Saturday 31 March 2018




Efimera dilajja
iffinanzjar virtwali
m’hemm xejn  li jibqa’ għal dejjem
munita din virtwali.

Jekk int fuq naħħa għandek
is-snin tal-pusvalenza
tektika n-nħħa l-oħa
tas-susa fis-sekwenza.

Miżien imdaqqas f’sikktu
u m’għandek xejn kull naħħa
tal-alġebra tidqisa,
fin-nofs duħħan bla saħħa.

Alfred Grech
31-03-2018

Friday 30 March 2018



Aħna nafu.

Aħna nafu iżda nemmnu li mhix din il mantra tagħna
Mhix it-triq li trid twassalna sabiex ninfdu swar lilhinn
Aħna nafu li mhux dan huwa r-rużarju biex insemmgħu
leħen fqir li jrid jasal sal-konfini
ta’ li hu jew seta’ kien.
Aħna nafu li mhix din il-purċissjoni
lanqas din m’hija l-filliera li trid twassal
min nisel għal nisel
minn żmien għal żmien
ta’ dil-mixja fid-deżert li trid tirfes fl-art imwiegħeda.
Din hi biss stennija t’għada,
jew irxoxt perfezzjonat.
Aħna nafu dak li l-bieraħ qal ħaddieħor
dak li qajla jagħmel sens
sabiex sforz lanqas ma nagħmlu
sabiex naħsbu nkella nindmu.
Aħna nafu! Madankollu nippreferu
illi nemmnu biss fl-allat
illi nemmnu fil-maġija
fit-teatru tal-assurd.

Alfred Grech
30/03/2018

Thursday 29 March 2018




Għal Min il-Kwiekeb Għandu.

Għal min il-kwiekeb għandu ġewwa qalbu
Il-lejl imdawwal dejjem:
Aħna li sa mill-bidu stajna mmissu
Is-sema b’subgħajna,
Ma bbastajniex bil-qċaċet tal-muntanji.
Lilkom ħallejniekom hemm fl-art
Timtlew b’ħafna arja sħuna
U d-doqqu tnabar li mank biss jinstemgħu
U trombi muti
Biex taljenaw irwieħkom bil-ferħ adulteru.
Aħna spiċċajna hawn fuq dan is-sħab
U qajla sejrin ninżlu
Fl-art, nitħalltu mal-bnedmin,
Jekk mhux għax hekk jinħtieġ
Jew biex insarrfu.

Alfred Grech
29/03/2018

Wednesday 28 March 2018




Deżert ir-Ruħ.

Dal-waqtiet għal dejjem jibqgħu
Imdendlin hawn fil-preżent
Iżda li l-mili li firduna
Xejn ma jfissru għax kuntent.

Ġod-duħħan, ċpar tat-tnissija
Sibtni waħdi, sibtni kwiet,
B’din ir-rieda biex inkisser,
Dak li jxekkel, kull drawwiet.

F’dan deżert lli fih interraq
Lejl u nhar għal ħafna żmien
M’hemmx il biża li jirxoxta
Dak li għadda u seta’ kien.

F’salt ftakart! Dan mhux eżami,
Dan hu biss ħasil ir-ruħ,
Qtajtli l-għatx, il-ġuħ bil-manna
Ġod-deżert m’hemmx ward ifuħ.

Alfred Grech
28/03/2018

Tuesday 27 March 2018



Agunija.

Jekk tridni mmur lilhinn
Biex naqbad it-triq l-oħra
Tkun taf mhux biss għaliex
Ridt nibdel ħajja m’oħra.

Jekk wara lli nkun mort
Nistagħdar fil-mistħija
Ħassejt li nbdilt xi ftit
Bl-uġih u bit-tbatija.

Quddiemi mbagħad ressaqt
Dal kalċi biex nixorbu
Mistkenn taħt iż-żebbuġ
U s-siġar li jokorbu.

Ridt nifhem int xi trid
U mort in-naħħa l-oħra
Biex ninfed l-infinit
U nindem għal darb’oħra.

X’hemm wara dan l-istar?
Din hija l-agunija,
Għereqt il-qtar tad-demm
Matul din it-tfittxija.

Alfred Grech
27/03/2018

Sunday 25 March 2018





Jekk Tfittex Int L-Immensita’.

