Tuesday 31 July 2018


Image result for canvas nude silhouettes

Min Jaf Hux Kollox.

Min jaf hux kollox attaparsi
Int kieku lanqas tgħidli
Għax inti attaparsi tħallini fl-għama,
l-għama tal-boloħ.

Int tgħidli li fl-ikbar u fl-iżgħar
Kollox jiċċajpar,
Ma jibqa’ xejn distint
U l-ebda xefaq ma jifred
Is-sema mill-baħar.

Sadanittant ix-xemx
Titla’ u tinżel kulljum
Minn wara x-xefaq
Siparju jieħor li jostor
Simulazzjoni.

U jiena qmara ieħor
Fl-orbita bla naf
Tal-qawwa ta’ sbuħiek.

Alfred Grech
31/07/2018

Monday 30 July 2018

Image result for george mizzi painting

Li Kieku Fhimt.

Li kieku fhimt għaliex kont qed inwerżaq,
Ma kontx iddawwar wiċċek
U tagħmel ta’ bir-ruħek mintix tisma’,
Għaliex is-skiet tqil wisq
U tat-twerwir.

LI kieku fhimt il-freneżija li qabditni
Kont taf li dan hu diwi
Ta’ ħsejjes aktar fondi
Jirbumbjaw l-stunaturi nfantili.

LI kieku ħallejtni nterraq waħdi
Aktarx li ma kontx nasal f’tarf id-dinja,
Kont nibqa’ miexi wara dik il-kewkba
Ta’ mingħajr xuxa
U nispiċċa ninnamra magħhha.

Alfred Grech
30/07/2018

Sunday 29 July 2018


Image result for vaginal dryness in art

Kemm Qed Inħossni Xott.

Kemm qed inħossni xott,
din nixfa mhix sajfija
għalkemm l-imrewwħa ddur
iż-żiffa mhix għalija.

Kemm qed inħossni xott
kemm tista’ tkun bi tqila
trid terġa’ tiġi ż-żiffa
biex twelled xi tqanqila.

Kemm qed inħossni xott
bħal-għajn tal-ilma ġieri
li qatgħet, bħal kliem
li jidħol fil laħam ħaj u jfieri

Alfred Grech
29/07/2018

Saturday 28 July 2018


Related image

Jien Insejjaħlek.

Jien insejjaħlek
Iżd’inti ma tiġix,
Għax tibża’ li tinkixef
Fl-għera tiegħek.

Jien insejjaħlek
Iżd’inti ma tiġix,
Jien naf li hemm qiegħda
wara l-kantuniera,
Jien nibqa’ nistennik.

Alfred Grech
28/07/2018

Friday 27 July 2018


Image result for the curse of development

Jekk Toqgħod Hawn.

Jekk toqgħod hawn ma titkellimx
jien nimla’ d-dinja tiegħi bis-skiet tiegħek,
u noqgħod jien ukoll nistenna bħalma l-lejl jistenna d-dellijiet
ma tlugħ ix-xemx filgħodu,
sakemm nistordi bl-aħħar hoss ta’ xi xi vettura
għaddejja ġġor quddiemha l-ħoss marsus
u warajha kuda twila.

Imbagħada għad filgħodu, xħin id-dellijiet jaħarbu
ejj’għanni l-għanja tal-għasafar fuq il-friegħi
qabel ma jaħarbu:
ejj’imla l-ġonna bil-ward tax-xemx
u bl-ilwien ta’ kull ward’oħra
qabel ma tinbena u timbela’
l-aħħar roqgħa rt.

Alfred Grech
27/07/2018



Kif Nagħmel?

Kif nagħmel ma nitlax
It-tarġa’ bħal ħaddieħor,
Jew nidħol fl-ingraġġ
Tal-wieħed jew tal-ieħor?

Kif nagħmel ma nweġibx,
Għal dak li jgħidu ’l-bqija
U ngħaddi bil-pulit
Bla jieħu ħadd għalija?

Kif nagħmel għidli ftit,
Għax għadda daż-żmien kollu.
Dir-rassa u dal-irbit
Ma nafx kif ser inħollu?

U nagħraf lili stess
Fil-baħħ u x-xejn taċ-ċaħda,
Nistaqsi kif għaddew
Il-granet, waħda, waħda.

Alfred Grech
27/07/2018

Thursday 26 July 2018


Related image


Godiva.

