Sunday 8 April 2018



Exsultet.

Ħa tifraħ din l-art li xi darba konna ngħidu
li hi l-isbaħ ġawra fil-kuruna tas-sultan,
Għax issa niżlu fuqha bħal isqra
l-għasafar tal-ħtif,li jaħtfu l-ġid bil-ponnijiet
il-ftit li baqgħu jonfħlu l-bżieżaq
tal-ekonomija tas-sapun.
Ħa jifirħu l-Ministri u ta’ madwarhom
li jistgħu jitpaxxew u jiftaħru
li qed jaqdu ’l-alla tal-ħala, taż-żeblieħ għal kull deċenza,
tal-bini bla rażan, u tal-kollox jgħodd imbasta għall-flus,
tal-istravagnaza u tal-affluwenza,
għax issa l-Maltin lanqas għadhom iridu jħammġu jdejjhom,
lanqas iridu jaħsbu b’moħħom u lanqas m’għandhom għalfejn
għax hemm min jaħseb għalihom.
Ħallu t-trombi tas-salvazzjoni
idamdmu, jirrumblaw,  jirbumbjaw
u jifqgħu l-widnejn li  qatt ma semgħu l-ħsejjes tal-muturi,
u jidħlu f’kull rokna fejun tista’ tmur tistrieħ
għall-kwiet jew tikkuntempla;
Ħa jirbumbjaw u jekkeġġjaw il-qawwa tas-sidien il-ġodda,
li jaħtfu, li jħammġu u li jeqirdu
bl-iskuża tal-isvilupp u tal-ekonomija dejjem tikber.
Ifirħu, ħa tifraħ l-art għaliex il-glorja
qed tegħereq ġewwa fiha u qed tħeġġeġ
id-dawl tas-sultan setgħani tagħha.
Ħa jifirħu l-irkejjen kollha
għaliex jagħrfu t-tmiem tad-dwejjaq u tad-dalma.
Ħa tifraħ din l-art, l-omm li tagħtna isimha,
imdawwla kif inhi mid-dawl fuqhani
li ġej minn kredu trijonfanti tal-progress
tal-izvilupp u tar-regolamentazzjoni.
Tiftaħar illi kienet saħansitra minn tal-ewwel
li tibdel liġijiet u taqleb ta’ taħt fuq kull-ordni naturali,
ġerarkiji, troni u dominazzjonijiet,
u tispiċċa biex tibla l-ħmerijiet minn kull fejn jiġu.
Ħalli l-qarnita ta subajjha twal u nviżibbli
tal-kilba, tifga, tnaqqar, issewwes u taħtaf
kul biċċa roqgħa art verġni
fost in-ngħas u t-telqa ta’ poplu lluppjat
aljenta bix-xbiegħat virtwali
aktar milli bin-naqxiet tat-tafal.
Għalhekk għeżież ħbieb, li bħali
tinsabu għarkubjejjkom quddiem il-qawwa u l-glorja
ta’ setgħa moħbija
li tiggranfa u tisloħ u tifga
l-aħħar għeliem tal-ħelsien fid-dieher
sejjħu miegħi s-setgħa ta’ dan l-alla ġdid
li lili għoġbu jgħoddni għalkemm ma jistħoqqlix
fost il-leviti.
Isawwab fiha d-dawl bla dellijiet
tal-illuminazzjoni l-ġdida
ta’ soċjeta’ nkusiva, fejn titneħħa d-distinzjoni,
kull diskriminazzjoni, u kollox livellat
għal xejn mhux xejn u fejn kulħadd
irid jilbes maskra waħda;
Biex jiena wkoll nista’ ngħanni
t-tifħir ta’ din ix-xemgħa.
Amen.

Alfred Grech
08/04/2018.



No comments:

Post a Comment