Jekk tfittex int l-immensita’ għad tista’
tħares ftit f’għajnejja; jekk taħsel tibda
tara kbir, żgur se ssibni differenti,
għax taħseb li tassew mibdul u tieqaf.
Iżda, jekk aħna hawnhekk it-tnejn se nibqgħu,
imdawwra b’dak li nafu u dak li rajna,
mhu ser insibu qatt li qed infittxu.
Ma jimpurtax  li jien miniex qed nifhem:
jimporta għal darba dak li qiegħed nara,
għax it-tbissima fuq xufftejk qed tgħidli
li llum aħjar mill-bieraħ, u int qed tfittex
li tifhimni u bqajt ma ntbaħtx li t-tweġiba
qed taħrablek. Fil-bidu bdejt biex kelli
xi ħaġa li nixtieqha. Illum il-kontra.
Għax issa sibt il biċċa li naqsitek.
Ħaddieħor qed jiddarras xħin jarana
miexjin fuq dil-bankina għax issa sirna
parabbola li jtenni kien ħaddieħor.
Sakemm il-logħoba tkompli, jien ser nagħmel
ta’ bir-ruħi li qed nifhem.

Alfred Grech
25/03/2018

Saturday 24 March 2018




Pupa tal-Purċellana.
(Lil Sharon)

L-ewwel darba li kont rajtha
Iċċassajt, jew ma nafx x’kien,
Ħsibtni qbadt kont ma xi oħra,
Ċpar madwari kullimkien.

Ridt neħodha u nifraħ biha,
Ridtha mqar għal siegħa biss,
Ridt naqbadha min idejha
Xkien ġie fuqi nkiss inkiss?

Ridt naqbadha, ridt nagħnnaqha
Inkellimha għal ftit ħin,
Bdejt nixxennaq għal sbuħitha
Kollox tajjeb, kollox bnin.

Kont insejt u qed niftakar
Konna ltqajna ħin bla waqt,
Kont insejtha din il-ġrajja
Hemm ridt noqgħod, imma tlaqt!

Kif saħħritni bi sbuħitha
Din il mara u qatt ma nsejt,
’Mma triqatna kienu ssalbu
Lura mbagħad qatt ma rġajt ġejt.

Dawk ħaddeja kienu rosa
Aħmar xagħarha, kien perfett,
Kont nixtieqha, kont irridha
Għax tħallilek dak l-effett.

Ta’ kull darba li nilmagħha
Jew xħin tixref minn x’imkien
Sewwa nħossni xħin tkun qribi
Ma nixtieqx li jgħaddi ż-żmien.

Lanqas xejn ma kien jimporta
Illi kellha ftit tas-snin
Ftit qadima  mhix minsusa
Li mhix ġdida. Dak il-ħin

Ma kontx naf! Xejn ma jimporta
Illi jien ma kont naf xejn,
Għax sabiħa, għax togħoġobni
Ma kien ser jinbidel xejn.

Skarlattina sejjaħtilha
Għax isimha ma nafx x’kien
Imma għalija dak kien joqgħod
Bqajt niftakru tul iż-żmien.

Xtaqt li setgħet tibda timxi
Xtaqt li qaltli mqar kelmtejn,
Dik il-libsa bellusija
Kemm ileqqu dawk l-għajnejn!

U ma nafx x’kien waqa’ fuqi
Għax bdejt noħlom ħin bla waqt,
Nibda niżfen? nibda’ ngħanni?
Inkellimha? Hekk kont xtaqt.

Pupa din tal-purċellana,
Xtaqtha ħajja tmidd il-pass,
Kont insejt għaliex fakkarni
Tat-tifkira dat trapass.

Alfred Grech
23/03/2018


Friday 23 March 2018




Ineżorabbli l-Mixja Tiegħek

Ineżorabbli l-mixja
Int tista tmur tistaħba u terġa’ tiġi.
Int tistaż tmur tiġġerra bnadi oħra
Jekk ma toħroġx mill-kmamar ta’ ġo moħħok
Tista’ tmur jekk trid, sa tarf id-dinja.

Jekk ma tinħallx mill-ktajjen ta’ ġo ruħek
Għax tibqa’ tgħix u tnin ġo l-istess raħal
TimxTibqa’ fejn kont jew terġa’ lura
U ġġorr it-toqol tat-twemmin li sawwrek
Meta tfajjel kont imqabbad
Ma djul ommok.

Alfred Grech
23/03/2018

Thursday 22 March 2018




Xħin Jinżel Sfiq.