Hekk hu s-sabiħ tal-ħajja,
Joħorġu versi ħielsa,
Xħin tinżel sħaba sewda,
U tgħatti ħarstek mielsa.

Ja mara t’elf mitt ħolma
All’ ieħor jien noħloqlok,
Biex toħroġ minn ġol-ġaġġa
U timraħ kif jistħoqqlok.

U tirkeb fuq iż-żiemel
Tisfida bl-għera tiegħek
U tgħaddi minn ġot toroq
U ġġorr is-sewwa miegħek.

Noħloqlok ġenju akbar
Minn dak tal-abitudni
Tas-setgħa jew tal-qawwa
Twemmin jew konswetudni.

Noħorġok minn ġol-kwadru
Ta dinja mhux kif xtaqna
Il-barra mll-binarji,
Nistaqsu minn fejn tlaqna.

Alfred Grech
26/07/2018

Tuesday 24 July 2018


Image result for villa rundle victoria

Fuq Villa Rundle.

M’hemmx għalfejn nitbiegħed
Biex nislet versi ħielsa,
U m’hemmx għalfejn nitlajja noqgħod
Biex nisfida l-ħin għaddej,
Għaliex tqanqil ir-ruħ għandu minn tal-buffuri.
Għalih il-ħin mhuwiex se jgħaddi.
Ridt ninża għarwien u ridt nistaħba
Iżd’hawn kullħadd jarani.
Għandi l-vizzju li niġi hawn
F’dal ġnien tat-tifkiriet u tal-misteri
U ridt ninġarr mal-ilma ġieri
Tal-funtana.

Alfred Grech
24/07/2018

Monday 23 July 2018

Image result for sea gull lament

Tista'

Tista’ tħallini hawn bejn is-skiet ta’kull tbissima
jinħela fl-abbiss tal-ħarsa tiegħek.                       
Int li bħali tqum filgħodu
u bħalma jbus il ġawwi l mewġ tal baħar,
tfittex il-ħarsa tieghi.
Jiena nista’ nkun il-qlugħ tal bastiment
li jrid iwassal lili u lilek
fuq dik l-art fejn għadu ħadd ma rifes.
Din l-għanja tiegħi trid tiżżerzq
mal għola mewġ biex tista’ tasal
lilhinn minn fejn għsd tasal
tpetpit l-għajnejn jinvadi x-xefaq.
Kull meta naħrab mill-ħsejjes tas-solitudni
u niġi nfittex għandek, int turini
sema ogħla minn dak li nistgħu nilħqu.

Alfred Hrech
24/07/2018

Related image
Lanqas Biss.

Lanqas biss ma kont intbaħt
li fis-sema hemm kwiekeb seduċenti
li jegħmżu u jisparixxu
u xhin iridu jitfu d-dawl li jerġa’ jiddi.

Dik li ssejħilha mħabba
mhu xejn għajr il ħafna kliem,
tispiċċa d-diskursata
u duħħan ma kullimkien.

F’għajnejk fittixt il-ferħ
li ħaddieħor kien seraqlek
fuq xuftejk dik it-tbissima
illi taf is-skiet taċ-ċaħda.

Alfred Grech
23/07/2018

Sunday 22 July 2018


Image result for predestination

Salm


Dan salm li jintona r-riħ ivenven
ir-riħ li jtajjar it-trab li jgħammex l-għajnejn
bħal meta jitla l-għajru bla mistieden
u ma nibqax inħażżeż aktar dawk il-linji
safejn għad irrid nasal.
Imbagħad interraq għalxejn.

Meta tintebaħ bl-ilwien ikanġu
ta’ nżul ix-xemx li għal tant żmien tkun qiegħda tfittex,
issib li nkunu mxejna nofs it-triq,
u int predestinata li jien ma nilħqek qatt.
Imbagħad ġie swied il qalb
u żmien id-distrazzjoni
fis-soppa primordjali li t-tnejn li aħna twelidna fiha
li tagħġen dak li int u li qed tara.

Jien nibqa’ waħdi hawn sogħbien
biex inti tiġi żurni fil ħolm tiegħi u tgħidli
li bdejt tifhimni.

Alfred Grech
22/07/2018 

Saturday 21 July 2018


Related image

Fuq Ta’ Slima, San Lawrenz.

