-tafal.
Biż-żmien tinbidel int,
ninbidel jien
jinbidlu wkoll il-ħofor
li konna qed niskopru.

Alfred Grech
16/06-2018

Thursday 14 June 2018



Image result for fallen angels and the daughters of man

Fil-Ġenesi Hemm Miktub.

Fil-Ġenesi hemm miktub
Li n-Nefilim tgħaxxqu bil-ħlewwa
Tal-bniet tal-Bniedem,
Sa waslu biex ħaduhom b’nisa tagħhom,
U minnhomk twieldu l-ġiganti.

Int forsi ridtni nkun il-ġgant
Neħilsek mill-ħbieb tiegħek,
Jien iżda kont minnn qabel naf
Li gwerra ġa mitlufa.

Int bdejt tibgħatli mal-ħamiem
Missivi konfliġġenti,
U l-ħamiem baqa’ jtir
U għadda minn fuq rasi.

Imbagħad intbaħna t-tnejn
Li konna ngħixu ħrafa,
U jiena l-anġlu ribelli
Meta mħabbtek kienet divina.

Alfred Grech
14/06/2018

Tuesday 12 June 2018


Related image


Lil Valerie.

Ma stajtx tqajjimni int u lanqas it-telefonata
Ir-rqad hu helu wisq għar ruh imjassra.

Għaliex xħin tibda tongħos imqar ir-ruħ,
Xi jżomm din il-valanga
Tal-indifferenza milli tordom kollox.

Int tgħid li dipressjoni,
Jien ngħid li xerq iż-żmien,
U d-dlam ta’ lejl bla qamar u bla kwiekeb
Idawwal biss l-abbiss fl-ingratitudni.

Il-bosk kien iffullat u jien fittixtek,
U jekk ħadd ma jiftakar fik,  tibzax,
Għax jien niftakar.

U l-bogħod li hemm bejnietna għad jiqsar
F’seħer ir-ruħ u b’taħbit il-qalb.

Alfred Grech
2/06/2018

Monday 11 June 2018


Related image


Meta Tibda Tistaqsi.

Meta tibda tistaqsi
U l-mistoqsijiet jibqgħu ġejjin
U l-ebda tweġiba ma toqgħod fil-keffa
tal-mistoqsija seħbitha,
tħossokx li qiegħed tilbes libsa li ma tiġikx
u tmur quddiem il-mera 
biex mingħalik tilludi ruħħek?
Issib li xejn mhu xejn u x-xejn hu kollox
U l-ebda xefaq ma jifred
Il-baħar tassew mix-xtajta simulata.
Jiena u int iltqajna fi żmien ħażin
U f’ħin li lanqas jaqbel.
Għaliex xħin jiena ridt nidħol bħal bebbuxu ġo qoxorti
Int ridt tmur tkompli ttajjar
It-tajr tal-karti.

Jien naf li jekk jgħaddi ż-żmien
Hemm kliem sottili aktar li nista’ ngħidlek
U inti tibda’ tifhem.
Iżda sal-lum int għadek ma straqtlix
Dak il-misteru li jiena ridt noffrilek,
Għax int mhux dak li trid.
Fil-karta tal-ħelsien li jien fassalt għalija
Mhemmx int għax inti bqajt ma ħadtx il-forma
Li tixraqlek.

Jekk trid illum tingħaqad miegħi
Ġo dil-kappella ta’ l-iskonsolati
Nintonaw is-sinfonija tal-enimmi
U ntennu kliem Koħelet
O frugħa tal-frugħat u kollox frugħa.

Alfred Grech
11/06/2018

Sunday 10 June 2018


Image result for parting couple

Le Jien Ma Nimxix Miegħek.

Le jien ma nimxix miegħek,
jien għandi r-ritmi tiegħi.
Int tagħġġel wisq għalija
u lanqas na fejn inti sejjra.
Hemm punt ta’ tluq
u punt ta’ fejn it-tnejn niltaqgħu,
iżda mil-bqija,
ikun ħela ta’ ħin u sikkatura żejjda.
Nixtieq li kieku nibqa’ sejjer
u nara fejn se tmur tistaħba x-xema,
Għaliex inkella xejn ma nieħu lura d-dar
jekk mhux id-dwejjaq ta’ xemx deluża
li qiegħda ftit, ftit tegħereq.

Alfred Grech
10/06/2018

Saturday 9 June 2018


Image result for the great mother

Int Tista’ Tkun.

Int tista’ fraka tkun ukoll tar-ramel,
li timla’ dad-deżert tas-solitudni:
qanpiena matutina li tirxoxta
dir-ruħ mirduma fl-għass tal-multitudni.

Int tista’ tkun il-qatra li trid timla’
il-baħar ta’kull xewqa seduċenti,
u fl-infinit tal-firmament imewweġ
int tista’ tkun il-kewkba trasluċenti.

Int tista’ tkun il-ħmura ta’ filgħodu
li jirrifletti s-sura tas-sbuħija,
il-fdal tad-dieqa hekk kif tmur in-nida
f’saltnet is-seħer kif joħolmu l-bqija.

Alfred Grech.
09/06/2018.