X’ħin ninżel sfiq id-dlam tal-lejl
u inti bħal siparju
idejja mmid fid-dlamijiet
u nitla’ t-telgħa tal-kalvarju .
Ħallini nibda‘ l-velu nċarrat
il-velu tal-misteri
li jaħbi dak li tkun trid tgħid
u tteni ħrejjef veri.
Ħallini mmur l-infern
inkella nitla’ l-ġenna,
xħin nibda mmidd il pass u nħoss b’dejja
tagħmilli għamad fuq għajnejja.
Jgħaddili l-ħsieb li m’għadekx ħdejja
dan ħsieb li jqajjem riefnu
u f’daqqa waħda jitla’ l-ajru
mal-ferrovija għaddejja.

Alfred Grech
20/03/2018

Wednesday 21 March 2018




Trid Tibda Minn Filgħodu.

Trid tibda minn filgħodu
Tkun mixja din misruqa,
Li titlaq mill-filliera
Ma nħossuniex misjuqa

Trid tibda minn filgħodu
Tgħid le, biex ma tkunx magħhom
Iddur u tmur għal rasek
Ma ddoqx it-tnabar taghom.

Trid tibda minn filgħodu
Ma tkunx skorfina f’magna
U tagħmel l-almu tiegħek
Biex b’hekk qatt ma tistagħġna.

Alfred Grech
21/03/2018

Tuesday 20 March 2018




Twassalni sa fuq ix-Xifer.

Twassalni hawn sa fuq i-xifer
Imbagħad arak titlaqni waħdi,
tbexxaqli t-tieqa tad-dar tiegħek
u toqgħod hemm biex tittawwalli.

Tagħtini l-armi biex niġġieled
u twiegħdni li se tkun warajja,
tagħtini l-għodda biex nixxabbat
imbagħad insibek hemm, titpaxxa.

Aqtagħa din li tibqa’ taħseb
tfaqqa’ subgħajk u jiena naqbeż,
insib il-bieb u nitlaq niġri
u milli għedna xejn ma baqa’.

Alfred Grech
20/03/208

Sunday 18 March 2018



Orpheus.

Issa li sibt il-wiċċ ta’ dis-sbuħija,
ta’ dan is-seħer sfiguranti tal-burdati
fil-qiegħ ta’ mera tħares lejja
irid ikun ħelsien mill-ġdid ta’ kif naħsibha
u kif nitkellem.

Issa li sibt mogħdija għalija waħdi
ta’ kif mingħajr tqanżiħ il-kelma noħroġ
ta’ kif mid-dizzjunarju antik u minsi
nislitha
u nagħmel minnha ħjut f’tapezzerija.

Issa sirt naf kif nislet ħsieb qalil minn ieħor
u nibda kif irrid taħlita nħawwar
fil-mewġ tal-fwieħa tmewweġ filgħaxija
tar-rieħa trewwaħ ir-riħ tagħha
fejn għad titwieled drabi oħra
Arfrodite li toħlom biss l-imħabba.

Issa li sibt kif noħroġ mill-filliera
mingħajr ma nweġġa’ ’l-ħadd
jew nagħmel ħsara.

Issa! Ekwilibrista fl-aħħar ħolma.

Alfred Grech
18/03/2018

Saturday 17 March 2018





Lill-Editur tal-Ħajja f’Għawdex.

Aħna li nagħlaqna f’dil-bużżieqa illi nfaħna
Fejn intom ma tidħlux, ’mma biss tittawlu
Bla ma tisimgħu x’aħna ngħidu
Inkella taqbdu biss il-ħsejjes rimbombanti tal-kliem fieragħ
Bla ma tfissruh;
Għax kliemna doppju sens
Inkella xi parabbola li ngħiduha biss
Lil min jifhimha.

Aħna li qiegħdin fl-istratosfera tax-xintilli
Ta’ arja mżewqa bil-qawsalli
Arja rarifikata li qawwa tagħħa saħansitra
Taqtagħalek nifsek,
Ma rridukomx li taqtgħu minn dis-siġra
Bnedmin imsensla ta’ nofs kedda
Għaliex ibagħad allat issiru
Inkella tgħixu għal dejjem.

Intom se tibqgħu hemm
Tistagħdru f’dik l-għadira ta’ gżira msewwsa
Titbaħbħu fit-tajn medjokri ta’ kuljum
U ttennu l-mantra.

Alfred Grech
17/03/2018


Friday 16 March 2018





136.

