Tuesday 30 October 2018


Image result for solitary lamp in a lane

Il-Lejla Ma Ġejt Xejn.

U nibqgħu nittamaw li għad xi darba
lnsibu jiena u int l-imkien u l-waqt.
f’xi lejl ta’ skiet bla qamar u bla kwiekeb
ninfexxu nħarsu t-tnejn f’għajnejun xulxin.

Iżd’inti mhux lakemm tiftiehm miegħek,
inkella taqbdek f’wegħeda u tgħid xi trid,
fittixtek fl-isqaqien tar-raħal kollu,
jew taħt id-dawl inemnem tal-fanal.

F’dil-lejla ta’ bla kwiekeb u bla qamar,
stħajjiltek li trid tkebbes il-fuklar,
hawnhekk iltqajna t-tnejn għal-kemm il-darba,
illum id-dawl fuq wiċċek qed jisfar.

Ħassejtni bħallikieku kont xi għama
ifittex il qawsalli qalb ir-raxx,
il-lejla ma ġejt xejn u xejn ma ġara,
u bqajt ma kebbistlix imqar musbieħ.

Alfred Grech
31/10/2018

Saturday 27 October 2018




Ninxteħtu Bilqiegħda.

Ninxteħtu bilqiegħda fuq l-għatbet il-bieb miftuħ tal-inċertezzi,
ta xemx li qatt ma tinżel wara x-xefaq għax jiltewa
u nimxi ma xulxin fpellegrinaġġ li jrid jgħaddina minn bieb għall-ieħor
tferfer ġwenħajtk bħall-anġli tas-smewwiet
bejn ibħra u sema li ma jiltaqgħu qatt.
Bħal l-pendlu mbagħad indur jien fuqi nnifsu biex
nurik li d-dinja tassew tonda.
Jien għad niltaqa’ miegħek  max-xatba ta’ lilhinn
għaliex il linja li tifrida hija l-linja
ta’dak li jidher u dak li ma jidhrix
isserraħ fuq l-ixfar iktar il-bogħod minn kull konfini
li jħawwad il-ġejjieni
biex jerġa’ mbagħad jistrieħ fuq xtut indifferent
bħal meta wieħed joħlom it-tifkririet inkella l-biża’
ta’ dak li jista’ jiġri.
Id-dell li nħallu jiena u int ikun id-dell rifless mal-ħitana tal-infinit
u mfisser biss bis-sillabi mislufa
minn kull kelma mistħajjla
fit-tifkiriet tal-bieraħ
u tħabbir ta’ dak li jista jiġri.

Alfred Grech
27/10/2018

Friday 26 October 2018




L-Għaliex.

Hu biex nirrendi mingħajr sugu
u ta’ bla saħħa dit-tnehida li jien
nikteb b’dan l-ilsien li mank jinftiehem
Imħallat mal-ilwien ta’ qawsalla artifiċjali
ilwien ġodda, frott ta’ moħħ
u qalb titniegħed
ilwien artifiċjli jidwi ħsejjes
tal-eklissi ta’ univers magħluq ġo kaxxa
ta’ żmien li qatt ma beda
eternita’ mnaqqxa u ċirkoskritta
fl-ispazju u fi-żmien.
Din hi t-tnehida li ma tinstemax
pennellata li titħassar
berqa li tintesa.

Għalhekk jien naqbad dil-pinna
u nħarbex dawn il-versi.

Alfred Grech
27/10/2018
























139.

Int għedtli ma nibżax għaliex jum ieħor
Biżżejjed jaħli d-dieq u l-ħell tal-bieraħ.
M’għadnix inħares il-quddiem biex nirbaħ
Battalji, insir eroj jew oqsma ġodda.
Int għedtli ma nibżax iżd’hi tal-biża
Dil ħajja, nistradaw kapriċċ ħaddieħor.
Jgħidulna x’għandna nagħmlu u x’għandna ngħidu,
Fit-tajjeb, fil-ħażin, kif se jkun l-għada.
Inqbadt ġol-ingranaġġ u tibqa’ tgħidli
Biex qalbi ma naqtax għax tajtni l-mezzi,
Maqbud f’dal-paradoss jew f’din l-għanqbuta
Li ħloqt biż-żmien u żmien qed jiġri bija.
Ma jafx jekk in-nuqqas fir-ritmu hux tiegħi
Inkella l-univers qed jgħaġġel aktar.

