Friday 5 January 2018



Naiad.

Bħal kalamita’ nħossok, tiġbed bla ma terħi.
Jien qed narak, naqrak daqskemm kont ħajja
daqs meta kont titkellem b’leħen bħal għoli
sibilla mqadda li għeddejtu żmienek
titgħajjar, timbex, tħammeġ u tiżvina,
Ukoll jekk jien ma nafx minn fejn int qiegħeda
tilmaħni u taqra mqar sal-ħsieb ta’ moħħi,  
jien qed narak u miegħek qed nitkellem
u inti lanqas tista’ twieġeb lura
għaliex tar-rand il fwieħa li kont terħi
taret mal-irwiefen,
Trab issa sirt, duħħan minn ġoċ-ċumnija.
Kliemek jirbombja daqs tambur fil-beraħ
trehid li m’għadu jħalli l-ebda rima
int lanqas tista tlissen kelma waħda
u l-ebda għarbiel ma jesgħa l-frugħa tiegħek
daqskemm kull sillaba alfabetika li setgħet
ittenni ismek.
U jiena bqajt hawnhekk sabiex intenni
dak l’innu fgat ta’ min iħossu ħieles.

Alfred Grech
05/01/2018


No comments:

Post a Comment