Wednesday 29 August 2018


Related image

INT U INT BISS.

Inti li tisfidani ma kull nifs li nieħu
mingħajr ma biss qatt tlissen kelma
u jien irrid inkejjel bil-kumpass  ċ-ċirku
li tagħmel ta’ kull darba
xħin tgħaddi qrib mingħajr ma tħares.
Irrid wkoll nistaqsi lili nnifsi
jekk jaqbillix nintilef
fl-immensita’ tal-ġenn li int tgħidilha imħabba
inkella noqgħod  kwiet fis-solitudni mnearrba
niddetta s-sokor ta- dinja oħra
fejn mhemmx ix-xibka ta- kulljum u mhemmx l-għanqbuta
li sibtni ta’ kull darba imxeblek ġewwa fiha.
Għalik nagħmilha l-qabża ġol-abbis mudlam
minn fuq ix-xfar misnun tal-amneija
u nerġa ngħix imqar għal ftit waqtiet dik l-illużżjoni
li inti u inti biss tagħmilni tista’
ferħan għal dejjem

Alfred Grech
29/08/2018


Monday 27 August 2018



Image result for cyclical univers
Qatt Ħsibt?

Dawk li jgħidulkom li din hi mixja
mhumiex iħarrfu
għaliex sabiex itaffu xi ftit l-assurdita’
xi ħadd webbilhom
li hemm destinazzjoni li jirdu jaslu fiha,
u li trid timxi dejjem ’l-quddiem
mingħajr ma tħares lura.

Jien m’emmintx u bħal Orfew
ħarist lura u kollox għosfor
fid-dlam tal-bieraħ.

Qatt ħsibt li dan mhu xejn għajr dawrien ċikliku
tal pjaneta li nqabdet fil ħolqa ta’ mħabba
max-xemx li tnin bil-mod
sa ma tinħela?

Alfred Grech
27/08/2018


Sunday 26 August 2018


Image result for moon contempating itself

U Issa Rrid Nibda’ Nifhem.

U issa rrid nibda nifhem
għaliex int qatt m’għandek il-ħin
u r-ritmi tiegħek jgħaġġlu wisq
biex nista’ nlaħħaq miegħek,
ondati ta’ mewġiet li qatt ma jaslu
sax-xatt tal-art fejn hemm il-blat
inkella r-ramel jistennihom.

Jien xtaqt inħares lejk
bħal meta l-qamar kwinta jħares l-isfel
lejn baħar iċċassat
jikkuntempla r-rifless tiegħu
imewweġ fit-tamiet li jogħsfru.

Minflok ikolli biss nitwekka
bil-frak ta’ kwiekeb mgħaddba
u nħares lejn eklissi ta’ qamar imdagħdagħ
inkella nżul ix-xema
ta’ mħabba li għaddiet
għax saret silġa.

Int missek taf biżżejjed
biex ma tilludinix
jew ħalli lili nidħaq bija nnifsi
filwaqt li naf li qed innaqqas
mill-għażliet li fadal.

Alfred Grech
26/08/2018

Friday 24 August 2018


Image result for sisyphus

L-Isfida ta’ Sisifu.

Kullħadd imwaħħal hawn
Mal-ftit li dawk ħallewlna
Din hija l-art li nafu
U d-dinja li għaddewlna.

Ma nillargawex minn hawn
’qas nafu x’hemm bil-ħniena
Lilhinn miċ-ċpar tal-baħħ,
X’hemm moħbi jistenniena.

Irridu nibqgħu hawn
Kemm wieħed u kemm l-ieħor,
Hawn drajna u hawn qiegħdin
U ma nafux mod ieħor.

Ikun biss it-twemmin
Għax fieragħ kemm hu fieragħ
Iżommna nittamaw
Li llum aħjar mill-bieraħ

Fuq l-għolja tal-allat
Naħilfu mbgaħd l-isfida
Li nibqgħu ma nobdux
U din tkun ħajja ġdida.

Alfred Grech
24/08/2018

Thursday 23 August 2018


Image result for titans myths

Bħal Meta x-Xlokk.

Bħal meta x-xlokk ifarfar iċ-ċpar tiegħu fuq il-qċaċet
U n-nida tfixkel lil kull minn irid javvanza
Huma t-truf ta’ xuxtek,
Il-kuda li tħallili ma  kull kelma
Li toħroġ minn xofftejk.

Għax nibda ma narax lil hinn
Minn fejn  il-qaws iwassal
Biex b’hekk sirt il-ħalliel
Li ġejt infittxek qalb il-folla.

Bil-ħeffa tal-għasafar dik mixjietek,
Li għandha minn qawwi li jitmewweġ
U jokrob mingħajr biss ma jaf il-għala,
Bħal meta fisfidaħ tweżieq il gruwa
Li tgħid li ġejja x-xitwa  u ttir ma sħabha
Bil-ħsejjes ta riġment,
Jinġarru mal-kurrenti ta’ filgħodu.

Int bħalitrid li tkompli fejn ħallejna
U tobdi lill-allat  bla ma tistaqsi,
Għax kontra dak  li s-sħab u l-kwiekeb jiknes
Ftit stajt tisfida.