Alfred Grech
26/10/2018

Thursday 25 October 2018


Related image

Dan li ma niftiehmux.

Dan li ma niftiehmux
Nuqqasijiet li jirrikorru
Huma x’aktarx l-iżbalji
Li trid tagħmel biex tibda tifhem.

Ikunu dawk li jagħtu bidu
Għal ħajja ġdida.

Imwaħħla f’moħħi wkoll
Kull fissazzjoni tiegħek.

Jien nagħmlek l-isbaħ mara li qatt ħlomt
U hekk trid tkun
Biex tibda ssaltan
Fis-saltna tiegħi.

Alfred Grech
25/10/2018

Tuesday 23 October 2018



Related image
Aħna Nitniehdu.

Aħna li sirna barranin imqarr fi djarna
għax is-sistema belgħet kollox
għax sirna fqar mingħajr ma ntbaħna
għax hemm il banek jaħkmu kollox
u rqadna f’dawl il jum
għax hemm min jieħu ħsiebna
u jieħu ħsieb ħwejjiġna.

Aħna li twelidna fl-għaks imwaħħar
li ma jaf xejn mill-għerf modern u l-ġid virtwali,
li drajna fil-ħelsien tal-ħsieb u l-kelma
tal-beraħ tal-widien u tal-għelieqi
ma nifilħux il-madmad tas-setgħana
u l-arroganza tal-anonimat sottili,
ta’ dawk il ħafna rjus isuqu l-merħla
ta’ dawk li jridu lilna jgħallmu
x’għandna ngħidu, x’għandna naħsbu
u x’għandna nagħmlu bi ħwejjiġna.

Aħna ma naduraw lill ebda alla falz
lill-ebda naqxa u l-ebda xbieha
ta’ li hemm fis-sema ‘l fuq
u ta’ li hemm fl-art minn taħt
jew ta’ li hemm fl-ilma ta’ taħt l-art,
ma nitmejjlux quddiemhom
wisq inqas quddiem dawk li jseħħfu l-flus
jisolħu sa l-insetti
u jdawwru r-rota tal iħirsa
f-ekonomija diġitali tisparixxi
tintefaħ bħal bużżieqa
ta’ bla isem, li tħaddan lilha nfisha
xi ħadd bi ħamar il-lejl
la jara u lanqas jisma’.

Aħna noħorġu fil-miftuħ
interrqu l-vija sagra
għaliex ma nifilħux it-toqol
tar-radda tal-moħriet
tas-sikka dejjem tobrox
tal-morsa dejjem tagħfas
tal-par għajnejn li qatt ma jorqdu. . .

Aħna nitniehdu.

Alfred Grech
24/10/2018




Mhux Il-Bogħod li Jifridna.

Jien noħlom il-jiem fejn xejn ma jiġri,
u lilek li tagħllimni
l-għerf sieket ta’ kull meta nisfa’ waħdi.

Mhux il bogħod li hemm jifridna,
iżda l-mixja li tissejjaħ vjaġġ fittizju,
il passi tar-riġlejn li qiegħdin biss f-moħħi
Hemm biss it-tokki tal-arloġġ
jew is-sekondi li jressquni lejk
jew lejn ix-xefaq.

Ix-xefaq mhuwiex evanexxenti,
ma tilħqu qatt
xi darba rrid immissu
mhux b’idejja.

Kif u meta ma nafx
lanqas naf  xhemm lil hin minnu
int tlaqt malajr bla klien
u bla ma biss sellimtli.

Alfred Grecj
23/10/2018


Monday 22 October 2018



Related image
U Għadhom Jgħidu.

U għadhom jghidu : l-ekonomija ghad trid tikber
U din kemm sejjra tikber?
Din l-art l-art li kemm kemm tidher fuq il-mapep
 issa saret l-art tal-iġganti, l-art tal-meravilji, l-art tal-ħrejjef.

U dawk l-oħrajn jagħżlu l-miżien biex ma jkun hemm ċaqlieq bla ħtieġa.

