Thursday 7 June 2018



 Related image


 Epithalamion


(Lil Marie u Ryan li ngħaqdu fiż-żwieġ 06/06/2018)

Intom allat ta’ olimpu
u inti Imene wild Urania
li tkun minn ta’ quddiem fil-marċ nuzzjali,
wassal lil dix –xbejba għażiża lejn seħibha.
O Imene Imeneaus f’dil-lejla ta’ sirda u żiffa ħelwa
li tonfoh l-għaniet inkantevoli tas-sireni.
Dawwar ma dwar rasek ward ifuħ u weraq tar-rand,
itfa’ fuqek il velu maestus u xidd is-sandli tad-deheb
biex tmexxi din il- purċissjoni lejn il-quċċata tat-twettieq
f’dan il-lejl iħeġġeġ bil ferħ, bil-għana u bil-melodiji li jixirqu.
Olqot l-art b-riġlejk u iftaħ l-għejjun tal ors u tal-imħabba.
Sejjaħ lix-xbejba u uriha t-triq lejn żewġha
sabiex tingħaqad miegħu fl-imħabba dejjiema
bħalma tingħaqad u titgeżwer il-liedna mas-siġra li magħha tixxabbat.
Intom xbejbiet f-ilbieskom trasluċenti
għalikom jum bħal dan għad irid joqrob
ingħaqdu intom ukoll fdil-litanija ta’ tifħir u għana
ta’ mħabba li hi tassew imħabba bejn mara u raġel.
Minħabba fik  o kbir Imene il-ġenituri  jkunu fuq ix-xwiek,
l-għarus jistenna u x-xbejba tkun ħerqan biex jitilgħu din it-tarġa
ta’ ħajjithom fit-trapass bejn iż-żogħżija u l-għaqal maturat.
Inti teħles u tgħaddi f-idejn iż-żagħżugħ il-warda ta xbejba
li tieħu minn ħoġor ommha.
Mingħajrek xogħol Venere hu bla fejda.
Mingħajrek kull dar tibqa’ bla wild,
il-ġenituri jibqgħu weħidhom,
u mingħajr ir-riti tiegħek kull ġens tonqoslu s-sinsla
li hi l-familja magħmula u mrawma minn raġel u mara.
Iftaħ mela l-bibien li jieħdu l-bogħod għaliex ix-xbejba waslet,
l-għarus ma jdumx jistenna u d-dawl tar-rifletturi
jilmaw u juri s-sbuħija ta’ dil-koppja.
Tibzax ja xbejba, għaliex ebda tiġrib ma jdallamlek il ferħ u l-ħeġġa
li huma sehemek. Ersaq il-quddiem u ersaq lejna
bħal dik is-sultana nieżla mit-taraġ imperjali.
Inti tisboq il-gjaċint li jgħolli rasu ‘l-fuq mill-għana kollu ta’ ġol ġnien.
Ersaq il-quddiem ja xbejba, dan huwa l-waqt li jagħmlek mara
isma’ l-għanja tagħna
għax żewġek huwa l-prinċep tal-irġiel, mogħni bil-ħila li
kienet dejjem xiehda ta’ għemilu.
U bħama d-dielja taqbad u u xxeblek ma kull sigra li ssib
hekk huwa jħaddnek u jagħmelk tiegħu għal tul iżmienijiet.

Ja Imene Imenaeus
ġibilna awguri tajba sabiex din il koppja
tista’ tħares ’l-quddiem u tgħix fil hena u fil ġid li jixirqu lil kul uman
għal tul iż-żminiiet.

Alfred Grech
07/06/2018
 



























.







.

No comments:

Post a Comment