Wednesday 17 October 2018


Related image

Is-Sens tal-Ħajja.

Xħin tibda tmur għar-ritmu
U lanqas sibt ir-rima,
U tibqa’ ddur u tagħqad
U titlef it-tbissima,

Xħin lanqas biss il-weġgħa
Ma tħoss u xejn mhu f’waqtu
U taħsbek miexi f’ħolma
U xejn ma jkun kif xtaqtu.

Xħin timxi bla ma tħossha
Ir-rifsa xħin titlajja,
Tistaqsi hux qed titlef
Tassew is-sens tal-ħajja.

U taħseb hux f’kull weġgħa
Ewwilla hemmx tifsira,
Fil-forġa n-nar isaffi
U jnessi kull tifkira.

Xħin lanqas tibqa’ temmen,
Li fuqu kont isserraħ,
Li wasslek f’tarf in-niżla,
Mhemm xejn li jista’ jferraħ.

Issir hekk taf il-għala
U din tagħlima kbira:
Mhux int il-ħajja tifhem
Il-Ħajja ttik tifsira.

Alfred Grech
17/10/2018

No comments:

Post a Comment