Bil paraxut tiddendel ix-xemx fi ħdan iċ-ċpar il minsi.
F’dawn l-inħawi fejn jgħammar is-skiet tal-fidwa
tghixhu bil jum kull jum li fih teżisti
u s-skiet jinkiser biss mit-tokki ta’ qanpiena
tintona l-għasar, jew it-tisfir tal-użinjol jistenna d-dalma.
Kif tista’qatt dir-ruħ ma tieħux nifs u toħroġ
minn ġol-fosdqa bħal bebbuxi wara ħalba xita
jekk fuq in-art qed tħossha hekk marsusa.
F’din in-nixfa ta’ Lulju li jixwi fuq il-gradi
tkun biss il-fewġa tal-grigal li tiffriska
ir-ruħ tissielet mal-ħsieb lebbiet li qatt ma jċedi.
F’daw’ l mergħat ta’ ħaxix niexef u ħuxlief li jeħel maż-żarbuna
tista’ tinsa, u tħalli wara spallejk ix-xewqa li trid tinftiehem
imqar  ma xi gremxula inkella xaħmet l-art lli tmur tistaħba
hekk kif joqorbu l-ħsejjes.
Il-bniedem biss b’ħidmietu jikser is-seħer ta’ dil mixja
tal-infinit li ma jidħolx fin-nisġa ta’ dak li s-soltu jiġri.
U meta tasal f’tarf l-irdum trid tieqaf hemm
għaliex bħal tibża li l-abbiss li jiġi taħthu jista’ jaħtfek.
Moghħdija sserrep qalb l-għelieqi tista’ twasslek
għax f’daqqa waħda bħal donnok taqta’ qalbek.
Ir-resħa tal-grigal hi biżżejjed biex traqqad is-sensi
u ħin bla waqt intbaħt bil ħtieġa tal-għajnuna.
Jien niġi hawn infittex il-ħsibijiet ta’ qalb ir-raba
qabel l-għajn li qatt ma taqta’ ħesrem tinxef.
Dal-blat ma jġibli ebda nostalġija
għaliex ma fiħx is-sensazzjoni ta’ meta kont ngħix
mingħajr ma naħseb u meta tibda tiela’ t-telgħa
ssib li t-toqol qed jiżdied imqar jekk hemm min jgħinek.
Hawnhekk il-poeżija tiġeu l-ħajja.

Alfred Grech
21/07/2018





Image result for saturn mythology

LXII.
Saturnu jiġi jżurni għall-għarrieda,
U f’daqqa waħda jinżel is-siparju,
U tgħaddi mingħalija l-mewt qerrieda
U nibda tiegħla t-telgħa tal-kalvarju.

Imbagħad tibdew tarawni qed nitbiegħed,
U nħaffer sew fil-baħħ ta’ ġewwa fija,
Nistaqsi lili nnifsi jien fejn qiegħed,
Għax f’sikti jien ma nkunx, tieħdux għalija.

Saturnu jiġi u jagħmel kollox tiegħu,
Iħabbat b’saħħtu l-bieb, biex jidħol ġewwa,
U jekk niqaflu, jġorrni b’kollox miegħu
U jiferx saltna skura ta’ bla ħlewwa.

Fil-baħħ u f’qiegħ l-uġiħ ta’ ruħ għajjiena
Jonfoħ ir-riħ u jdawwar ir-raddiena.

Alfred Grech
30/09/2012

Friday 20 July 2018


Related image

Ma Rridx Nisma’.

Ma rridx nisma’ kantalieni
Ma rridx nisma’ aħbarijiet,
Fuq l-iskrin jew diġitali,
Kull filgħodu f’dan-naħħiet.

Ma rridx nidħol fil-binarji,
Bħalma jagħmlu ta’ kuljum
Dawk li huma egħref minni
Minn dan kollu rrid insum.

Jew inkejjel is-sħab fl-arja,
Għax ninsab mal-migdudin,
Sibt jien ruħi bl nistaqsi,
Ġo did-dinja tal-bnedmin.

Ġo did-dinja tal-virtwali,
Ġo did-dinja tax-xbiehat,
Toqgħod tisma’ x’qiegħdin jgħidu,
Minn dak kollu x’jimpurtak?

Nidħol nerġa’ f’dan iċ-ċirku,
Bla ma biss jikkonsultawk,
Ikaxkruni, jimbuttawni,
Bla ma biss jikkunsidrawk.

Noqgħod biss irrid għalija,
Waħdi, waħdi ġo xi għar,
Jew inkella f’xi bettija
Jew inkella wara ċ-ċpar.