Għax issa bdejna nbiegħu lilna nfusna, dak li hu tagħna
biex nagħmlu l-flus,
F’din l-art fejn tista terdgha l-ħalib u l-għasel
U ntenn għal kemm il-darba li l-ekonomija għada tikber

Issa li ftaħna l-bibien ta’ djarna
U sSirna multikulturali.
X’se jsir minnha aħna li nemmnu li aħna maltin u għawdxin?
 Ma jimpurtax, l-aqwa li  ferrovija tibqa sejjra u żżid il ġiri l-quddiem
Biex ngħidu li aħna fost l-ktar pajjiżi sodi.
Lanqas  jimporta li l-ferrovija ntliet sa snienha,
Lanqas jimporta li hawn aktar barranin
Jew nies li ma jafux minn fejn se joqghodu
Jimporta li żdide l-opulenza
Għax baqgħu jibnu u baqgħu jibnu
Għax hawn vetturi aktar min-nies
Din hija art  li tisħtħi tgħid x’jisimha
Għax il-bixkilla ntliet u l-bċejjeċ bdew jaqgħu fl-art
U la żwiemel u lanqas in-nies tas-sultan
Ma setgħu iqiegħedu flimkien il-biċċiet.
Tgħotor, fl-ambjent, l-għoli tal-kirjiet u fl-affluwenza
U hekk issa Malta Tagħna tħejji ruħu għal ġejjieni billi tistenna
l-bagalja li jġorr il-ministru tal-finanzi
U bdejna nemmnu wkoll dil-ħrafa
Ma nieħdu minn ta’ ħadd u nagħtu lil-kullħadd.
Għax issa għandna żżejjed.

Alfred Grech
22/10/2018

Sunday 21 October 2018


Image result for recycled emotions

Bħal-Raxx It-Tqanqiliet.

Bħal raxx it-ttqanqiliet
li jinxfu fuq il-ġilda
u jiena ħsibt li nġedded
it-teatrin tal-bieraħ.

Beraq u sajjetti
mingħajr ma tasal qatt
il-maltempata
mingħajr ma jqum ir-riefnu.

Stennejtek kemm il-darba
int bqajt ma ġejtx
bqajt itaqqabli rasi
bit-torturi ta’ dak li naf.

Xħin tixxotta l-bettiegħa
tobrox il qiegħ għalxejn
għax lanqas dmugħ ma jibqa’.
La spejgazzjoni u lanqas naqal.

Il-fdal hu biss irmied
ta’ kull tqanila riċiklata
ta’ sensazzjoni li għadda żmienha
li ma titkebbes qatt
għax tibqa’ dik li hi
Tifkira.

Alfred Grech
21/10/2018

Friday 19 October 2018


Related image

Kif Inti?

Kif inti? –qaltli-
Jien ukoll ma niflaħx nerfa’
It-toqol tal-baħħ u x-xejn,
Bil-ktajjen ma riġlejja
Li xekklu lilna t-tnejn.

Jien għadni kif kont qabel
-Weġibtha-
Mal-għadu aggressiv,
l-inkomprensjoni, l-għamad
Nissielet impulsiv,
Dil-bestja feroċi li daħlet ġol-imħuħ
Dan l-annimal li qiegħed jiggranfa
jinvadi imkejjen sagri
jisraq dak li mnhux tiegħu
u jaħkem il-merħla lluppjata.

Qaltli: Wegħedni
Li fis-sahra u fit-tnissija
Ta’ min mar jgħix f’ħin ieħor
U mhux issa,
Tibqa’ tiftakartni.

Alfred Grech
Ż19/10/2018


Wednesday 17 October 2018


Related image

Is-Sens tal-Ħajja.

Xħin tibda tmur għar-ritmu
U lanqas sibt ir-rima,
U tibqa’ ddur u tagħqad
U titlef it-tbissima,

Xħin lanqas biss il-weġgħa
Ma tħoss u xejn mhu f’waqtu
U taħsbek miexi f’ħolma
U xejn ma jkun kif xtaqtu.

Xħin timxi bla ma tħossha
Ir-rifsa xħin titlajja,
Tistaqsi hux qed titlef
Tassew is-sens tal-ħajja.

U taħseb hux f’kull weġgħa
Ewwilla hemmx tifsira,
Fil-forġa n-nar isaffi
U jnessi kull tifkira.

Xħin lanqas tibqa’ temmen,
Li fuqu kont isserraħ,
Li wasslek f’tarf in-niżla,
Mhemm xejn li jista’ jferraħ.

Issir hekk taf il-għala
U din tagħlima kbira:
Mhux int il-ħajja tifhem
Il-Ħajja ttik tifsira.

