Thursday 9 August 2018


Image result for the eyes are the mirror of the soul

Ridtek Tħares Ftit f’Għajnejja.

Ridtek tħares ftit f’għajnejja
Ridtek tħares ftit fl-abbiss
Jew tistaqsi l- mistoqsija
U taqrani kif imiss.

Ridtek tħares ftit f’għajnejja
Ridt nistaqsi jien min jien,
Bdejt inħoss is-sħana tiegħek
Kollox reġa’ għal li kien.

Ridt inħossni biċċa minnek,
Ridt nintilef fl-univers,
U ridt ngħum fil-baħar tiegħek
Ridt inħossni ftit divers.

Jiena deherli li ħassejtek
Issefsifli fil-widnejn;
Kont imnebbaħ, kollox sewwa,
Xħin ħassejtni bejn ħaltejn.

Ridt ninġarr mar-rima tiegħek,
Ja sibilla, fejn tmur int;
U ridt nisma’ x’tista’ tgħidli
Sforz il-heġġa, sforz l-istint.

Ridt inħares fija nnifsi
Jekk hux din il-verita’;
Jew inkella hemmx xi maskra
Biha nsib l-identita’.

Alfred Grech
09/08/2018

No comments:

Post a Comment