Alfrerd Grech
23/08/2018


Tuesday 21 August 2018


Image result for at the end of oneìs life

L-Aħħar Waqtiet.

L-aħħar waqtiet
huma tqal għal fuq l-istonku,
għax inti tkun emmint
li dan mhu xejn għajr taraġ li titilgħu
u ma kull tarġa tiskopri s-sewwa
inkella sewwa ġdid jekk mhux is-sewwa kollu,
u tibqa’ tiela’ ’l-fuq sa tasal sal-quċċata
mnejn tista tara kollox u tara x-xefaq.
Imbagħad tinteba f’daqqa waħda
li mhi quċċata xejn
għax tkun wasalt fit-tarf,
fit-tarf tal-preċipizzju.

Alfred Grech.
21/08/2018

Image result for proteus mythology

Għaliex Qed Tistaqsini?

Għaliex qed tistaqsini w’qajtx fil-muta?
Int taf li kull tant żmien jien irrid niskot
u nagħmel bħal bebbuxu
nidħol ġo kamarti,
għaliex il-baħar imkurlat
jimlieli għajnejja bix-xrar tal-kwiekeb
u ħsibijieti biċ-ċpar tal-illużżjoni.

Għaliex qed tistaqsini x’inhi l-biċċa?
met’inti daqsi taqra
il-passi ta’ quddiemna
u l-melodija li daqqejna waqt iż-żifna
li kienet frott tas-seher
ta’ lejla ta’ bla qamar u bla kwiekeb.

Alfred Grecvh
20/08/2018

Monday 20 August 2018

Image result for starry starry night

Għaliex Qed Tistaqsini?

Għaliex qed tistaqsini w’qajtx fil-muta?
Int taf li kull tant żmien jien irrid niskot
u nagħmel bħal bebbuxu
nidħol ġo kamarti,
għaliex il-baħar imkurlat
jimlieli għajnejja bix-xrar tal-kwiekeb
u ħsibijieti biċ-ċpar tal-illużżjoni.

Għaliex qed tistaqsini x’inhi l-biċċa?
met’inti daqsi taqra
il-passi ta’ quddiemna
u l-melodija li daqqejna waqt iż-żifna
li kienet frott tas-seher
ta’ lejla ta’ bla qamar u bla kwiekeb.

Alfred Grecvh

20/08/2018

Wednesday 15 August 2018



Image result for PERSEPHONE

PERSEFONE.

Taħt nisġet ix-xoqqa żebbuġija
il-kliem jintilef
imtaffi minn spettaklu
ta’ min jgħid li huwa bin ix-xemx.

Iż-żiffa toqtol kull tama
li xi darba tarani miegħek
fuq gradilja u xofftejk
tilfu l-ħajra tat-tbissima.

Għajnejk ifittxu toroq ġodda
ta’ kif ifissru ruhħom
minghaħjr diskors,
mitlufin f’mirage
ta’ deset l-enimmi.
Tistaqsi għal qatr’ilma
minn bir in-nixfa.
Jien għandi l-ilma tal-ħajja -
kont tgħidli –
Imbagħad fil-ħolm stħajjiltni
l-oasi tiegħek
u bdejt tħobbni.

Mhux l-għafsa tiegħek qed tweġġani
u mhux difrejk
Iżda l-ħars battal ta’ bir bla qiegħ
li hemm f’għajnejk
u l-ksieħ ineżorabbli
tad-dellijiet li ma kellhomx
xaqq dawl warajhom.

Alfed Grech
15.08.2018

Monday 13 August 2018


Image result for eternity

U Taf LI Din Mhix l-Aħħar Darba.

Ma dil-gomma li tiġġebbed
noqorbu lejn xulxin
Imbgħad nitbiegħd.
Hekk hi l-eternita’
Illum irridek jiena
Trid għada lili.
Fuq dan iċ-ċirku tond li qatt ma jaqta’
l-eternita’
nitbiegħdu minn xulxinu
u nerġgħu niġu
fuq bandla tiela’ u nieżla
għall-irdoss.
Illum irbaħtlek jien,
Tirbaħli għada
U ngħid li ma rridekx
Meta naf tajjeb, li żmien bi żmien
Tarani għad ma ġenbek
Iżd’inti ma tkunx trid,
U taft li din mhix l-aħħar darba.

Alfred Grech
13/08/2019

Sunday 12 August 2018



Related image
Il-Mostru Ma Nkunx Jien.

Infern dal-wara nofsinhar t’ awwissu.
Min għajnejk jiżżerżaq dmugħ
li mhux ta’ San Lawrenz
U jien trasfugurat.

Iż-żiffa sħuna trid twassalli
ix-xrar tax-xenqa tiegħek
u n-nar li jixwi fuq il-gradilji.

Imqar jekk int daqshekk il-bogħod
li ma tkejjlux,
ma tagħmel xejn ħażin
jekk għad tissogra.
Jjekk tfittex hux din hija l-verita’
inkella hux tixxiebaħ,
jekk jien jiniex tassew,
inkella fissazzjoni
ta’ min xtaq jasal l-għada
mingħajr ma jisbaħ.