Alfred Grech
17/10/2018

Monday 15 October 2018




Jien Stennejtek.

Jien stennejtek u inti bqajt ma ġejtx
mort fil-waqt u mkien li fteħemna.
Int jista’ jkun li ntift fil-weraq idur
maħtuf minn riefnu
fit-triq li t-tnejn terraqna.

Jien stennejtek u int bqajt ma ġejtx
għax jista’ jkun li l-mormoriji tiegħi dejjquk,
għax jista’ jkun li smajt il-melodiji
li daqqejt u dort u reġa’ bdielek.

Jien issa qiegħed hawn
nagħmel dak li ndrajt nagħmel
nibgħat it-tislijiet lil dak li jkun
u nistieden li min jgħaddi.

Alfred Grech
16.10.2018



Image result for staring at the stars

X’Int Tħares?*

Inħares lejn il-kwiekeb
għax qiegħed ġol-gandott
għaliex minn ġol-perjani
jidħol biss
dawl iffiltrat.

Bibien ir-ruħ mitbuqa
quddiem dan il-flaġell
quddiem dan il-massakru
l-aljenazzjoni ta’ dak li jaqbel
u dak li jifunzjona.

Il-qalb imbagħad
għad tmut fir-resħa
għax tidhra mqar
is-swat.

Alfred Grech.
15/10/2018.


*Bi Tweġiba għall-poeżija li ġġib l-istess isem ta’ Goelle Galea.



Sunday 14 October 2018


Related image
Din l-Arja Ndefinita.

Kull darba li bexxaqna l-persjani
sfidajna  d-dellijiet
bil-velu tal-imgħoddi
biex żgur ma ningħarfux.

Ħlief arja umda
u xita qliela ma nduqux
kul xħin nittawlu barra.

Ir-riħ imewweġ l-imwieġ
tan-nifs li jidħol fina
tal-fwieħa tar-rand u tal-mertqux
tas-sagħtar li jikber f’art imwarrba.

F’din l-għodwa
ta’ għaġeb u stupur
ta’ arja ndefinita
ma qed jiċċaqlaq xejn
fit-trufijiet tal-ħajja.

Alfred Grech
14. 10. 2018.

Thursday 11 October 2018



Related image
Nixtieq.

Nixtieq li nasal lilhinn minn fejn ħallejtni
maġenb l-assenza tiegħek
nibni mafkar u ninżel għarkubtejja
ngħodd l-iħirsa ta’ bil-lejl
inkella frak il ħġieġ
ta’ wara l-ħabta.
Int tkebbes xrara u titlaq l-hemm
f’dawk il waqtiet ta ġenna eterna.
Jien nibqa’ hawnhekk biex nonfoħ
il-bżieżaq tas-sapun quddiem il bieb ta’ darek
u noqgħod nikkunempla
it-teptip tal-kiekebfl-isfond ta’ sema nnawfragat
fuq skolji diġitali.
Fil- baħħ imbagħad insib it-tweġibiet
li kont nistenna,
imqar jekk tkun intlift
fil-kuriduri twal u dojoq
tar-rutina ta’ kuljum.

Alfred Grech
12/10/2018

Tuesday 9 October 2018



Related image

Tithonus.


U hekk tista terġa’ tqiegħdni
mal-imbeċilli li ħasbuk ġenju
fuq naħħet il-lemin ta’ fejn ħallejtni
bil-miżien il-ġdid tal-ħaqq
f’din l-era ta’ġustizzja feminili,
jew tibni niċċa ġdida
fejn tikkunserva l-inċens tat-tifkiriet
bil venerazzjoni tal-fwejjaġ infernali
bir-riħa ta’ min jiskonta.
Int tista’ wkoll tinsieni
fin-naħħa tax-xellug tal-lvant iżernaq
inkella tibża’ tersaq lejn in-nar
li qatt ma jnixxef l-għatx
għax taf li wiċċ il-baħar jirrifletti
is-sliem ta’ qamar ħiemed.
Il-mewġ irodd lix-xtajta
il-bews ta’ grigalata
u l-bżieżaq arja li ma felħux
it-toqol tal-abbissi.
Imqar fid-dalm ral-lejl jien nittawwallek
mal kurutiuri twal xħin tippassiġġa
bla direzzjoni
tiskonta l-piena.

Alfred Grech
10/10/2018.