Wednesday 29 May 2019


Related image
Fil-Bandla

Fil-bandla bejn il-ħtieġa
Li tlaħħaq ma dil-ħajja
U l-patt li lilek inħallik
Tgħix ħienja fi ġnien il-Għeden
Nitbandal jiena.

Jekk issa nsejt jien x’ridt ingħidlek
Għax moħħi ma tagħnix
Jew ma kienx hawn
Jew kont imbiegħda minni
Int ħsibt li din xorti ħażina
Inkella gax naħlu l-ħin
Fuq din il-mejda skarsa.
Jekk dan li qed naraw hu biss il-bidu
Ta’ binja bħalma tibni xehda n-naħla
U tkun int merħba bik
U lilek nilqa’ jien
B’dirghajja miftuħa
Ħekk nibda nerġa, nħobbok
Bħalma ħabbejt dahri.

Alfred Grech
29/05/2019

Tuesday 28 May 2019


Related image


Ħadd Mhu Se Jagħtina.

Ħadd mhu se jagħtina
Dal-passaġġ biex nirkbu ftit,
Xarabank trid tgħaddi
Biex twassalna sal-infern.

Nidħlu lkoll fi drawwa
Għax naraw lil ta’ madwar,
Bla ma biss nistaqsu
Dan għaliex jew fejn sejrin?

Għax jekk ta’ qabilna
Ħadu żball nirrepetuħ,
Nagħmlu li jgħidulna
Bla nistaqsu : Dan għaliex?

Nemmnu li jgħidulna
Sakemm dan isir twemmin,
Hawn qiegħdin ghax naħsbu
M’hemm imkien fejn tista’ tmur.

Ilħna li jistordu
Fil-benniena tal-ġwejjdin,
Bnadar ma nofs l-arblu
Qed iperpru bid-dulur.

Xkiel u barrikati
Sa ma naslu sal barkun,
Toroq parelelli
Sabiex naslu f’tarf l-irdum.

Jekk  xi darba naslu
Bla ma nafu fejn sejjrin
Dawk huma l-fruntieri
l-konfinit  tagħna stess.

Alfred Grech.
28/05/2019.



Related image

Iramblu u jkomplu Jramblu.

U jrammblu u jkomplu jramblu
Fuq poplu aljenat
Bl-inġenji li jopprimu
Fuq ġens alluċinat.

U jkomplu jiftħu beraħ
Bibien is-swar tal-belt
Bla jafu qed jistiednu
Kull ħażen ma kull għelt.

“Mma xejn ma jħabblu rashom
Sakemm qed jikkmandaw!
Pajjiż li qed jitfarrak
U huma jixxalaw.

U jkomplu jgħixu l-gidba
Li għada ma jasalx
U jħaffru qabar wieħed
Għal kull min ma felaħx.

Itellqu fit-tellieqa
Li ħolqu huma stess,
Tellieqa artifiċjali
Ta’ qtigħ il-qalb u stress.

Biex għad xi darba jgħidu
Hawnhekk kien ġenna fl-art,
Illum imlewħ bil-bini,
Illum imlewħ bl-iskart.

Alfred Grech
28/05/2019


Monday 27 May 2019

Image result for incongruous


Xħin Tgħaddi.

Xħin tgħaddi ħajjetek kollha tagħmel li kont tagħmel
Tistaqsi: Din ħajjti?
U ssib li nhemm xejn ġdid
Minn dak li stajt titgħallem
Għajr kif titgħallem tgħix fil-kumdita’.

Xħin tgħaddi ħajjtek kollha tagħmel li kont tagħmel
Tkun sirt espert, speċjaliżżat
Xi ħadd ta’ professjoni
U taqbeż lil ħaddieħor li xejn ma jifhem.

Issib li tkun imdawwar
Min min ma jistax jifhmek.

Alfred Grech
27/05/2019

Saturday 25 May 2019


Related image

Sibtni Hawn.

Sibtni hawn indur u nagħqad
Minn ġo bieb għall-ġol-ieħor
F’din il-logħoba silutata tal-bibieb iduru
U la naf jekk jiniex dieħel
U lanqas jekk ħiereġ.

Iva naf li dak kollu li hemm barra
Hu fil-mera ta’ hawn ġewwa
Iżda xorta għadni niġġerra
Wara l-friefet u l-bżieżaq tas-sapun
Qisha kienet l-ewwel darba.