Alfred Grech
20/07/2018

Thursday 19 July 2018


Image result for naked woman going nowhere

U Kollox Rega’ Għal Li iien.

Jien stajt kont dawk l-affarijiet li kont qed noħlom
u stajt ma kont qatt xejn minn dan,
Int stajt kont dawk il-ħwejjeġ kollha
u għalhekk l-aħjar li ma ltqajniex.
Int issa tlaqt issib lilek innifsek:
minn dawk l-nħawi kont għaddejt.
Jien naf li għad trid terġa’ lura
imbagħad noqgħodu hawn it-tnejn
u ngħixu dak li jista’ jkun jew sata’ kien.

Jien ħsibt li nista’ nagħmel l-isbaħ ħaġa li naf nagħmel:
Ngħanni;
Għalik kien telf ta’ żmien.
Jien ħsibt li nista’ nagħmel
l-inqas ħaġa, noqgħod nisma’
Il-widna tiegħi ma tridiex.
Jekk ridt tambur biex toqgħod fuqu ttambar
iż-żifna ma bdilthiex,
kien ħamar il-lejl u issa sebaħ,
u kollox rega’ għal li kien.

Alfred Grech
19/07/2018

Wednesday 18 July 2018


Related image

LXI

Int bħal rigal li ġejt imkekkeb sewwa,
Li sbiħ din l-għodwa ħadni għall-għarrieda,
Mingħajr ma ftaħt il-bieb ġa dħaltli ġewwa,
Flixkun bl-aħbar, fix-xibka tas-sajjieda.

Kebbist musbieħ il-lejl fid-dlam ta’ dari,
Wellidt xi ħaġa ġdida li kont nafha,
Li qatt ma ħlomnt li kienet hawn madwari,
Nixxiegħa t’ilma ħaj li jġib l-indafa.

Għalxejn għarrixt biex naqta’ minn fejn ġejja,
Biex issa l-għadda ż-żmien jaġħtik li tifhem,
Minn fejn għaddejt sakemm wasalt sa ħdejja,
Biddiltni ta’ taħt fuq, fir-ruħ u l-ġisem.

In-nisġa’ ta-destin u t-twettieq tiegħu,
Hu dawl fuq il-warrani li jġorr miegħu.

Alfred Grech
13/09/2013

Monday 16 July 2018


Related image

Kemm Se Ddum?

Kemm se ddum ma tiftaħ is-separju
tgħolli d-dublett u tibda’ tisfen
il-Paso doble?
Jien lanqas m’għadni nemmen
fir-rakkont tiegħek biex nistejqer
jew trid toqgħod hawnhekk
biex tilgħab mistoħbija,
ferħa ta’ waħda li taqra l-qsim il-qalb
fuq wiċċ il-baħar ħiemed.
Kemm sejjra ddum ma tiftaħ il-persjana
inkella tfittex il-qassis
biex titlob maħfra?
Tgħid il-biża’ kien biss tal-fatati jew l-uħux
li jisfumaw fi sbieħ il-jum?
Għaliex hemm barra l-kotra
lanqas biss ma tarf x’qed jiġri.
U kemm se ddum tilgħaba din il-logħoba
il-logħoba tat-tlellix u tal-irtokki?
Tgħodd biss lil min idawwar wiċċu
biex iħares u jneħħi l-maskra.
Il-ħarsa tiegħek iva tinfed
u issa li ġejt tfittixni
għandek bżonn min ifissirlek
għaliex ninħtieġ id-dwejjaq
biex nibda’ nifhem.

Alfred Grech
16.07.2018


Saturday 14 July 2018



Xi Minn Daqqiet.

Xi minn daqqiet jien nagħmilha ta’ kavallier
U niġi nfittxek lilhinn miċ-ċittadella,
Iżda l-mantell tiegħi ma jaħbix
dan l-univers ta’ dellijiet li dritt jaħarbu
kull meta nibda naqdef kontra kull rima.
Id-dehera tiegħek daħlet f’moħħi
bħal meta tiftaħ ktieb għall-ewwel darba
u tħares lejn il-qoxra biex mingħalik trid taqta’
x’għandu xi jgħidlek.
Xħin bdejna nimxu lejn xulxin intbaħna
li kien għad jonbqos pass ieħor
u bejnek u bejni kien hemm dejjem
il-baħħ tal-infinit
u l-bogħod li hemm bejnietna
mhuwiex lanqas bogħod wieħed.
Jien nibqa’ naqdef xorta waħda
mar-rima li tħallili l-fwieħa tiegħek
inkella s-skiet ta’ xi sirena
minflok ninħeba fiha nnifsi.