Jekk tibża li tisfida l-mostru
Il-mostru ma nkunx jien
tkun int li bżajt
minnek innifsek.

Alfred Grech
12.08.2018


Saturday 11 August 2018

Image result for San Lawrenz



Raħal.

Jien ġejt hawn biex nagħmel bejta
Ġejt infittex ftit mistrieħ
Mill-għajjat tal-folla mġenna
Fost il-ħemda, għall-erwieħ.

Iżda dawk jiżdiedu baqgħu,
Baqgħu jibnu kullimkien,
Jingumbraw, iħarbtu, jkissru,
Jiżverġnaw kull fejn kien kien.

Dawk t’hawnhekk ħwejjiġhom biegħu,
Għax imsieken ma basrux,
Illi żmien bi żmien għad niġu
Geġwiġija bħal bebbux.

U dawk ġew, dawn komplew jibnu
Biex ma baqa’ l-ebda kenn,
Min dar-raħal kwiet u ħiemed
Sar teatru mimli ġenn.

Alfred Grech
11/08/2018

Friday 10 August 2018


Related image


Jien Kont F’Għajnejk.

Jien kont f’għajnejk u int kont tħares lejja,
Kien hemm il-bogħod bejnietna
Distanza ta bla truf.

Jien ħsibt li ġrejtha kollha,
Xħin qtajt in-nifs
Sibt lilek qed tfissidni.

Kien hemm il-baħar jaqsam ta’ bejnietna
Iżd’int waqajt mis-sema u ġejt ġo ħoġri
Imbagħad xħin sar il-ħin
Jien bżajt li mhux qiegħdin niftehemu.
Għalkemm it-tnejn imdawwra madwar mejda
Nixorbu l-kapuċċin.
Jien  stajt nissinkronizza l-arloġġ tiegħi
Mal-ħin tiegħek.
Iżd’inti bdejt tibissem
Jew kont ġa taf x’ser ngħidlek
Inkella,
Li terġa’ tkun darb’oħra.

Alfred Grech
10/08/2018

Thursday 9 August 2018


Image result for the eyes are the mirror of the soul

Ridtek Tħares Ftit f’Għajnejja.

Ridtek tħares ftit f’għajnejja
Ridtek tħares ftit fl-abbiss
Jew tistaqsi l- mistoqsija
U taqrani kif imiss.

Ridtek tħares ftit f’għajnejja
Ridt nistaqsi jien min jien,
Bdejt inħoss is-sħana tiegħek
Kollox reġa’ għal li kien.

Ridt inħossni biċċa minnek,
Ridt nintilef fl-univers,
U ridt ngħum fil-baħar tiegħek
Ridt inħossni ftit divers.

Jiena deherli li ħassejtek
Issefsifli fil-widnejn;
Kont imnebbaħ, kollox sewwa,
Xħin ħassejtni bejn ħaltejn.

Ridt ninġarr mar-rima tiegħek,
Ja sibilla, fejn tmur int;
U ridt nisma’ x’tista’ tgħidli
Sforz il-heġġa, sforz l-istint.

Ridt inħares fija nnifsi
Jekk hux din il-verita’;
Jew inkella hemmx xi maskra
Biha nsib l-identita’.

Alfred Grech
09/08/2018

Tuesday 7 August 2018

Image result for gaia and uranus


Jien Xtaqt Inħares lejk.

Jien xtaqt in+ħres lejk
kif int qed tħares lejja.
Iżd’int bqajt twelled it-titani
u jien żvinat mort niġri
ninħeba wara x-xefaq.
Xtaqt ngħajjat ngħidlek titlaq
iżd’int bqajt tħares fiss f’għajnejja.
Ġejt hawn niltaqa’ miegħek
biex neħles mill-magħmul li kelli fuqi,
is-saħta li tidwi baqgħet dejjem ġo widnejja.
Dan hu l-biża’
dan huwa dak li jħoss
min joħlom ħolma kera
u jqum xħin it-twerwir
ma jkunx jifilħu iżjed.
Iżda’ jien la nista’ nqum
u lanqas niflaħ aktar.
Jien nibqa’ hawnhekk
fi ħdan l-eternita’
biex ngħodd ir-ramel ta’ dix-xtajta.

Alfred Grech
07/08/2018

Thursday 2 August 2018


Image result for if you stare into the abyss


Imqar Tarani Fir-Rifless.

Żommni ftit ieħor ħdejk
għandi mnejn nistordi
inqar l-għaraq ta’ ġbini
issa kesaħ,
u nista’ noqgħod hawn
nistaħba taħt l-iskomdu
ta’ li ma jagħmilx sens.
Imqar l-għanja trid teħel
u l-kliem ma jfisser xejn.
L-għammieq hu tqil u fond
fond iktar milli ħsibtu.
L-għammieq ma jwasslek għal imkien.
Hemm l-għanja tas-seħer li trid toħroġ
l-għanja taż-żernieq
li tbiddel il-burdata.
Jekk ngħidlek: Erġa ttawwal
fl-abbissi ta’ bla qiegħ,
tobdini?
Imqar tarani fir-rifless.

Alfred Grech
02/08/2018