Dak li mhux ġo fik mhu mkien
U mhu fuq l-ebda skrin jew ologramma
Għalxejn tiftaħ il-bieb
Biex toħroġ barra
Għax barra ma ssib xejn.

Alfred Grech
25/05/2019.

Friday 24 May 2019



Related image
Għidilhom Lill-Atturi.

Għidilhom lill-atturi
Li dan hu teatrin,
Għalfejn qed tikkonfondu
Hekk ġara tul is-snin.

Għidilhom lill-votanti
Dan mhux ħlief telf ta’ ħin,
Għax dawn iwiegħdu kollox
Temminhom tkun miskin.

Għidilhom li din farsa
U xejn bis-serjeta’,
Din hi traġikummiedja
Għat-tfal ta’ kull eta’.

Mhumiex ippreparati,
Qed jgħidu l-ħmerijiet,
Iwiegħdu s-sema u jagħmlu
Taparsi għeġubijiet.

Jagħmlulek l-ilma jiżfen
U tant u tant wegħediet
Imm’intom x’tagmlu tafu
Xħin tkunu hemm fis-skiet.

Dawn huma biss atturi
Għax suġu m’hemm ta’ xejn,
Duħħan u bżieżaq fl-arja,
U tmur tivvota għalxejn.

Alkfred Grech
24/05/2019

Thursday 23 May 2019


Related image


Bil-varniċ.

Hemm offiżi li għandhom minn tal-blugħa
hemm oħrajn li huma biss ħela ta’ ħin.
Aħna nivvjaġġaw fuq sħab l-eklissi ta’għada
inqanqlu ġewwa fina l-burraxki
li jdallmu l-ikħal tas-smewwiet fi żmien il-bnazzi
u l-votiġini ta- dinja nsensata
tfittex fil-baħħ tan-numri fl-irdieden taċ-ċifċifogu
biex tinsa l-ħsara li toħloq is-sistema.
Serbut nemel li qatt ma jrid jistaqsi fejn u sejjer
iżda jimxi wara l-passi ta’ min hemm quddiemhu.
Insensati dawn l-uċuħ iċarrta u mġerrċa
li jidhru fil-paġni tar-rivista jleġġu bil-varniċ tal-attaparsi
illi bellgħulhom u aħna mmutatai u ssummati
nistħajjluhom jew nixtarruhom.
Biex jagħmlu l-bżar fl-għajnejn li min dara
jibla’ kollox fil-battal ta’ dak kollu
li qed jgidu.

Alfred Grech
23/05/2019

Tuesday 21 May 2019



Related image

Għada.

Jien naf li nilgħab qed man-nar
u f’ħin jew f’ieħor għad ninħaraq.
Jibki mbagħad vjolin li qatt ma tmissu
bil-melodija li ma sawwartx.
Pulzier, pulzier qed noqrob lejn ix-xifer
sakemm ikolli naqbeż,
inkella nerġa’ lura
u naqa’ għaċ-ċajt.
Għaliex għada qatt ma wasal.
għaliex għada jġorr il-biża’ tiegħu
bħall-ħmura ta’ f’l-għaxija
hekk kif ix-xemx tkun nieżla.
Biżżejjed hu għall-jum il-ħażen tiegħu
kemm trid,
imm’għada joqrob ma kull pass
u twaqqfu ma tistax.
għaliex għada trid tinsieħ,
bħall-mewt li twieldet miegħek
u tibqa’ tgħix għall-dejjem.
Għax għada hu bħal ħrafa
li lanqas trid temminha.

Alfred Grech
21/05/2019


Related image

Fuq Din in-Naħħa.

Fuq din in-naħħa mġennba ta’ dil-perċa
Fejn inti ġejt tistaqsi dwar it-temp u l-klima
Għax ħsibt li xħin tivvjaġġja tbiddel il-viżjoni
U x-xemx tiddilek isbaħ minn din-naħħa,

Fuq din in-naħħa tax-xaqliba
Fejn ħsibt li ser issib is-skiet u l-ħemda
Ħarist f’wiċċ dal-miskin
U sirt narċiża.

Fuq din-in-naħħa  tal-munġbell li raqad
Fittixt mingħajr ma sibt
Il-meravilja,

Kun af li ħadd ma jista’ jagħmlek ħienja
U dan hu tarf tat-triq it-twila,
Li dan hu simulkakru
U li f’dil-ħajja xejn ma kien li jibqa’.

Alfred Grech.
21/05/2019