Friday 8 June 2018




Image result for the sound of silence

Isma’ L-Ħsejjes.
Isma’ l-ħsejjes siekta li jiġu minn imkien
u agħti widen għal waqt wieħed
bla ma taħseb.
Hemm tweġibiet li huma ikbar mill-mistoqsiji tagħħom
li ħadd ma għandu l-ħila qatt jistaqsi.
Iftaħ idejk għall-kull ma jiġi
imbagħad tintebaħ li mqar min ried jagħmillek il-ħsara
ta’ min jitħassru
għax hu marid u inti mħux se tfejjqu.
Tista’ biss tfejjaq lilek innifsek
mill-marda li tittieħed.
Għanni l-għanja muta li ma tafx
imqar jekk int stunat
tintebaħ li sirt l-aqwa għannej
kompositur mill-kbar xħin tingħaqad
mal-ħsejjes ta’ madwarek, il-ħsejjes tal-ħolqien,
f’dan l-univers jissussulta, jivvibra u jgħanni.

Alfred Grech
08/06/2018

Thursday 7 June 2018



 Related image


 Epithalamion


(Lil Marie u Ryan li ngħaqdu fiż-żwieġ 06/06/2018)

Intom allat ta’ olimpu
u inti Imene wild Urania
li tkun minn ta’ quddiem fil-marċ nuzzjali,
wassal lil dix –xbejba għażiża lejn seħibha.
O Imene Imeneaus f’dil-lejla ta’ sirda u żiffa ħelwa
li tonfoh l-għaniet inkantevoli tas-sireni.
Dawwar ma dwar rasek ward ifuħ u weraq tar-rand,
itfa’ fuqek il velu maestus u xidd is-sandli tad-deheb
biex tmexxi din il- purċissjoni lejn il-quċċata tat-twettieq
f’dan il-lejl iħeġġeġ bil ferħ, bil-għana u bil-melodiji li jixirqu.
Olqot l-art b-riġlejk u iftaħ l-għejjun tal ors u tal-imħabba.
Sejjaħ lix-xbejba u uriha t-triq lejn żewġha
sabiex tingħaqad miegħu fl-imħabba dejjiema
bħalma tingħaqad u titgeżwer il-liedna mas-siġra li magħha tixxabbat.
Intom xbejbiet f-ilbieskom trasluċenti
għalikom jum bħal dan għad irid joqrob
ingħaqdu intom ukoll fdil-litanija ta’ tifħir u għana
ta’ mħabba li hi tassew imħabba bejn mara u raġel.
Minħabba fik  o kbir Imene il-ġenituri  jkunu fuq ix-xwiek,
l-għarus jistenna u x-xbejba tkun ħerqan biex jitilgħu din it-tarġa
ta’ ħajjithom fit-trapass bejn iż-żogħżija u l-għaqal maturat.
Inti teħles u tgħaddi f-idejn iż-żagħżugħ il-warda ta xbejba
li tieħu minn ħoġor ommha.
Mingħajrek xogħol Venere hu bla fejda.
Mingħajrek kull dar tibqa’ bla wild,
il-ġenituri jibqgħu weħidhom,
u mingħajr ir-riti tiegħek kull ġens tonqoslu s-sinsla
li hi l-familja magħmula u mrawma minn raġel u mara.
Iftaħ mela l-bibien li jieħdu l-bogħod għaliex ix-xbejba waslet,
l-għarus ma jdumx jistenna u d-dawl tar-rifletturi
jilmaw u juri s-sbuħija ta’ dil-koppja.
Tibzax ja xbejba, għaliex ebda tiġrib ma jdallamlek il ferħ u l-ħeġġa
li huma sehemek. Ersaq il-quddiem u ersaq lejna
bħal dik is-sultana nieżla mit-taraġ imperjali.
Inti tisboq il-gjaċint li jgħolli rasu ‘l-fuq mill-għana kollu ta’ ġol ġnien.
Ersaq il-quddiem ja xbejba, dan huwa l-waqt li jagħmlek mara
isma’ l-għanja tagħna
għax żewġek huwa l-prinċep tal-irġiel, mogħni bil-ħila li
kienet dejjem xiehda ta’ għemilu.
U bħama d-dielja taqbad u u xxeblek ma kull sigra li ssib
hekk huwa jħaddnek u jagħmelk tiegħu għal tul iżmienijiet.

Ja Imene Imenaeus
ġibilna awguri tajba sabiex din il koppja
tista’ tħares ’l-quddiem u tgħix fil hena u fil ġid li jixirqu lil kul uman
għal tul iż-żminiiet.

Alfred Grech
07/06/2018
 



























.







.

Wednesday 6 June 2018


Image result for mistaken identity


LV.

Le, le, mhux jiena kont illi tradejtek,
U wiċċ ħaddieħor rajt isbaħ minn tiegħek,
Mħux miegħi kont qed timxi mbagħad ħallejtek,
Filwaqt li dal-ħin kollu nħokk kont miegħek.

Le, le int kont tagħmilha ma ħaddieħor,
Xi ħadd li kien iħares lejk xort’oħra,
Għadek sal-lum m’għażiltx wieħed minn ieħor
U tfixkel ma xulxin, imġieba m’oħra..

Le, le mhux jiena kont, mhux jien emminni,
Kien tas-sireni l-għana ġo widnejja,
Indħil l-allat, jew sibt min iġenninni,
U waqa’ d-dlam u ċpar fuq xfar għajnejja.

Le, le jiena ma kontx, dak kien ħaddieħor,
U inti żgur għaraft wieħed minn ieħor.

Alfred Grech
07/08/2012