Saturday 10 June 2017



Qisek Ruħ Mimlija B’Għira.

Qisek ruħ mimlija bl-għira,
Ma tridx taf, ma taranix,
U ma tridx tirrispondini
U sirt qisek ma tafnix.

Qisek dell li tlaqt għal-dejjem,
Jew il-ħsieb li ma tħabbarx,
Bħal idea l’issa nsejtha
L’issa żgur ma niftakarx.

Inti taf li niġi nfittxek
Fejn ħaddieħor ma jsibekx,
Fuq ix-xefaq ta’ dil-lejla
Ħalli ngħid li ma nafekx.

Jekk tixgħelli t-tama tiegħi
Bħalma tixgħel xi musbieħ,
U tħallini nimxi l-mixja
Hekk jien miexi kontra r-riħ.

Jekk tħallini nimxi l-mixja
Minn mogħodija fuq il-blat,
Tiskanatx jekk terġa’ ssibni
Fuq il-għolja tal-allat.

Jekk turini f’din id-dinja
Ta’ nuqqas u ta’ dnubiet,
Nibda ntir fuq il-mibgħeda
U l-ferment ta’ ġol-ibliet.

Qisni kewkba li bdiet tiddi,
Ħlief iddawwal din ma tafx,
Tibda tixgħel u tibbrilla
Tibda mbagħad biex ma tagħrafx.

Alfred Grech


09/06/2017

No comments:

Post a Comment