Wednesday 11 April 2018




Frugħa.

U f’ħajjti sibt il-milja tiegħi
Għaliex insejt li qiegħed ngħix.
Nindiehes mat-tmellis ta’ jdejk assenti
Mas-seħer tiegħek kullimkien
U mill-fwieħa ta’ tifkira saret xewqa.

Hu fix-xaba’ tal-frott li ġibt quddiemi
Li jien sibt il-baħħ ta’ ħwejjġek
U l-għatx għal dik il-ħaġa li mhix tas-soltu.
Iżda, jien li qiegħed ngħix bejn dak li jien
U li nixtieq; bejn dak li noħlom
U dak li jgħix il-ħolma qasira tkun is-sensazzjoni
Tal-miġja tiegħek u tal-bżieżaq tas-sapun
Li jfawwru fuq wiċċ l-ilma.
Kull xħin tintefa’ f’ħoġri
Jien ninfed ħbub għajnejk bil-ħars distratt
Jew nagħmel dik il-qabża li tmur lil hemm.
Insib ruħħi n-naħħa l-oħra
Fl-infinit, fl-etern, fix-xejn qatt ma jinbidel.

Għax xejn ma jista’ jwaqqaf din il-mixja
Sat-tarf li jiġbed lejh kull direzzjoni
Fejn kollox huwa ċar li tista’ tifhmu
Bħal mixi ta’ gelgul tal-ilma ġieri
Lejn l-oċean  idifferenti.
Jien miegħek nerġa’ ngħaddi wkoll
Mill-wied mudlam tat-tentazzjoni
Tqanqil ta’ kull passjoni u tat-tiġrib,
Kull meta tgħaddi minn quddiemi.
Inti tibqa’ tgħid li trid u jiena ngħidlek
Li din hi frugħa tal-frugfħat u xejn ħlief frugħa.

Alfred Grech.
11/04/2018

No comments:

Post a Comment