Alfred Grech
14/07/2018

Friday 13 July 2018


Related image

F’Dawk il Jiem.

F’dawk il jiem t’għanjiet qosra
għax it-tgħarixa tmur u tiġi. . .

F’dawk il-jiem meta kont nisma’
l-leħen tiegħek qalb is-skiet u l-ħsejjes tal-kampanja
kont nilmaħ it-tbissima fuq xufftejk
iddawwal kull ħaġa mdallma
imqar dak kollu li żammejna mistur bejnietna
inkella dak kollu li għamilt jien waħdi
meta inti ma kontx qed tħares.

F’dawk il-jiem kont inxomm il-fwieħa tiegħek
kull meta r-riħ kien ifakkarni
li sar il-ħin
u jiena ħsibt li se narak
titfaċċa minn x’imkien.

F’dawk il-jiem jien kont ferħan
għax kelli lilek.

Alfred Grech
13.07.2018


Thursday 12 July 2018


Image result for silenece is a nude goddess

Xħin Jaqa’ s-Skiet Bejnietna.

Xħin jaqa’ s-skiet bejnietna
int titlaq ’l-hemm
u tħalli rima tfugħ ta’ xewqat sbieħ
biex jerġa’ jgħaddi ż-żmien
u jien jibieli.

Xħin jerġa’ jaqa’ s-skiet bejnietna
jien bħal nistrieħ
u nħoss li tar minn fuqi
it-toqol ta’ destin li ma flaħtux
U tkun marrittli kull mistħija
tal-attur li qatt ma rreċ’ta.

Xħin jaqa’ s-skiet bejnietna
inkun waqajt fil-muta tal-poeti
u int ma jkun baqagħalek xejn
xi tgħidli aktar
għaliex il-kliem ikun tilef
is-seħer tiegħu.

Xħin jaqa’ s-skiet bejnietna
jkun għaliex inti tkun sirt
tad-demm u l-laħam.

Alfred Grech
12.07.2018

Wednesday 11 July 2018


Related image

Ma Rridx Dal-Ħafna Skedi.

Ma rridx dal ħafna skedi,
ninqabad f’kontra temp,
għax sa ma jasal għada
għad jaqbad il-maltemp.

Jien issa qed bi kwieti
ta’ dan se nħallas żgur
bil-qares u bid-doppju
kull kif għax hekk imur.

Għax min bi kwietu joqgħod
did-dinja ma tħalliħx,
bis-saram u bid-dnewwa
ħlief swat din ma tagħtiħx.

Alfred Grevh
11.07.2018

Tuesday 10 July 2018


Related image

Li Kieku M’Hawnx inti.

Li kieku m’hawnx int tgħidli x’għandi nagħmel
kieku jien norqod,
u nagħmel bħal qattusa li tgħaddi l-ġranet tagħha
rieqda.
Fid-dlam jagħtini ħmar il-lejl
u nibda nara
inkella niggranfa bħalma jagħmel farfett il-lejl
ma saqaf rasi l-isfel
biex nirrifletti ta’ taħt fuq
jekk dak li nara jiġri jagħmilx sens
inkella assurd;
jekk posti hux ma dawn in-nies
inkella x’imkien ieħor
fejn jibda jgħadd iż-żmien
bil-maqlub.

Alfred Grech
10/07/2018

Monday 9 July 2018


Image result for woman outside the frame art

Imnaqqxa Hemm It-tifkiriet.

Imnaqqxa hemm it-tifkiriet tad-dehera tiegħek
sibilla t’elf mitt skuża u t’elf mitt qamar.
Int ma rajtnix fil-kwadru li pinġejt,
Il-kwadru kien għal-mostra ta’ ħaddieħor
Ridt biss magħluq iżżommni fil-kaxxetta
tal-bżonnijiet jew ta’ xewqatek.
Int ridtni konfessur biex tqerr dnubietek,
jew xalpa ddur mal-għonq f’lejla xitwija.
Jien ridt li nibdni pont biex fuqu nimxi
u tgħaddi l-ferrovija ta’ ħajjitna.

09/07/2018