Tuesday 31 March 2020


Jum il-Helsien 31 ta'Marzu 1979 - Home | Facebook

31 ta’ Marzu.

Doċli, mansa u tissubixxi
Id-daqqiet tal-frosta,
Ħekk sirt ikkalpestata
F’idejn l-manigoldi ta’ bla qalb.
Għax issa drajtu s-swat
U l-istupru pperpetwat
U leħen ma baqgħalekx sabiex titniegħed
Għax min iweġġek għandu l-flus
U joffrik fuq il-mitbaħ tad-debħa
U l-għassies li għażilna biex iħarsuk
Kienu ġifa u bla sinsla
Jew konna aħna li ħsibniehom
l-invinċibbli.
Issa mhux aktar tibqa’ tfakkar l-ħelsien tiegħek
Mill-barrani O Malta tiegħi
Iżda mill-madmad tal-ħajjiena ta’ġewwa
Li għasruk u serqulek dik li huwa l-aktar għani għalik,
Ġmielek, serħek u sliemek.
Illum u f’dan il-jum mhux aktar
Il-ħelsien li konna nafu
Trid tfakkar
Iżda ddoqq il-qnienen tal-kampnari
Biex kulħadd iqum min-ngħas
U tibda l-gwerra tal-ħelsien
Mill-għadu ġewwieni li issa daħal taħt il-ġilda.

Alfred Grech
31/03/2020.


Greek Mythology: Theia

Meta l-Art.

Meta l-art issejjaħ
Is-sema jwieġeb
U jista’ jkun ukoll
Li l-bżieżaq tas-sapun
Li nonfħu flimkien
Ma jkunu xejn għajr waqtiet qosra
Iżda għandom mill-ilwien tal-qawsalla.
Lewn il-fidda xfar għajnejk
U jkellmunu bil-brillanti.
Inti għandek il-muftieħ ta’ kull xewqa
U l-univers jitbissem
Sabiex ħielsa tasal kull kelma li tlissen
Sa topgħla ’l-fuq mis-sħab
U tinbidel f’poeżija.

Alfred Grech
31.03.2020

Monday 30 March 2020



MERCURIAL/ORIGIN: The phrase "Mercurial" formed from the story of ...

Onfoħni.

Kemm tiflaħ ippumpjani
Kemm tiflaħ onfoħni
Bħalissa ninħtieġek daqs ir-riħ
Biex immattar ġwenħajja.

Kemm triq ippumpjani
Bħal bużżieqa li f’ħin
Jew f-ieħor għad trid tinfaqa’,
Imbagħad xħin terġa’ tiġi ħdejja
Tista’ tistaqsi sewwasew
Fejn kont sa ftit ilu.

Kemm tiflaħ ejja ħabbat,
Jekk issib il-bieb miftuħ
Idħol ġewwa
U għidli jekk qatt sibtx kenn
Kull meta jitla’ l-ajru.

Alfred Greh
30/03/2020

Sunday 29 March 2020



Spain in absolute quarantine as coronavirus cases rise to 7,700 ...
Kwarantina

Qed jgħidulna nibqgħu ġewwa
għax hemm barra hemm il-waħx,
għax hemm mostru lanqas jidher,
għax hemm għadu ma taraħx.

Qed jgħidulna nibqgħu ġewwa;
qed jgħodulna toħorġux,
u m’għandniex għalfejn niltaqgħu,
ma xulxin ma nitħalltux.

F’daqqa waħda kollox waqaf,
in-negozju w il-kummerċ.
Dawk li kellhom f’moħħom jagħmlu
ħafna flus kemm marru żmerċ!

Izda dawk li qatt ma jixbgħu
baqgħu xorta għaddejjin
mingħalihom xejn ma jista’
lilhom jolqot; Imkabbrin!

Iżda l-dawk ħadd ma waqqafhom
fost il-ħsara u t-tħarbit
jagħfu jbagħbsu, jagħfu jxaħħmu,
għax subgħajhom tal-qarnit.

 U min messu fis waqqafhom
baqa’ jtenni l-istess żball;
xejn ma ntebaħ bli qed jiġri:
Blokka silġ malajr tinħall.

Għax kif tajjeb jgħid il-Malti,
fl-aħħar tasal nhar ta’ Ħadd,
għax xħin theżżeż il kolonni
ma Sansun imut kullħadd.

Alfred Grech
29.03.2020.


Saturday 28 March 2020





The Bizarre Historical Origins of the Humpty Dumpty Nursery Rhyme

Humpty Dumpty

U meta jiġġarraf it-torri
u kollox jaqa’ borġ
aħna noqgħodu hekk inħarsu
u nitpaxxew bid-destin ta’
Humpty Dumpty.

Aħna li qatt ma doqna
mis-sehem tar-regħba u tal-affluwenza
u qatt ma dħalna fiċ-ċenaklu
biex jieklu magħom
għax aħna zgħar wisq.

U meta tinfaqa għad dil-bużżieqa
aħna ma jkollna ebda kliem li jqawwi l-qalb
għax aħna konna minn tal-ewwel li għednielhom
li l-ebda bużżieqa ma tista’
tibqa’ tonfoħha għal-dejjem.

Alfred Grech
28/03/2020.

Friday 27 March 2020

The Black Death: Punishment From God - Vision Times

Dan Huwa Skiet.

Dan huwa skiet tal-iħirsa
Dan huwa baħħ li jisfronda
Xefaq li jitbiegħed
Konfini li jitwessgħu.

Aktarx li konna fuq is-sħab
Tal-allucinazzjoni
Bħal anġli li qatt ma ntebħu
Bid-daqq tat-trombi.

Dan huwa skiet li jwennes
Dan huwa baħħ li jirbombja
Xefaq li jintilef
Konfini li joħonqu.

Dan huwa żmien ta’ riflessjoni
Ninkinaw ġenuflessjoni
Bal-bebbux li jikkonfondi
Serbut nemel tilef triqtu.

Dan huwa żmien fejn għad
Irrid nqattgħu l-karti
U nerġgħu nibdew mill-ġdid.

Alfred Grech
27/03/2020

Wednesday 25 March 2020


Image result for endless journey

Ma Jiswiex.

Ma niswiex aktar mit-tiben
Li jittajjar maż-żiffet il-grigal
Kull meta taqra’ dawn il-versi.

Kliemek bħal ħmar il-lejl
Li jintesew kull waqt li tlissen
Kull xħin nistembaħ
Biex imbagħad nibqa’ nistaqsi lili nnifsi
Min tassew qed jgħid is-sewwa.

Hsiebi bħal peprin tlellex
Fis-sirda ta’ novembru
La jberrdu u lanqas isaħħan.
It-tqanqiliet ta’ ruħi
Imperriċhom fuq xi siġra
Għall mira tal-kaċċaturi.


Għadni nsammar fuq iċ-ċimblu
Nistagħad għal seħer in-nota
Li trid xi darba tagħmilni qaddis.

Kien hemm żmien li kont nonfoħ
F’imnifsejk u tieħu l-ħajja.

Alfred Grech
25/03/2020.