Minn wara li ħallejtek tistedinni
Biex issa ddur u tgħidli li ttradejtek
Dan mhux kuntratt li bih sejrin nintrabtu
Biex lili żżommi ħabsi tal-ġenn tiegħek
Għax sir qaddej fidil tal-frugħa tiegħek
Dak li qabillek issejħilha mħabba
Għax lanqas biss sibt kelma biex tfissirha
Mitbuq dak fommok baqa’ bla tweġiba
Mitluf fit-trufijiet ta’ xi żurżieqa
Xħin daharek kont mal-ħajt mingħajr difiża
Għax taf l’hekk biss inti lili stajt tirbaħli
Tfixkilni bdejt fil-kobba mħabbla tiegħek
Kull meta  jien inbdilt u sirt ħaddieħor
U inti bqajt ilsiera tal-ġurnata.

Alfred Grech
16/03/2018

Wednesday 14 March 2018




Lil Stephen Hawking.
Eleġija.

Fuq truf il-qċaċet fejn xi darba ħsibna
Li bdejna qafas ġdid fuq li tgħallimna
Bqajna hemm staġnati frott l-insikurezza
Biex niggranfaw mal-mambar tal-profeti.
Imbagħad ġejt int bil-ħsieb submlimi tiegħek.
U bdejna niflu sew il-ħofor suwed
It-toqob ta’ kull żmien f’kull dimensjoni
U mbagħad kissirt il-qoxra u ħriġt il-qalba
Tal-lewża li kissirt bl-intelliġenza.
F’inżul ix-xemx inin minn wara l-kwinti
Sebbaħt ukoll l-iljieli bil-ħolm tiegħek
B’dawk ix-xintilli, xrar tal-kwiekeb jiddu.
U frott il-għerf tgħollejt hemm fuq l-ispalel
Ta dawk l-iġganti, ġenji li ġew qablek.
Fil-fwar ta sbieħ il-jum li jiżvanixxi
Issa li m’għadekx hawn il-bieb jingħalaq
Fuq dawl il-ħsieb li jgħola ‘l-fuq u jiddi
Jinfed in-nagħas, l-aljenazzjoni folta.

Alfred Grech
14/03/2018

Tuesday 13 March 2018




LIII.

X’qed taħbi u tostor wara dik is-sura,
Sbuħija tal-istatwi fik magħġuna?
LI kieku ma kontx nafek, nerġa’ lura,
Milqut minn dawk l-għajnejn, bħal sejf misnuna.

X’qed taħbi wara surtek il-ħanina?
Li kieku ma nafekx kont nerġa’ lura,
U kont tħajjarni nduq tuffieħa bnina,
Għalkemm illum jien frotta sirt misjura.

Li kieku ma kontx nafhek, nibdlek m’oħra.
Illum li naf il-prezza tad-drapp tiegħek,
Illum, indawwar wiċċi n-naħħa l-oħra,
Ma rridx li jkolli x’naqsam aktar miegħek.

Illum li nafek sew, għalfejn nistaqsi?
Int taf li m’hawnx ħaddieħor jafek daqsi.

Alfred Grech
17/07/2012

Thursday 8 March 2018





Lilhinn Minn Dad-Deżert.*

Lilhinn minn dad-deżert ta’ ruħ għatxana,
Xħin ma jibqagħlek xejn għaliex tistenna
Jisbaħ l-għada;
Jew tħares lejn li ġej b’għajnejn il-gawwi
Bil-ferħ ta’ sfida li tiġik biex taqta’ xewqtek.
Jien xtaqt li kont għannej sabiex insawwar
Dak l-innu li għad jista’ ismek jgħolli.
Imqar xħin tara s-sema mċajpar bir-riħ isfel
Inkella tara l-qlugħ fuq baħar qiegħed
Mill-ponta tat-turretta b’inqas ħerqa,
Inti tistenna!
Jien miegħek irrid ngħannaq żernieq ieħor
Li jżernaq fuq dal jum li qatt ma jisbaħ
U nerġa’ nistaqsik għall-kemm il-darba:
Lilek li taf it-tweġibiet imdendla
Bħal fil-kwadru ta’ nżul ix-xemx efimeru.
Bħal kieku qatt ma kien u m’hemm xejn aktar
Għajr ħsieb li jisparixxi wara x-xefaq
U nerġa’ niskoprik filwaqt li nifraħ:
Ja mara tal-misteri.

Alfred Grech
08/03/2018

*F’jum Il-Mara